opinjoni | Minn ġot-taġen għal ġon-nar

L-opinjonista Manuel Micallef jistaqsi, 'fejn hu l-għaqal politiku ta’ Adrian Delia? Ammetta hu stess li m’għandux aċċess għall-istrutturi interni u ma jafx f’liema qagħda jinsab il-partit u issa qed jippontifika li għandu s-soluzzjonijiet'

.
.

Niftakar Nazzjonalisti leali jgħiduli li Eddie Fenech Adami ma kienx ħelu daqskemm jidher. Kien jirrabja sew meta jkun hemm xi uffiċjal li jaqbeż il-linja. Mhux l-ewwel darba li kien isabbat fuq il-mejda bis-sigarru jaqbeż mill-ashtray! Le, mhux Dom Mintoff kien dan imma Eddie Fenech Adami. Il-Kap li reġa’ bena lill-Partit Nazzjonalista mill-ġdid bil-mod tiegħu kif għaqqad il-fazzjonijiet li kellu u flok saħaq fuq ir-religio e patria daħħal l-idea tad-Demokrazija Kristjana. Ma kien Kristjan xejn mall-avversarji politiċi tiegħu mhux biss esterni,bħal Partit Laburista, imma wkoll dawk interni li kienu jazzardaw jikkritikaw it-tmexxija tiegħu. Saqsu lil Josie Muscat jew lil Mario Felice, Alla jagħtih il-glorja tal-ġenna! Lin-nies ta’ barra l-partit irnexxielu jikkonvinċihom li hu kellu r-riċetta li jista’ jagħti r-rebħa lill-PN għal iktar minn darba kif irnexxielu jagħmel. Eddie rnexxielu jibni lilu nnifsu u kabbar il-personalità meħtieġa biex sar il-Kap li ma jaħrablu xejn minn taħt għajnejh u kiseb il-fiduċja ta’ nies fil-partit tiegħu li kienu lealissimi lejh. Mur ġibu dak iż-żmien! Jgħidulek in-Nazzjonalisti llum.

U bir-raġun jgħidu hekk għaliex ħadd qatt ma basar li l-Partit Nazzjonalista jispiċċa fil-kriżi li jinsab fiha llum. Kriżi politika, finanzjarja u organizzattiva. Imma wkoll kriżi ta’ identità u viżjoni. Jekk parti mill-kaġun ta’ din il-kriżi kienx Joseph Muscat għad irridu naraw għax min ikun ħawwad fil-borma jkun jaf x’fiha! Imma żgur li d-diriġenti tal-PN sa minn żmien Lawrence Gonzi għandu għalfejn iħabbtu fuq sidirhom u jistqarru l-mia culpa!

Bir-rispett kollu Simon Busuttil seta’ kellu l-intenzjonijiet tajba kollha tad-dinja biex isalva lill-Partit Nazzjonalista mill-kriżi li sabu fiha wara tkaxkira bla preċedent tal-2013, iżda flok refgħu mill-qiegħ kompla jgħaddsu ’l isfel. Id-damdima elettorali tal-2017 kienet iċ-ċirasa fuq il-kejk! Il-personalità tiegħu, l-istrateġija li adotta u l-istil li ppreżenta kienu biss irtokki artifiċjali li ma niżlu tajjeb xejn mal-poplu u lill-partit irriduċih f’organizzazzjoni politika bla viżjoni, nieqsa mill-intelliġenza strateġika u s-sustanza fil-politiki li ried imexxi ’l quddiem gvern alternattiv. Minflok għażel it-triq ta’ konfrontazzjoni li toħloq il-firda u l-mibgħeda għax ħaseb li b’hekk se jsaħħaħ il-core mbagħad jikkonvinċi lill-elettorat! Għarralu bi kbir. U dan jixhduh illum esponenti tal-istess partit bħal Mario Galea u Edwin Vassallo li akkużawh bi tmexxija totalitarja, b’nuqqas ta’ trasparenza u tgħaffiġ, anka saħansitra issa li qed jassumi l-ħatra ta’ Kap purtinar, kif qallu Frank Portelli. Illum il-partit Nazzjonalista jinsab f’qagħda agħar milli sabu Busuttil meta spiċċa Gonzi.

