Opinjoni| Mit-tajjeb għall-aħjar
Ir-riżultati ekonomiċi u t-tiġrija fil-PN...
L-aħbar li aġenzija oħra tal-klassifikazzjoni tal-kreditu bidlet l-analiżi tagħha dwar pajjiżna għall-aħjar hija konferma tas-serħan il-moħħ li jagħti Joseph Muscat li pajjiżna qed ikompli għaddej mit-tajjeb għall-aħjar.
Fil-fatt, l-aġenzija DBRS bidlet il-ħarsa dwar pajjiżna minn waħda stabbli għal pożittiva filwaqt li żammet lil Malta fil-kategorija A. DBRS ma kinitx waħedha f’din l-analiżi tant ilu Standard and Poor’s u Fitch Ratings tejbet ir-rating tagħha fuq Malta bħala riżultat dirett tat-titjib sostanzjali li seħħ fil-finanzi pubbliċi. L-esperti tad-DBRS irrimarkaw li l-piż tad-dejn nazzjonali naqas taħt is-60% tal-ġid nazzjonali u huwa ferm inqas mir-rekord negattiv li kien inkiseb qabel il-bidla fl-amministrazzjoni lura fl-2013.
Dawn ir-riżultati la jiġu b’kumbinazzjoni u lanqas jaqgħu mis-sema. Jiġu frott ix-xogħol, is-sagrifiċċji u deċiżjonijiet f’waqthom Owen Bonnici
Skont DBRS, “following a fiscal consolidation proċess since 2013, Malta’s fiscal outturns came in better than expected in 2016.” Ma naqsitx lanqas ir-referenza għall-ekonomija li qed tikber b’rata mgħaġġla u kif din mistennija żżomm ir-ritmu fiż-żmien li ġej.
M’iniex se nidħol fuq l-aġir li wettaq ħaddieħor li seta’ pperikola dan is-suċċess kollu li qed jinkiseb, għaliex fuq dan il-punt diġà ntqal ħafna. Li jinteressani bħala ċittadin ta’ dan il-pajjiż u membru tal-Gvern huwa li dan il-pajjiż qed ikompli għaddej mit-tajjeb għall-aħjar.
Dawn ir-riżultati la jiġu b’kumbinazzjoni u lanqas jaqgħu mis-sema. Jiġu frott ix-xogħol, is-sagrifiċċji u deċiżjonijiet f’waqthom.
Pajjiżna se jkompli jikber
Jien m’iniex wieħed minn dawk li jgħid li l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern m’għamel xejn tajjeb. Anzi. Jien nemmen li kull Prim Ministru – kien min kien – prova jagħmel l-aħjar li jaf biex dan il-pajjiż jimxi ’l quddiem. Fi żmien Eddie Fenech Adami nkisbu żewġ miri importanti: l-introduzzjoni tas-suq ħieles effettiv u s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Fi żmien Lawrence Gonzi rajna l-introduzzjoni tal-Euro mingħajr skossi u b’mod li wasslet biex pajjiżna jkompli jinfetaħ u jimxi ’l quddiem.
Biss, huwa veru wkoll li fi żmien l-aħħar amministrazzjoni ta’ Lawrence Gonzi għal diversi raġunijiet li ġew diskussi diversi drabi, rajna l-ekonomika tiġġammja, ix-xogħol jieqaf u l-opportunitajiet jonqsu flok jiżdiedu. Pajjiżna ma bediex jirrealizza l-veru potenzjal tiegħu.
Mal-bidla tal-Gvern, Joseph Muscat irnexxilu jagħmel dawk il-bidliet li hemm bżonn biex dak li beda jweħħel ir-rota ekonomika milli ddur, jitneħħa u l-ekonomija bdiet tikber, tirranka u tiżdied. F’daqqa waħda, in-nies tan-negozju flok jgħidu li kollox imwaħħal u li l-affarijiet reqdin bdew jaħdmu, jaqalgħu l-flus, ikabbru u jimpjegaw in-nies. Fi ftit snin, minn sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ xogħol ġejna għal sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ nies li jagħmlu l-ammont enormi ta’ xogħol li hawn.
