Editorjal | Il-Kap il-ġdid tal-PN jeħtieġ isalva lill-PN
'Għall-ġid tal-PN u tad-demokrazija Maltija nittamaw li dan il-kapitlu jingħalaq kemm jista’ jkun malajr u min jieħu t-tmun tal-PN jibda t-triq biex ifejjaq il-feriti kbar li qed jinfetħu f’din l-elezzjoni mill-aktar dannuża għall-PN'
Meta nhar il-Ħadd li għadda dan l-editorjal għalaq bil-kliem ‘...nittamaw li fil-ġranet u l-ġimgħat li ġejjin, din il-kampanja teċita naqra iktar’ ma konniex qed nobsru li fil-fatt matul din il-ġimgħa, il-kampanja elettorali għal Kap ġdid tal-PN kienet se tieħu x-xejra drammatika li ħadet, b’allegazzjonijiet mill-aktar serji fuq wieħed mill-kandidati għal din it-tiġrija, bidla qawwija fis-sentiment tal-Kunsilliera li jaf iwassal biex, kontra kull aspettativa, Alex Perici Calascione jispiċċa fit-tiġrija finali u fl-aħħar, il-laqgħa tal-Kunsill Amministrattiv li taf taqta’ ras kandidat ħamest ijiem qabel ma ssir l-ewwel fażi ta’ votazzjoni.
Il-Partit Nazzjonalista issa jinsab fi kriżi bla preċedent li trid tkun verament politikament għami li tiċħad. Il-proċess li skatta lbieraħ bit-tħabbira li se jitlaqqa’ l-istess Kunsill Amministrattiv u r-reazzjoni mill-PN ma’ din il-gazzetta li għadu kmieni wisq biex wieħed jiddeċifra l-eżitu, tefgħet lill-PN f’inċertezza kbira ħafna. Fil-verità, sa qabel għada, il-PN u l-proċess elettorali li għaddej minnu se jkunu f’limbu totali. Mhux ċar x’inhuma dawn il-‘passi xierqa’ li se jieħu dan l-organu importanti, mhux ċar jekk Delia hux se jkun mitlub jiritira l-kandidatura, mhux ċar x’jiġri bl-elezzjonijiet fl-aħħar ta’ din il-ġimgħa jekk jaqa’ Delia u lanqas hu ċar x’tip ta’ passi oħrajn jista’ u għandu l-poter li jieħu l-istess Kunsill Amministrattiv.
sa qabel għada, il-PN u l-proċess elettorali li għaddej minnu se jkunu f’limbu totali. Mhux ċar x’inhuma dawn il-‘passi xierqa’ li se jieħu dan l-organu importanti, mhux ċar jekk Delia hux se jkun mitlub jiritira l-kandidatura, mhux ċar x’jiġri bl-elezzjonijiet fl-aħħar ta’ din il-ġimgħa jekk jaqa’ Delia
Dan kollu ħoloq inċertezza li fil-verità qed tifni lill-PN minn ġewwa u iktar kemm iddum, aktar se ġġib lil dan il-partit ta’ 140 sena, rebbieħ għal tant u tant snin, għarkupptejh.
Il-kawża ta’ dan kollu huwa fil-fatt kont bankarju f’isem Adrian Delia li żvelat Daphne Caruana Galizia. Lil hinn minn jekk il-kont hux vera tiegħu jew fetħux għal klijent, minn jekk hu kien jew ma kienx jaf kif qed jintużaw dawn il-flus u minn jekk din hux prassi jew le, Delia ma fehemx punt kardinali. Ladarba hu tefa’ ismu biex ikun Kap tal-PN, imma iktar minn hekk, Kap tal-Oppożizzjoni u terġa’ u tgħid Prim Ministru prospettiv, hu kellu d-dmir morali, anke jekk mhux legali jew politiku, li jpoġġi l-karti fuq il-mejda. Li jgħid lil dawk li se jivvutawlu issa u dawk li forsi jivvutawlu jekk isir Kap tal-PN x’għandu u m’għandux. L-assi kollha, id-djun kollha u dawk il-kontijiet kollha li seta’ fetaħ f’isem klijenti biex b’hekk ipoġġi lilu nnifsu ’il fuq mid-dubji u mid-dellijiet.
