opinjoni | Għażla responsabbli
Joe Ellis jitkellem dwar is-sitwazzjoni fil-PN u l-bżonn tiegħu li jibqa' magħqud minħabba li jinsab viċin qsim fi ħdanu
Qed nikteb dawn l-erba’ kelmiet wara illi diġà tfajt il-vot tiegħi għall-mexxej il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista.
Intqal ħafna dwar din l-elezzjoni u l-kontroversji ma naqsux. Dan wieħed kien jistennieh. Imma probabilment din l-elezzjoni kienet aktar kontroversjali mis-soltu minħabba l-fatt illi mill-ewwel deher illi wieħed mill-favoriti illi ser jirbħu l-palju hu outsider li fil-partit qatt ma mmilita. Għalkemm ingħata bosta opportunitajiet illi jagħmel hekk, dejjem għażel illi joqgħod lura.
Il-figura ta’ Adrian Delia ġiet ikkontestata għal diversi raġunijiet oħra. Fl-ewwel lok, qamet il-kwistjoni tal-kuntratt ta’ kostituzzjoni ta’ debitu illi permezz tiegħu, hu u martu, flimkien ma’ oħrajn, daħlu garanti għal dejn ta’ €7.2m ta’ kumpanija illi qiegħda tiżviluppa appartamenti fl-Imġarr, Għawdex. Jiena kont fost dawk illi kemmxu wiċċhom b’din l-aħbar. Dana peress illi fl-ewwel lok, Delia messu indika illi kellu problemi mal-bank u kien ser jidħol f’dan l-arranġament fid-dikjarazzjoni illi ġie mitlub illi jagħmel man-nomina tiegħu. Nuqqas illi ġie ċċensurat mill-Kumissjoni Konsultattiva dwar l-Etika illi nħatret mill-Kunsill Amministrattiv. Fit-tieni lok, xorta tibqa’ l-oġġezzjoni fundata illi persuna illi hija esposta b’tali mod u manjiera ma’ bank partikolari mhijiex fl-aħjar pożizzjoni illi tmexxi partit li hu wkoll serjament espost mal-istess bank.
Delia jirribatti illi sehmu fil-kumpanija hu biss ta’ 9%. Dan hu verissimu imma Delia xorta jibqa’ garanti solidali mal-kumpanija u ma’ sħabu u jista’ jintalab iħallas l-ammont sħiħ mill-bank mingħajr ma jingħata l-ebda raġuni. Delia qed igħid illi jekk isir kap, ibigħ l-interessi kummerċjali kollha tiegħu u jeħles kompletament minn dan id-dejn. Li hu ċar hu illi biex dan iseħħ, irid ikun hemm il-kunsens tal-bank in kwistjoni u tali kunsens jista’ jingħata jew ma jingħatax. Li l-anqas żgur li mhux ideali hu li jkollok it-tieni l-akbar bank f’Malta, parti minn bank multinazzjonali ta’ dimensjoni globali illi ser ikollu poter daqshekk kbir fuq il-kap tal-oppożizzjoni u possibilment, Prim Ministru futur.
Imbagħad tfaċċaw allegazzjonijiet dwar l-użu ta’ kont bankaju ta’ Delia f’Jersey sabiex jaħsel flus li ġejjin mill-prostituzzjoni f’Soho. L-ispjegazzjonijiet li ta’ Delia ma tantx kienu konvinċenti. Dan mhux qed ngħidu jien imma joħroġ mir-rapport tal-Kummissjoni ta’ Louis Galea. Għabbażi ta’ dan ir-rapport, il-Kunsill Amministrattiv unanimament ħeġġeġ lil Delia sabiex jikkonsidra l-pożizzjoni tiegħu u effettivament, jirtira mit-tellieqa. Delia ma kellu l-ebda intenzjoni illi jagħmel hekk u ħadha qatta bla ħabel kontra l-famuż “establishment” tal-partit illi skont hu, kien qiegħed jagħmillu l-bsaten fir-roti. Dana minkejja illi diversi persuni prominenti fl-hekk imsejjaħ “establishment” tal-partit kienu qegħdin jappoġġjawh fl-apert, jekk mhux ukoll kienu qed imexxulu l-kampanja.