Fi kliem ieħor, Joseph Muscat irnexxielu jħoll dik il-katina li bdiet iżżomm lill-pajjiż milli jirrealizza l-potenzjal tiegħu.
Fi ftit snin, minn sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ xogħol ġejna għal sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ nies li jagħmlu l-ammont enormi ta’ xogħol li hawn Owen Bonnici
Defiċit infrastrutturali
Hekk kif ġara dan it-tkabbir ekonomiku kollu, fis ħareġ fid-deher id-defiċit infrastrutturali li pajjiżna għandu. Għal darb’oħra, jien m’għandix dubju li kull Gvern prova jagħmel ħiltu biex ikollna l-aħjar infrastruttura skont ir-riżorsi tal-pajjiż. Biss, bħala stat ta’ fatt, l-infrastruttura tagħna hija waħda li tlaħħaq meta l-affarijiet ikunu kajmani u mhux meta l-ekonomija tkun għaddejja bis-saħħa bħalma aħna lkoll irriduha tibqa’ għaddejja.
L-iktar eżempju ċar huwa t-toroq. Imma l-infrastruttura m’hijiex it-toroq biss imma iktar minn hekk. Huma r-riżorsi umani fid-diversi oqsma, huma l-enerġija, huma l-investiment fl-istituzzjonijiet u l-aqwa teknoloġiji.
U hawn jidħol l-għaqal tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Id f’id mat-tkabbir ekonomiku, Joseph Muscat ra li jibni s-sodda għal investiment qawwi biex jimla’ dan id-deficit infrastrutturali. Il-pjan tal-enerġija ra li pajjiżna jkollu biżżejjed enerġija għat-tkabbir li għad irid isir. Il-pjan finanzjarju ra li pajjiżna jibda jirreġistra surplus. Skemi bħaċ-ċittadinanza bl-investiment raw li jkun hemm biżżejjed kapital sabiex isir l-investiment meħtieġ mingħajr ma jkun hemm piżijiet ġodda fuq il-poplu.
Għalhekk l-aqwa żmien ta’ pajjiżna għadu ġej.
Għalhekk jiena kburi li nifforma parti minn dan il-Gvern.
Ħaddieħor
Ħaddieħor, flok jipparteċipa f’dawn l-isfidi, għaddej f’żewġ eżerċizzji li ma jikkontribwixxu xejn fit-tmexxija ’l quddiem ta’ dan il-pajjiż.
L-ewwel eżerċizzju huwa tellieqa għat-tmexxija tal-Partit. S’intendi dan hu proċess demokratiku bżonnjuż u la huwa demokratiku u bżonnjuż huwa essenzjalment xi ħaġa tajba. Biss, tant qed naraw xwabel u tfigħ ta’ tajn intern li litteralment jaqbdek il-bard taħseb x’kien jiġri lill-pajjiż kieku dawn l-istess nies li llum qed jgħajru lil xulxin bl-iktar mod iebes telgħu fit-tmun tal-pajjiż fit-3 ta’ Ġunju li għadda.
It-tieni eżerċizzju huwa l-ispeċjalizzazzjoni fl-attakki personali u esaġerazzjonijiet u żebliegħ. Il-kritika hi tajba u bżonnjuża imma hemm kritika u kritika. M’jien se nagħti pariri lil ħadd dwar suċċessi politiċi – li hu żgur hu li l-poplu xeba’ mill-attakki indirizzati lejn il-persuna u t-two weights, two measures.
Skema restawr fil-kommunitajiet
Għat-tielet sena infila, nedejna skema sabiex Kunsilli Lokali jipproponu siti fir-raħal jew belt tagħhom biex id-Direttorat tar-Restawr iwettaq restawr a spejjez kollu tiegħu. Nemmen li din l-iskema twettaq fil-prattika l-prinċipju tas-sussidjarjetà għaliex id-deċiżjonijiet jittieħdu fil-livell l-iktar qrib tan-nies.
Bis-saħħa ta’ din l-iskema, diġà wettaqna restawr ta’ siti li kienu ġew suġġeriti lilna u issa se nibdew ir-restawr fuq is-siti suġġeriti fit-tieni skema. Jalla ħafna Kunsilli Lokali jipparteċipaw biex inkomplu nagħmlu lil pajjiżna isbaħ u aħjar