editorjal | Aktar, mhux inqas drittijiet...
Kwalunkwe tnaqqir tad-drittijiet tal-ħaddiem huwa sinjal ta’ rigress
Il-ġimgħa l-oħra u f’dawn l-aħħar jiem ukoll kienet diskussa proposta waħda għall-baġit mill-Malta Employers Association (MEA). Ħa nibdew mill-fatt illi l-MEA ressqet diversi proposti, mhux biss dik dwar il-benefiċċju tal-mard (sick leave). Ġimagħtejn ilu din il-gazzetta ddedikat paġna b’uħud mill-proposti, fost oħrajn dawk favur aktar aċċessibilità, rati tal-enerġija ugwali u anke miżuri għall-estensjoni ta’ child care. Dawn huma kollha miżuri li jagħmlu sens, kif jagħmlu sens ukoll miżuri biex ikun miġġieled l-abbuż li jista’ qed isir fil-housing soċjali.
Kieku l-Gvern kellu jikkontempla li jaqta’ l-ħlas tal-ewwel ġurnata sick, ikun qed jagħti t-timbru tiegħu għall-ewwel pass lejn ir-rigress fid-drittijiet li kiseb il-ħaddiem.
Imma, mal-proposta dwar is-sick leave din il-gazzetta ma taqbel xejn. Jekk xejn, kif fil-fatt irrimarkaw bosta unjins diġà, kieku l-Gvern kellu jikkontempla li jaqta’ l-ħlas tal-ewwel ġurnata sick, ikun qed jagħti t-timbru tiegħu għall-ewwel pass lejn ir-rigress fid-drittijiet li kiseb il-ħaddiem. U din il-gazzetta ma tista’ qatt taqbel ma’ kull forma ta’ rigress, speċjalment fid-dawl tas-sitwazzjoni f’diversi setturi bħalissa.
Xbajna fuq li xbajna nisimgħu, naqraw u nirrappurtaw dwar każi ta’ nies li jitħallsu €4/€4.50 fis-siegħa, ta’ postijiet tax-xogħol fejn hemm min qed idur mal-liġi u jħallas żewġ gruppi ta’ ħaddiema li jagħmlu l-istess xogħol paga differenti. Xbajna nisimgħu b’abbużi li għaddejjin fil-qasam tal-ospitalità madwar il-pajjiż, imma speċjalment fin-naħa ta’ fuq. Nies li jinġiebu minn barra minn aġenziji, jitħallsu ftit ċiċri u minn dawk iċ-ċiċri jridu jħallsu kummissjoni lil dawk li jġibuhom Malta. L-ILLUM irrapurtat dawn il-każi sentejn ilu. Qalu li se ssir investigazzjoni, qalu li se jaraw. U ma smajna xejn iktar. U bqajna għaddejjin għat-taparsi ma ġara xejn. Għat-taparsi ma nafux li f’dan il-pajjiż ‘l-aqwa fl-Ewropa’, ‘mimli ġid’ u ‘fl-aqwa żmien’ hawn nies li qed jitħallsu bix-xejn u allaħares jitkellmu fuq ‘drittijiet’ għax iqalftuhom ’il barra.
Tajjeb li naqtgħu l-abbuż, mela. Tajjeb li min jabbuża nippenalizzawh, mela. Anzi din il-gazzetta tħoss li min jabbuża mis-sick leave mhux talli m’għandux jitħallas, talli għandu jħallas għal kull spiża relatata mat-tabib tax-xogħol. Imma mhux sew l-anqas li nużaw lil min jabbuża, biex nieklu biċċa minn dritt li l-ħaddiem igawdi u ilu jgawdi.
Terġa’ u tgħid, fi żmien meta l-ekonomija sejra tant tajjeb u fi żmien meta kulħadd qed jitkellem fuq il-profitti kbar li qed jagħmel u l-ġid li qed jinħoloq fil-pajjiż, kważi kważi surreali li qed niddiskutu proposta li tiekol mid-drittijiet tal-klassi ta’ nies li hija tant bżonjuża biex l-operat ta’ kumpanija jibqa’ għaddej.
Kwalunkwe tnaqqir tad-drittijiet tal-ħaddiem huwa sinjal ta’ rigress u nieħdu nota b’sodisfazzjon illi kemm il-Prim Ministru kif ukoll żewġ Ministri tal-Kabinet, Evarist Bartolo u Edward Scicluna, ħarġu kontra din il-proposta.
F’pajjiż li qed jambizzjona li jkun l-aqwa fl-Ewropa, taħt Gvern li jgħid li huwa soċjalista huwa iktar drittijiet li għandna nitkellmu dwarhom.
Ejja nitkellmu dwar iktar drittijiet, mhux inqas. F’pajjiż li qed jambizzjona li jkun l-aqwa fl-Ewropa, taħt Gvern li jgħid li huwa soċjalista huwa iktar drittijiet li għandna nitkellmu dwarhom. Id-dritt ta’ ħlas li jaċċerta għixien bażiku, imma wkoll id-dritt li ta’ dak l-għixien il-ħaddiem ikun produttiv. Id-dritt sagrosant ta’ sid fuq il-proprjetà tiegħu imma wkoll id-dritt li l-inkwilin li jgħix fiha jkun protett mhux misruq. Id-dritt li tistenna servizz adegwat li jirrifletti l-ħlas għal dak is-servizz. Id-dritt ta’ pensjoni xierqa wara snin ta’ xogħol. Id-dritt li b’artek tagħmel li trid, imma wkoll id-dritt li l-pubbliku jgawdi dik l-art.
Id-dritt li tagħmel kemm tiflaħ flus, imma mhux id-dritt li biex tagħmel il-flus tkasbar lil ħaddieħor.
Ħabat tajjeb li qamet diskussjoni dwar proposta li jidher li mhux se sseħħ. Għax jekk xejn, fakkritna kif m’għandna nieħdu xejn bi kbir. M’għandna nieħdu xejn ‘for granted’. U m’għandniex nieħdu bħala awtomatiku li l-ġid fuq il-karta se jitrażmetti f’ġid fil-but.
Iktar drittijiet u dmirijiet, mhux inqas. Hekk inkunu l-aqwa fl-Ewropa. Hekk il-poplu verament iħoss li qed jgħix fl-aqwa żmien.