opinjoni | Faust Fina
Joe Ellis jistaqsi jekk in-nies jagħtux każ tal-korruzzjoni jew l-aqwa li l-ekonomija sejra tajba
Din il-ġimgħa kont mistieden għall-festa t’għeluq is-snin ħabib tiegħi. F’ħin minnhom ġie fuqi sid l-istabbiliment u bdejna nitkellmu.
Wara ftit ġie t-tifel tiegħu illi beda jitkellem b’esuberanza tipika żagħżugħa. Sostna illi ż-żgħażagħ illum qajla jagħtu każ il-valuri: li jimpurtahom biss hu li jaħdmu u jkollhom il-flus fil-but.
Saret kważi għerf aċċettat illi dak illi qal dan iż-żagħżugħ hu minnu: u mhux biss fost iż-żgħażagħ. Bosta spjegaw f’dan id-dawl ir-riżultat tal-aħħar elezzjoni. Minkejja sensiela bla waqfien ta’ stejjer illi pinġew l-amministrazzjoni Muscat f’dawl ikrah, il-kampanja tal-PN qajla rrisonat. Ir-riżultat aħħari wera illi d-distakk enormi bejn iż-żewġ partiti baqa’ l-istess, jekk ma żdiedx ukoll.
Konklużjoni loġika: illi l-poplu ma jagħtix każ il-korruzzjoni, l-importanti illi l-ekonomija sejra sew, in-nies għandhom ix-xogħol u sintendi l-flus fil-but. Min ser joqgħod iħabbel moħħu bil-kumpaniji fil-Panama?
Imma verament l-affarijiet huma hekk? Fil-fatt, hemm interpretazzjoni alternattiva tar-riżultat elettorali. Fl-2013, in-Nazzjonalisti kienu fil-gvern, xi ftit pjaċiri żgur li għamlu (għalkemm ħafna tħallew b’xiber imnieħer) u minkejja l-paroli illi l-ekonomija kienet soda, fil-fatt kienet fjakka f’bosta oqsma. Barra minn hekk, hawn Malta kif tersaq elezzjoni, l-ekonomija tistalla.
Dan ġara anke din id-darba. Imma Muscat m’għamilx l-iżball ta’ Gonzi. Aktar ma Gonzi tawwal wara illi tilef il-vot ta’ fiduċja, aktar tilef appoġġ. Bl-ekonomija illi ma kinetx daqshekk brillanti minkejja illi ftit kienu dawk illi tilfu x-xogħol, ir-riżultat kien li kien.
Erba’ snin wara l-ekonomija hija f’qagħda ferm aħjar. Il-Partit Laburista hu fil-gvern, ipprattika politika klijentari illi ftit rajna bħalha f’pajjiżna u r-riżultat baqa’ ftit jew xejn l-istess.
Xi jfisser dan? Illi l-poplu ma jagħtix il-korruzzjoni jew illi d-distakk bejn il-partit seta’ kien ikun ikbar kieku mhux għat-tħambiq bla waqfien fuq il-korruzzjoni da parti tal-ex-kap tal-P.N., Simon Busuttil ? Meta wieħed iqis il-multitudini ta’ pjaċiri illi waqgħet fuq l-elettorat, wieħed ma jiskantax jekk dan tal-aħħar kien verament il-każ.
Hu x’inhu l-każ, jidher illi l-għerf aċċettat hu appuntu illi bl-għajta tal-korruzzjoni ma tirbaħx voti. Hekk jidher ukoll illi bdew jemmnu faxxa sostanzjali ta’ votanti Nazzjonalisti illi ħarġu ddiżappuntati bl-aħħar riżultat elettorali.
Kif qalli din il-ġimgħa avukat ħabib tiegħi ta’ simpatiji laburisti, il-poplu fil-fatt, irid il-korruzzjoni; l-importanti hu li jkun jista’ jgawdi minnha hu ukoll. Ir-riżultat aħħari ser ikun illi l-partiti ser jsiru kważi bħal xulxin bi ftit li xejn x’jiddistingwihom.
