opinjoni | F’ġieħ is-sewwa, irtiraw
'Wara dawn ir-rivelazzjonijiet, nistieden lil Adrian Delia u lil Frank Portelli sabiex jagħmlu eżami tal-kuxjenza u jaraw jekk dak li qed jagħmlu hux verament għall-ġid tal-PN jew le'
Qegħdin fl-eqqel tas-sajf u anke fl-eqqel tal-kampanja għall-kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista.
Fil-waqt illi l-erba’ kandidati qed iduru l-każini tal-partit madwar Malta u Għawdex u jindirizzaw lill-kunsilliera u t-tesserati, il-kampanja ma tistax ma tiġix ikkundizzjonata bir-rivelazzjonijiet illi qegħdin isiru minn Daphne Caruana Galizia. Għalkemm hawn ħafna illi ma jaħmluhiex, u għalkemm dina l-kolonna mhux dejjem taqbel mal-istil u l-kontenut tagħha, il-verità sagrosanta hi illi DCG spiss twettaq irwol fundamentali fid-demokrazija tagħna. Dana billi tikxef borom illi fil-fatt il-media tradizzjonali messha tkun kixfet. Imma spiss jiġri illi l-media tradizzjonali jkollha l-aġenda tagħha u kunsiderazzjonijiet kummerċjali u toqgħod lura ħalli ma tirfisx kallijiet partikolari. Malta żgħira u n-nies magħrufa u mhux faċli żżomm sigriet. Imma spiss affarijiet jibqgħu mistura mill-pubbliku minkejja illi jkunu magħrufa lil bosta.
Għandhom ikollhom l-umiltà illi jirtiraw mit-tellieqa llum qabel għada
Għaldaqstant ir-rwol ta’ DCG hu essenzjali sabiex tikxef dak illi l-media tradizzjonali toqgħod lura milli tikxef. Huwa minnu illi xi kultant tidħol f’materji personali illi mhux dejjem ikun għaqli illi wieħed jidħol fihom. Imma jekk il-komportament privat ta’ persuna jinċidi fuq il-pożizzjoni pubblika tiegħu, allura huwa sewwa u ġust illi l-pubbliku jkun mgħarraf ukoll dwar tali komportament. Li hu fatt hu illi DCG tipproċedi fil-ħidma tagħha b’żelu u bi preċiżjoni forensika illi ftit teżisti bħalha fil-ġurnaliżmu lokali. Dejjem tkun preċiża u korretta f’li tgħid u tikteb? Naħseb li l-anqas hi ma tippretendi illi huwa l-każ. Imma illi dak li tikteb ikun ta’ sustanza, in buona fede u ta’ servizz għad-demokrazija mhuwiex ikkontestat. Mhux ta’ b’xejn illi DCG ġiet inkluża mir-rivista influwenti Politico fil-lista tat-28 persuna li qed jinfluwenzaw il-ħajja pubblika Ewropea. DCG ġiet deskritta bħala “WikiLeaks ta’ mara waħedha, fi kruċjata kontra n-nuqqas ta’ trasparenza u l-korruzzjoni f’Malta, gżira nazzjon magħrufa għat-tnejn.”
Din il-ġimgħa DCG ippubblikat diversi posts fuq il-blog ferm segwit tagħha. Fil-mira tagħha kien hemm tnejn mill-erba’ kandidati għat-tmexxija tal-PN illi skont hi, bejniethom għandhom mal-€20m dejn ma’ wieħed mill-banek ewlenin tal-pajjiż. Fil-każ ta’ wieħed minnhom, din l-aħbar ma tantx kienet sorpriża. Kulħadd jaf illi Frank Portelli kien ħa f’idejh l-isptar St. Philip’s u minkejja l-isforzi kollha tiegħu, ma għamilx suċċess. Fil-waqt illi tabib ieħor, Josie Muscat, għamel suċċess fl-imprenditorija medika, l-isforzi ta’ ħaddieħor ma rnexxewx. U Frank Portelli ma kienx eċċezzjoni u spiċċa bl-HSBC jitolbu l-ħlas ta’ €11.6m. Kull min kellu x’jaqsam mal-banek, jaf tajjeb illi bank ikun irid garanzija personali meta jsellfek. U dan ifisser illi l-HSBC jista’ anke jdur fuq Frank Portelli għal dan il-ħlas. Il-fatt illi jidher illi s’issa m’għamilx hekk jista’ jkun il-kaġun tal-fatt illi Portelli għaddej bi trattattivi mal-bank u forsi anke għamel kostituzzjoni ta’ debitu fejn irrikonoxxa illi d-dejn hu ċert, likwidu u dovut.
Imbagħad kien imiss illi DCG tiżvela illi kumpanija illi fiha Adrian Delia għandu 9% tal-ishma rrikonoxxiet illi għandha tagħti lill-HSBC is-somma ta’ € 7.2 m. Din il-kumpanija kienet issellfet somma kbira sabiex tixtri s-sit tal-Imġarr Hotel u tibni appartamenti ta’ lussu minflok il-lukanda. Il-fatt illi din il-kumpanija għaxar snin wara issa għandha tagħti s-somma sabiħa ta’ €7.2m juri illi xi ħaġa marret ferm żmerċ fil-pjanijiet tagħha. Probabilment l-art ġiet mixtrija wisq bl-għoli u l-bejgħ ma kienx f’saħħtu daqskemm wieħed stenna. Barra mill-fatt illi l-ispejjeż dejjem għandhom tendenza illi jisparaw ’il fuq.