Minflok, Delia għażel li jieħu t-triq inglorjuża li kien ħa l-Ministru Konrad Mizzi, bit-tama li għax ħelisha dan, se jeħlisha hu. Fil-verità ma tgħallimx lezzjoni waħda, mill-iżbalji li għamlu Gvernijiet Nazzjonalisti u anke l-ewwel Gvern Laburista, minkejja riżultat elettorali qawwi favurih. Il-ħtija ma tiġix min-‘nar’ biss. Jekk hemm id-‘duħħan’ serju, ifisser li postok fil-politika mhux tenibbli, jew għallinqas mhux tenibbli sakemm ikun pruvat li d-duħħan kien f’għajnejn in-nies mhux ġej min-nar.
kellna ammissjoni li l-kont kien f’isem Delia. Mela la kien f’ismu se jirrifletti fuqu. Mela la kien f’ismu u kien se jirrifletti fuqu, kellu jkollu l-għaqal politiku li jsemmih jew jiddikjarah u mhux jinsieh u jiddikjara solennement ma’ din il-gazzetta li barra mill-pajjiż ma kellu xejn. Kull ma ried jagħmel huwa li jkun onest mill-ewwel
Hawnhekk kellna ammissjoni li l-kont kien f’isem Delia. Mela la kien f’ismu se jirrifletti fuqu. Mela la kien f’ismu u kien se jirrifletti fuqu, kellu jkollu l-għaqal politiku li jsemmih jew jiddikjarah u mhux jinsieh u jiddikjara solennement ma’ din il-gazzetta li barra mill-pajjiż ma kellu xejn. Kull ma ried jagħmel huwa li jkun onest mill-ewwel u jammetti mill-ewwel, meta jifrex il-karti, li barra mill-pajjiż hemm kontijiet f’ismu, li hu ma jgawdi mill-ebda sold minn dak li hemm fil-kont, li dan jinsab f’ismu minħabba raġunijiet professjonali u li se jirratifika s-sitwazzjoni mill-ewwel. Minflok, ma semma xejn jew nesa kif kienu ‘nsew’ politiċi oħrajn bħal Austin Gatt u Konrad Mizzi. U bħalhom, meta nqabad bil-qalziet xi ftit imniżżel ftakar u ġab ħafna raġunijiet li kważi m’emminhom ħadd.
Minkejja li Delia għandu ħafna attribwiti tajbin u anke jekk kellna nagħtuh il-benefiċċju tad-dubju, li jibda kariga daqstant importanti fit-tmun ta’ partit flaġġellat li għandu bżonn injezzjoni ta’ ħajja, bi sħaba daqstant sewda fuq rasu, mhix ottima la għalih u wisq anqas għall-PN.
Minkejja li Delia għandu ħafna attribwiti tajbin u anke jekk kellna nagħtuh il-benefiċċju tad-dubju, li jibda kariga daqstant importanti...bi sħaba daqstant sewda fuq rasu, mhix ottima la għalih u wisq anqas għall-PN
U l-PN għandu tort ukoll. Għax suppost dan l-eċerċizzju profond ta’ dikjarazzjonijiet tal-assi u investigazzjonijiet missu sar qabel, mhux issa. Kif qal sors ta’ din il-gazzetta, ‘lill-Kunsilliera ngħadduhom minn għarbiel qawwi imma lil dawk li se jkunu Kap u forsi anke Prim Ministru, kemm rajna li ilhom tesserati ftit snin u barra bid-daqq’. Jiġifieri l-frakass li jinsab fih il-PN illum, huwa parti kbira wkoll mit-tort ta’ min ma ħasibx li jkun hawn tali għarbiel.
Il-ġimgħa l-oħra għalaqna billi ttamajna li l-kampanja tal-PN teċita xi ftit iktar. Illum se ngħalqu billi għall-ġid tal-PN u tad-demokrazija Maltija nittamaw li dan il-kapitlu jingħalaq kemm jista’ jkun malajr u min jieħu t-tmun tal-PN jibda t-triq biex ifejjaq il-feriti kbar li qed jinfetħu f’din l-elezzjoni mill-aktar dannuża għall-PN.