opinjoni | Għażliet importanti
David Griscti, President tal-AŻAD jitkellem dwar l-għażla tat-tesserati tal-PN, li 'ħa tagħti stampa ċara fejn irid imur il-partit, x’jgħodd għall-partit u jekk il-partit hux ħa jibqa’ leali lejh innifsu jew le'
Fil-ħajja hemm ħafna għażliet xi jsiru! Hekk jgħidu n-nies, imma dawk l-għażliet kollha sempliċi? Nisma’ ħafna minnkom tgħidu li mhux hekk, imma fir-realtà, jekk nirriflettu, dawn l-għażliet jistgħu jkunu sempliċi jekk nużaw il-loġika u jekk nibqgħu leali lejn dak li nemmnu fih u lejn il-valuri tagħna.
Il-Partit Nazzjonalista riesaq lejn għażla importanti ħafna, għażla li mhux biss ħa ttella’ Kap ġdid imma li ħa tagħti stampa ċara fejn irid imur il-partit, x’jgħodd għall-partit u jekk il-partit hux ħa jibqa’ leali lejh innifsu jew le. Hija għażla li se tiddetermina x’eżempju rridu nagħtu liż-żgħażagħ tagħna u jekk nistgħu nkunu gvern alternattiv u kredibbli jew jekk ħa nsiru naħa differenti tal-istess munita.
Il valuri dejjiema, li forsi ma nitkellmux biżżejjed fuqhom, li dejjem resqu lil ħafna nies lejn il-Partit Nazzjonalista huma l-valuri tad-deċenza, tal-onestà u tal-integrità, valuri li dejjem ħaddan il-partit, bit-tajjeb u l-ħażin. Dawn il-valuri, flimkien mal-kredibilità u l-integrità tal-kapijiet tagħna, ġejjin miż-żminijiet tal-fundatur Għawdxi tal-partit Fortunato Mizzi u dejjem dawlu t-triq għall-partit u għall-kapijiet kbar tagħna.
X’kien jagħmel bħalissa Nerik Mizzi biex ikun ċert li nibqgħu leali lejn il-valur tad-deċenza? X’kien jagħżel bħalissa Giorgio Borg Olivier biex nibqgħu nħaddnu l-valur tal-onestà? X’kien u x’ħa jagħmel Eddie Fenech Adami biex jipproteġi u jiggarantixxi l-integrità tal-Partit Nazzjonalista u tal-kap tiegħu
Dawn il-valuri dejjiema huma wkoll il-qalb tħabbat tal-patt li teżisti bejn tant u tant votanti u l-partit innifsu. Dawn il-votanti jistgħu jkunu relattivament mdejqin mill-politika, imħassbin bil-kliem iebes tal-politika u forsi anki mweġġa’ minn xi politiċi tal-partit, imma baqgħu jivvutaw lill-partit, propju minħabba dik ir-rabta u dawk il-valuri, li jiddistingwuna mill-partit Laburista. Għal ħafna, irridu jew ma rridux, saret għażla bejn l-inqas ħażin u l-ħażin, u jagħżlu lill-Partit Nazzjonalista minħabba dik ir-rabta u dawk il-valuri.
Il-Partit issa riesaq għal deċiżjoni fundamentali, għażla li minn naħa qed ipinġuha qisha sempliċi għażla bejn kikkra ġdida u kikkra antika, imma li fir-realtà hija ħafna aktar kruċjali u b’konsegwenzi fit-tul. Ħa jkollha impatt kbir fuq ir-raġuni għalfejn jeżisti l-partit u kif ħa jħarsu lejh parti kbira mill-poplu. Hija għażla li jew ħa tpoġġina fuq it-triq li ħadu l-Labour, li hija triq immorali u abbużiva, jew ħa nagħżlu triq ta’ bidla radikali, iva, għax hemm bżonnha, imma mingħajr ma’ nabbandunaw il-valuri tad-deċenza, tal-onestà u tal-integrità, li permezz tagħhom resqu tant nies viċin il-partit. L-għażla ħa tagħti sinjal ċar jekk il-Partit Nazzjonalista hux ħa jibqa’ sod mal-valuri li sawruh u li sawru l-kapijiet tiegħu, jew jekk ħa jarmi dawk il-valuri u jiżfen iż-żifna ta’ ‘xejn mhu xejn’ u ‘kollox jgħaddi’ tal-Labour, fejn kullħadd jagħmel li jrid u fejn dawk li jabbużaw jiġu gglorifikati u anki rispettati.
Fuq din l-għażla jisfen il-vot ta’ eluf kbar ta’ nies li ma jarawx il-politika bħala logħba futbol, li ma jħossuhomx marbutin lejn bandiera imma lejn il-valuri li jħaddnu, li mhumiex ipokriti u tuffieħa jsejhula tuffieħa u mhux banana. Dawn huma l-istess nies li għal ħafna u ħafna snin, aktarx mill-1987 u aktarx anki minn qabel, dejjem ivvutaw lill-Partit Nazzjonalista għax jaraw fih id-deċenza, l-onestà u l-integrità, speċjalment fil-kapijiet tiegħu. Iva, raw l-iżbalji, xi drabi anki ħoxnin, tas-snin meta l-partit kien fil-gvern, imma baqgħu jivvutawlna għax ħassew li konna l-aqwa mit-tnejn, mhux għax verament konvinti. Jekk dak il-patt miftiehem imma mhux miktub jinkiser, allura l-obbligu kważi morali li dejjem ħassew biex jivvutaw ‘għall-aqwa mit-tnejn’, għall-Partit Nazzjonalista, tispiċċa u hija ovvja li ħa jħarsu band’oħra, u lanqas tista’ ttihom tort.
Mtaqqlin b’din l-għażla daqshekk kruċjali, dawk kollha li jafu x’iġifieri tiġġieled għad-deċenza, l-onestà u l-integrità, u li jiftakkru kemm iġġilidna u batejna għal drittijietna qabel l-1987, għandhom iżommu f’moħħhom ftit mistoqsijiet sempliċi meta jmorru jivvutaw. X’kien jagħmel bħalissa Nerik Mizzi biex ikun ċert li nibqgħu leali lejn il-valur tad-deċenza? X’kien jagħżel bħalissa Giorgio Borg Olivier biex nibqgħu nħaddnu l-valur tal-onestà? X’kien u x’ħa jagħmel Eddie Fenech Adami biex jipproteġi u jiggarantixxi l-integrità tal-Partit Nazzjonalista u tal-kap tiegħu? Jien ċert li fl-iskiet u b’riflessjoni xierqa se taslu għal-istess konklużjoni...it-tlieta li huma kienu jagħżlu u se jagħżlu bla tlaqliq it-triq tas-sewwa!
David Griscti huwa President Fondazzjoni AZAD