Imma dan hu minnu illi tlifna s-sens illi niddistingwu bejn dak li hu sewwa u dak li mhux? Meta tqis il-kampanji bla waqfien illi l-Partit Laburista fl-oppożizzjoni għamel dwar il-korruzzjoni, wieħed jiskanta kif il-kampanji tal-Partit Laburista jidhru illi rresonaw mal-opinjoni pubblika mentri dwk tal-Partit Nazzjonalista ma jidhrux illi ħallew ir-riżultat mixtieq.
X’ġara f’dawn il-ftit snin sabiex l-opinjoni pubblika tirreaġixxi daqshekk differenti quddiem ċirkostanzi analogi?
'Ir-riżultat aħħari se jkun illi l-partiti se jkunu kważi bħal xulxin bi ftit li xejn x'jiddistingwihom' Joe Ellis
Forsi fil-fatt wieħed għandu jirrealizza illi t-tħassib dwar il-korruzzjoni ma jolqotx lill-populazzjoni kollha imma l-aktar lill-faxxa partikolari ta’ nies, dik aktar edukata, aktar f’saħħitha ekonomikament u anqas dipendenti fuq il-manna tal-gvern.
Wieħed jista’ jirrikonoxxi wkoll illi effettivament fis-soċjetà tal-lum, sirna aktar tolleranti ta’ prattiċi illi fil-passat ma konniex naċċettaw. Qegħdin ngħixu f’era fejn ħadd ma jrid is-sikkatura u huma ftit illi togħġobhom id-dixxiplina u l-ordni.
Il-konversazzjoni ma’ dak iż-żagħżugħ fil-festa u l-ispirtu ta’ dawn iż-żminijiet ifakkruni fil-leġġenda ta’ Faust. Fil-letteratura, fiċ-ċinema u fil-mużika wieħed spiss jiltaqa’ ma’ din il-leġġenda.
Fil-qasir din il-leġġenda tittratta l-istorja ta’ ċertu Faust illi jagħmel patt max-xitan sabiex ikollu l-għerf u l-pjaċir kollu li jixtieq f’ħajtu bil-patt u l-kundizzjoni illi jagħti ruħu lix-xitan. Kif għidt, din il-leġġenda ġiet ittrattata minn diversi kittieba u mużiċisti fosthom Christhopher Marlowe u Johann Wolfgang von Goethe kif ukoll mużiċisti bħal Gounod, Berlioz u Boito.
Imma forsi l-aktar verżjoni attwali hi r-rumanz ta’ Thomas Mann ta’ l-1947, Doctor Faustus. Fir-rumanz ta’ Mann, kompożitur fittizju jlaqqat is-sifilide wara żjara f’burdell u jagħmel patt ma’ Mefistofele, ix-xitan sabiex ikollu 24 sena ta’ karriera brillanti illi matulhom ipproduċa mużika dejjem aktar sabiħa u gawda popularità dejjem tikber. Fl-istess ħin, il-mard kien qed dejjem jirkbu aktar.
Fl-1930 dan il-kompożitur ippreżenta l-aħħar xogħol tiegħu, Il-Lamentazzjoni ta’ Dr Faust u kixef il-patt li kien għamel. Il-ġenn u s-sifilide komplew ikissruh sakemm miet fl-1940. Il-kronoloġija ta’ Mann ftit tħalli dubji dwar ix-xebh li jrid jagħmel bejn il-mod kif Leverkühn mar lura fiżikament, mentalment u spiritwalment u l-istat tal-Ġermanja wara r-Repubblika ta’ Weimar, il-bidu tal-era Nazista u l-eventwali diżastru. Ir-ruħ ta’ Leverkühn hi fil-fatt ir-ruħ tal-Ġermanja.