Dawk illi stennew illi l-Kunsilliera ser jagħtu widen lit-twissija severa tal-Kunsill Amministrattiv ħarġu ferm diżappuntati għaliex Delia ġab l-akbar ammont ta’ voti u għadda għat-tieni round. L-għerf konvenzjonali kien illi Delia ser ibati fl-ewwel round fl-elezzjoni tal-Kunsilliera imma mbagħad fost it-tesserati kien ser jittrijonfa. Madankollu, fost il-Kunsilliera ġie minn ta’ quddiem u issa rridu naraw jekk hux ser ikollu l-istess suċċess fost it-tesserati. Wieħed irid iżomm f’moħħu illi t-tesserati fil-maġġiorparti huma anqas impenjati fil-partit mill-Kunsilliera u jistgħu jħarsu lejn is-sitwazzjoni minn perspettiva differenti.
Min ser jinħatar kap tal-PN irid fl-ewwel lok jiżgura illi l-partit jibqa’ magħqud għax jinsab ferm fil-qrib ta’ xiżma
Bażikament, il-PN huwa maqsum f’żewġ skejjel ta’ ħsieb. Hemm dawk illi qegħdin jgħidu illi l-partit għandu bżonn persuna kariżmatika bl-ebda rbit mal-passat illi kapaċi jmexxi l-partit lejn rebħa wara erba’ telfiet diżastrużi. Il-persuna li ġiet identifikata sabiex twettaq din l-impriża hija appuntu Adrian Delia illi qatt ma kien involut fil-partit u li kapaċi jiġbed il-massa bil-kapaċità oratorjali tiegħu. Għal dawn it-talin, il-fatt illi saru ħafna mistoqsijiet dwar Delia mhu tal-ebda konsegwenza. Li hu importanti hu illi jirnexxielu jattira l-eluf illi abbandunaw il-partit fl-aħħar snin illi spiss huma komdi bil-gvern ta’ Muscat għax jistgħu jaħdmu u jgawdu ħafna aktar milli kienu taħt il-PN. Min jaħseb hekk isostni wkoll illi l-poplu fl-aħħar elezzjoni wera illi ma jagħtix każ il-korruzzjoni, jekk mhux iridha u jixtieqha wkoll. Dawn jaħsbu illi l-PN mhu ser jasal imkien jekk jibqa’ jimbarka fuq il-kruċjata morali tal-governanza tajba. Kif qalli ħabib din il-ġimgħa, fl-aħħar elezzjoni, il-poplu kellu jagħżel bejn Kristu u Barabba u għażel lil Barabba. Allura għalxejn nibqgħu ma’ Kristu.
Ir-riżultat ta’ nhar is-Sibt li għadda juri illi hemm parti sostanzjali tal-Kunsilliera, għalkemm mhux il-maġġoranza, illi jaħsbu illi l-prijorità tal-PN hi illi jerġa’ jieħi l-poter f’idejh. U sabiex jintlaħaq dan l-għan, m’hemmx għalfejn noqogħdu nfettqu fuq il-kwistjonijiet morali. Li hu importanti, kif kunsillier pro-Delia semma’ fuq il-Facebook, hu illi wieħed ikun jista’ jiddefendi l-poplu Nazzjonalist mit-transfers, min-nuqqas ta’ promozzjonijiet u jassigura illi n-Nazzjonalisti jkollhom aċċess għall-opportunitajiet kollha fil-pajjiż. Għal dawn in-nies il-ħtieġa ta’ politika serja u nadifa mhijiex ta’ importanza primarja kif jixtiequ dawk kollha illi ma jiddependux fuq iż-żejża tal-gvern sabiex jaħdmu u jgħixu.