Hu x’inhu l-każ, il-fatt jibqa’ illi l-bank jista’ meta jrid hu jdur biss fuq Adrian Delia u jitolbu l-ħlas lura ta’ dawn is-€7.2m flimkien mal-imgħax li hu għaddej bir-rata ta’ €1,600 kuljum. Dan l-att ta’ kostituzzjoni ta’ debitu sar biss xi ftit jiem ilu fis-26 ta’ Lulju 2017. DCG uriet bravura kbira illi saret taf b’dan il-kuntratt u rnexxielha ssib in-nutar li għamlitu u li tatha kopja immedjatament kif kwalunkwe nutar serju obbligat li jagħmel.
It-tempistika qajla setgħet kienet aktar sfortunata għal Adrian Delia imma probabilment hu ħaseb illi dan il-kuntratt ser jibqa’ mistur. Minkejja illi żewġ kandidati oħra, Chris Said u Alex Perici Calascione ddikjaraw l-assi u d-djun tagħhom, Delia stqarr illi hu jagħmel hekk biss meta u jekk jilħaq kap. Din hi pożizzjoni ferm stramba u inaċċettabli u li qanqlet bosta dubji. Wara illi DCG ippubblikat l-att ta’ kostituzzjoni ta’ debitu, wieħed seta’ jifhem għalfejn Delia adotta tali pożizzjoni. Ċertament ma kienx ser jgħin ruħu jilħaq kap tal-PN jekk jiddikjara illi fi kwalunkwe żmien jista’ jiġi mitlub iħallas aktar minn €7.2m minn bank ewlieni. Imma l-fatt illi naqas illi jagħmel hekk u l-fatt illi issa kulħadd sar jaf b’dan id-dejn enormi grazzi għall-isforzi ta’ DCG poġġietu f’qagħda ferm agħar.
Wieħed għalhekk irid bilfors jistaqsi: x’ġiegħel lil Adrian Delia u lil Frank Portelli joħorġu għal kap tal-PN minkejja illi ma kinux attivi fil-partit u minkejja illi qegħdin f’sitwazzjoni finanzjarja xejn feliċi? Huma biss huma f’pożizzjoni jagħtuna tweġiba għalkemm kulħadd jista’ jispekula x’inhi r-raġuni vera. Imma l-fatt jibqa’ illi minkejja dak kollu li jgħidu s-simpatizzanti tagħhom, dawn ir-rivelazzjonijiet jirrenduhom mhux idoneji għall-kariga li qed ifittxu illi jimlew.
Mhuwiex aċċettabli bl-ebda mod illi l-kap ta’ wieħed mill-akbar partijiet f’Malta u l-kap tal-oppożizzjoni jkun f’pożizzjoni vulnerabbli ma’ bank ewlieni illi fi kwalunkwe ħin u mument jista’ jiġbidlu t-tapit u jitfgħu mal-ħajt. Il-PN diġà għandu problemi finanzjarji kbar u l-aħħar ħaġa li jeħtieġ hu li jkollu kap li għandu problemi finanzjarji kbar tiegħu wkoll. Huwa inkonċepibbli illi kap jista’ jinnegozja b’serenità ma’ bank illi għandu jieħu somom kbar mingħand il-partit meta fl-istess ħin għandu jieħu wkoll somom kbar, jekk mhux ikbar, mingħand il-kap tal-partit personalment. Sitwazzjoni ferm assurda illi jiena ferm niskanta kif persuni illi huma intelliġenti m’antiċipawx illi jistgħu jispiċċaw fiha meta ħabbru l-kandidatura tagħhom.
Bħala persuna illi nemmen b’fervur fid-demokrazija, ma nistax ma ninkwetax illi jista’ jilħaq kap ta’ partit prinċipali illi hu espost b’tali mod u manjiera ma’ bank ewlieni. Is-saħħa li tali bank ikollu fuq persuna ferm importanti fil-qafas politiku fil-pajjiż tkun straordinarja u inaċċettabli. Meta fil-pajjiż faqqgħet il-kontroversja dwar iċ-ċedoli illi nieda l-PN, jiena argumentajt illi nippreferi ferm illi partit ikollu dejn ma’ bosta individwi f’ammonti modesti milli jkun midjun bil-kbir ma’ bank. Hawnhekk tapplika l-istess loġika u kull min ikollu x’jaqsam mal-banek jaf kemm qajla jagħtuk nifs u jkollok tagħmel dak li jiddettaw.
Wara dawn ir-rivelazzjonijiet, nistieden lil Adrian Delia u lil Frank Portelli sabiex jagħmlu eżami tal-kuxjenza u jaraw jekk dak li qed jagħmlu hux verament għall-ġid tal-PN jew le. Jiena nawgura illi jaslu għall-konklużjoni llum qabel għada illi l-qagħda finanzjarja tagħhom tirrendihom ineliġibbli illi jkopru l-kariga ta’ kap tal-PN. Għandhom jirrealizzaw illi mhux aċċettabli illi jmexxu partit illi hu espost finanzjarjament għall-bank ewlieni illi miegħu huma wkoll esposti bil-kbir.
Hemm bosta u bosta modi kif wieħed jgħin lill-partit tiegħu imma f’dan l-istadju, għandhom jirrealizzaw illi mhux il-każ li jmexxuh u għandhom ikollhom l-umiltà illi jirtiraw mit-tellieqa llum qabel għada.