Qegħdin ngħixu fi żmien meta n-nies ma jħarsux x’ser jiġri għada jew pitgħada imma jimpurtahom biss x’qed jiġri llum. U l-klassi politika adattat u qiegħda timxi mal-massa u ma tagħtiex id-direzzjoni li hija mistennija minnha.
'Fl-2013, in-Nazzjonalisti kienu fil-gvern, xi ftit pjaċiri żgur li għamlu (għalkemm ħafna tħallew b'xiber imnieħru) u minkejja l-paroli illi l-ekonomija kienet soda, fil-fatt kienet fjakka f'bosta oqsma' Joe Ellis
Li qed jiġri Malta mhux jiġri hawn biss. L-elettorat ħafna drabi m’għadux jirrispondi għal sejħiet għal sagrifiċċji llum sabiex ingawdu fil-futur. Irridu ngawdu llum u jekk hemm bżonn inbatu, inbatu għada jew ibatu wliedna jew ulied uliedna.
Il-mentalità illi tippermetti l-bini bla rażan, l-iżvilupp bla heda, il-konsum dejjem jikber fil-pajjiż hija simili għall-isfruttament dejjem jiżdied tar-riżorsi tad-dinja rrespettivament mill-ħsara illi tali sfruttament qiegħed joħloq fl-ambjent.
Ir-riżultati qegħdin dejjem narawhom aktar: foresti dejjem jonqsu, annimali illi jispiċċaw f’xifer l-estinzjoni, it-tibdil fil-klima illi dejjem qed joħloq manifestazzjonijiet klimatiċi aktar estremi, silġ illi jinħall aktar u temperaturi dejjem jogħlew.
Kemm aħna kif ukoll ħafna nies oħrajn fid-dinja qed nagħmlu bħal Fawst: qed infittxu t-tgawdija u l-kumdità tal-lum, il-flus u d-dinja tal-konsum. Imma qed niġu naqgħu u nqumu mill-konsegwenzi illi l-komportament tagħna qed u ser ikollu fuq ħajjietna, fuq dik tal-familja tagħna, fuq il-ġirien tagħna, fuq il-pajjiż kollu, fuq il-kontinent u fuq il-kumplament tad-dinja.
Anke jekk aħna żgħar, ma jfissirx illi l-azzjonijiet tagħna ma jaffetwawx il-kumplament tad-dinja wkoll.
Qed nikkompromettu l-futur tagħna u ta’ uliedna ħalli ma nagħmlux sagrifiċċji llum, sagrifiċċji li huma ferm anqas milli wieħed ikollu bil-fors jagħmel fil-futur.
Meta l-klassi politika minflok ma tmexxi l-karru, tispiċċa tirkeb fuqu fil-vjaġġ bla heda lejn xifer l-irdum, tassew inkunu fil-gwaj. Meta l-klassi politika sabiex takkwista l-poter tagħżel illi l-poplu ma tiftaħlux għajnejh dwar il-perikli li ser iġorr miegħu l-futur, tassew il-qagħda ma tkun xejn sabiħa. Meta l-poplu jagħżel nies illi jħalluh fl-għama, illi ma jdoqqux il-mużika illi ma tintgħoġobx imma biss il-mużika li ma ddarras lil ħadd, ma jkun qed isir ġid lil ħadd.
Ilkoll għandna niftakru l-istorja ta’ Faust u nevitaw illi nikkompromettu l-futur tagħna u ta’ uliedna bil-mod kif ngħixu l-preżent. Jekk il-morali ta’ din il-leġġenda ninsewha, u nippreferu lil min jwiegħed l-ilma jiżfen mingħajr l-iċken ħsieb għall-futur, ma nkunu qed nagħmlu xejn ħlief inwittu t-triq għad-diżastri tal-futur, diżastri illi lkoll kemm aħna jew uliedna rridu nagħmlu tajjeb għalihom.