Mario Galea u Edwin Vassallo li akkużawh bi tmexxija totalitarja, b’nuqqas ta’ trasparenza u tgħaffiġ... Illum il-partit Nazzjonalista jinsab f’qagħda agħar milli sabu Busuttil meta spiċċa Gonzi

F’dan ix-xenarju l-PN ġralu bħal ħmar il-magħkus li iktar iduru għalih id-dubbien. Nies li huma kapaċi intelletwalment u li għandhom il-ħiliet fit-tmexxija u l-komunikattiva apparti l-kariżma u l-personalità għażlu li joqogħdu ’l bogħod mit-tiġrija. Jemmnu li apparti l-firdiet interni u l-qasma bejn il-konservattivi u l-liberali, il-qodma u l-ġodda, tal-magna tal-partit u tal-periferija jaraw li huwa impossibli li f’ħames snin il-partit jista’ jikseb il-fiduċja tal-elettorat. Anke jekk sadattant il-Partit Laburista jkollu mexxej ġdid u mhux lil Joseph Muscat. B’hekk il-PN qed ikollu jitqanna b’nies li mhumiex l-aqwa element li għandu biex imexxih għall-isfidi tal-ġejjieni. Dan il-fatt fih innifsu jkompli jgħabbi bil-ħsibijiet u l-inkwiet f’moħħ il-kunsilliera u t-tesserati tal-PN għaliex fil-fond ta’ qalbhom jafu li jagħżlu lil min jagħżlu se jkun diffiċli li jaslu sal-barkun!

Diġà qed naraw pubblikament li l-kunsilliera u t-tesserati huma maqsumin. Li jappoġġjaw liż-żiemel tagħhom wieħed jistennieha imma li fit-tellieqa jattakkaw liż-żwiemel l-oħra tixhed ukoll l-istat miskin li jinsab fih il-partit li se jħalli warajh Simon Busuttil. Biex waslu David Casa u Frank Psaila jappellaw għal kalma u biex il-kanuni ma jippuntawhomx lejn xulxin ci vuole! X’partit hu dan li jkollok lil Frank Portelli jagħmel dikjarazzjonijiet ċari kristall u l-partit jikkundannah għax ma jirrispettax l-policies tal-Partit. U dan wara li Frank Portelli stess fuq ir-radju tal-Partit qal li Simon Busuttil għaffeġ!

X’partit hu dan li ħadd ma jikkundanna lis-sinjura Caruana Galizia li ħarġet qatta’ bla ħabel kontra Adrian Delia u Frank Portelli? Tgħajjarhom b’li għandhom u li m’għandhomx anke personalment u d-diriġenti tal-partit jibqgħu siekta.

Fejn hu l-għaqal politiku ta’ Adrian Delia? Ammetta hu stess li m’għandux aċċess għall-istrutturi interni u ma jafx f’liema qagħda jinsab il-partit u issa qed jippontifika li għandu s-soluzzjonijiet. Soluzzjonijiet ibbażati fuq suppozizzjonijiet u fejn isib daru mal-ħajt jitfagħha fuq ħaddieħor. Bħal tal-free vote! Min qed jimbuttah ’il quddiem?

Frank Portelli ma jomogħdhiex u għalhekk jinbagħad. Diġà qed izappap waqt it-tiġrija għax sħabu stess qed jippruvaw iċapsuh bi djun li għandu u kif falla fin-negozju. Jekk jista’ jkun jagħlqulu ħalqu aħseb u ara kemm iriduh fi tmun!

X’partit hu dan li jkollu żewġ kontestanti li kienu spalla ma’ spalla ma’ Simon Busuttil fil-leġiżlatura li għaddiet (u allura għandhom jassumu r-responsabilta’ tad-disfatta fil-PN daqsu)?

Chris Said serva fil-kabinett Nazzjonalista qabel it-telfa kolossali, kien għal xi żmien segretarju ġenerali tal-partit fl-agħar żminijiet u minkejja li ngħata l-inkarigu biex jreġġa’ lura n-nagħaġ il-mitlufa f’Għawdex falla bi kbir u iktar ħarbu nagħaġ milli ġew lura!

Alex Perici Calascione kellu r-responsabbilità tal-finanzi tal-partit. Fejnu s-surplus li ħalla warajh? Kif jista’ jippromovi t-trasparenza meta ħaddem is-sistema taċ-ċedoli u kien jaf x’inhu għaddej fid-donazzjonijiet foloz tal-Grupp DB.

Jekk xejn s’issa din it-tellieqa wrietna li l-PN spiċċa bla direzzjoni. Anzi biex inkun korrett l-unika direzzjoni li għandu hija waħda: minn ġot-taġen għal ġon-nar!

More in Blogs