Il-paralleliżmi bejn il-kandidatura ta’ Delia u ta’ Trump huma bosta u evidenti. U bħal fil-każ ta’ Trump, rivelazzjonijiet illi kien jgħarrqu l-kandidatura ta’ kwalunkwe politiku ieħor qed jispiċċaw biex ironikament isaħħuh
Delia qed jgħid illi ser joffri mod ġdid kif ser iwettaq il-politika imma mhu xejn ċar fiex ser jikkonsisti dan il-mod ġdid. Imma bħala slowgan hu ferm effettiv għaliex qed jisfrutta r-rabja illi teżisti fost faxxa ta’ militanti illi ma ġġerraħx illi l-partit mhuwiex fil-gvern u trid illi l-partit jirritorna fil-poter illum qabel għada. Għal dawn il-militanti, dan l-objettiv hu importanti aktar minn kull konsiderazzjoni oħra. M’għandix l-ispazju imma l-analoġiji u l-paralleliżmi bejn il-kandidatura ta’ Delia u ta’ Trump huma bosta u evidenti. U bħal fil-każ ta’ Trump, rivelazzjonijiet illi kien jgħarrqu l-kandidatura ta’ kwalunkwe politiku ieħor qed jispiċċaw biex ironikament isaħħuh. Sinjal ċar u inkwetanti tal-kriżi morali illi ninsabu fiha, u dan mhux f’Malta biss.
Il-kamp l-oppost jagħti każ tali rivelazzjonijiet u jenfasizza l-ħtieġa ta’ kontinwità fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-governanza korretta illi tant immarkat it-tmexxija ta’ Simon Busuttil. Chris Said jisħaq ukoll dwar l-esperjenza li għandu f’kull livell tal-partit u anke fi ħdan il-gvern. Isemmi s-sentejn li għamel bħala segretarju ġenerali fi żmien mill-aktar kritiku għall-partit fejn wettaq ħidma kbira sabiex jiddritta l-vapur illi kien miel sew fuq naħa waħda b’riskju li jegħreq. Hemm min jgħid illi Chris Said nieqes mill-kariżma u mhux ser jirnexxielu jattira n-nagħaġ il-mitluf. Dawn qed jinsew illi fl-ewwel lok, il-kariżma mhux neċessarjament titwieled biha imma tista’ anke takkwistaha matul is-snin u fit-tieni lok, hawn ħafna mexxejja illi jkollhom suċċess minkejja illi mhux neċessarjament għandhom il-kariżma. Merkel m’għandhiex xi kariżma speċjali u Jeremy Corbyn tista’ tgħid għandu kollox ħlief il-kariżma.
Wieħed jista’ jgħid ħafna affarijiet fuq Chris Said imma ċertament ħadd ma jista’ jiċħad illi hu ħaddiem kbir, mimli enerġija u li hu motivat minn ambizzjoni politika u xejn aktar. Waqt il-kampanja, ħadd ma lissen l-anqas allegazzjoni dwar xi proprjetà da parti tiegħu u dan ma skantani xejn għax Chris Said jgħix għall-politika u għal xejn aktar, la għall-karriera legali tiegħu u anqas u anqas għall-finanzi personali tiegħu.
Min ser jinħatar kap tal-PN irid fl-ewwel lok jiżgura illi l-partit jibqa’ magħqud għax jinsab ferm fil-qrib ta’ xiżma. Il-komportament tas-segwaċi ta’ Delia fl-Istamperija nhar is-Sibt li għadda u t-Tnejn ta’ qabel ma kien aċċettabli xejn. Kif m’hux aċċettabli l-intimidazzjoni illi saret fil-konfront ta’ min m’hux jappoġġjah. Jekk Delia jrid jibda fuq sieq tajba jekk jilħaq kap, irid irażżan l-elementi xejn sbieħ fost is-segwaċi tiegħu, elementi illi beżqu fuq il-karozza tal-kap attwali tal-PN u anke quddiemu. Komportament xejn aċċettabli illi jħasseb lil ħafna li għandhom il-PN u d-demokrazija tal-pajjiż għal qalbhom.
Il-kap li jagħżlu t-tesserati jrid joħroġ l-id tar-rikonċiljazzjoni lill-fazzjoni telliefa, fazzjoni minoritarja illi tista’ ssir permanenti fi ħdan il-partit. U din ir-rikonċiljazzjoni trid tibda’ minn qabel l-elezzjoni għax l-episodji ta’ għajb illi assistejna għalihom m’għandhomx jirripetu ruħhom. Min hu għaqli għandu jagħraf illi ma jiswiex illi jsir kap jekk ser jirrenja fuq ir-rovini. Imma illi l-binja li hemm trid tintmess mill-anqas għax aktar ma ssir ħsara, anqas ser ikollu ċans li jirnexxi l-proġett illi qed jimbarka fuqu. Mid-dehra, mhux kulħadd fehmu dan.