opinjoni | Mistoqsijiet

Dun Anġ Seychell jistaqsi fuq il-kummerċ tas-sess li qed jiżdied

Hawn Malta ħafna qed isibuha bi tqila biex ikunu jafu tabilħaqq il-qagħda vera tal-pajjiż. Min qed jgħolli lil Malta sas-seba’ smewwiet u min qed iniżżilha sal-qiegħ nett.

Biex wieħed ikollu stampa ċara ta’ pajjiżna, bilfors ikollu jagħmel mistoqsijiet biex forsi mit-tweġibiet li jingħata jikseb idea ta’ x’hawn sejjer tajjeb u sejjer ħażin. Hekk se nagħmel f’dil-kitba tiegħi, se nagħmel xi mistoqsijiet.

F’Ġunju li għadda, fl-aħbarijiet lokali ssemma r-rapport tad-Dipartiment tal-Istat Amerikan. Malta ma tantx inxtammet tfuh f’dan ir-rapport. Fih intqal li Malta għandha problema serja ta’ traffikar ta’ persuni għas-sess u li l-Gvern Malti mhux qed jaħdem biżżejjed biex jiġġieled dan l-abbuż.

Fih intqal ukoll li f’Malta mhux biss qed ikun hemm persuni li jkunu traffikati għas-sess imma wkoll li minn Malta hemm persuni li qed ikunu traffikati lejn pajjiżi oħra. Ir-rapport jammetti li tul l-aħħar sena, il-Gvern Malti ħa iżjed passi biex dan l-abbuż ikun miġġieled imma xorta waħda għadu ma ntlaħaqx il-minimu meħtieġ.

Kotrot l-attività tas-sess

Quddiem rapport bħal dan, wieħed bilfors jistaqsi jekk dat-tagħrif hux minnu jew le. U t-tweġiba mistennija tiġi mil-Gvern Malti.

'Il-prostituzzjoni mhix għażla ħielsa għal min jinqabad fiha imma hija abbuż tad-dinjitá tal-bniedem' Dun Anġ Seychell

B’rabta ma dan, jidher ċar li l-attività kummerċjali fil-qasam tas-sess kotrot fuq li kotrot. F’Paċeville u band’oħra, tgħidx kemm kotru l-każini tal-galantomi li joffru servizzi sesswali. Qed jiftħu wkoll il-ħwienet tas-sess li jbigħu kull xorta t’oġġetti li għandhom rabta mas-sess. Qed jissemmew l-hekk imsejjħa ‘Strip Clubs’ li fihom se jkun permess żeffiena mingħajr ħwejjeġ fuqhom.

U hawn nagħmel iżjed mistoqsijiet. Dal-kummerċ fil-qasam tas-sess ifisser progress jew jasar għal min jisfa traffikat u kriminalità għal min jistagħna minn fuqu?

Il-prostituzzjoni

Nagħti importanza partikolari lill-qasam tal-prostituzzjoni. Fih qed iseħħu fid-dinja żviluppi negattivi kif ukoll pożittivi u hawn Malta qed jasal l-eku tagħhom.

Hawn min irid li Malta tissieħeb mal-pajjiżi Nordiċi tal-Ewropa li qed jikkumbattu l-prostituzzjoni u diġà hemm sinjali fosthom li bil-linja li ħadu, il-prostituzzjoni qed tonqos. Hawn min qed iħambaq biex il-prostituzzjoni tkun legalizzata u titqies bħala xogħol normali bħal oqsma oħra fejn hemm ħaddiema u min iħaddem.

Abbuż mhux xogħol

Hawn min qed iqis il-prostituzzjoni bħallikieku xogħol, anzi l-eqdem xogħol fid-dinja. Din hija ħrafa kbira għax il-prostituzzjoni mhix għażla ħielsa għal min jinqabad fiha imma hija abbuż tad-dinjità tal-bniedem. Il-femminista Ingliża Kat Banyard, fil-ktieb tagħha ‘Pimp State’ ġabet mistoqsija li kienet għamlet lil Sarah Veale meta din kienet kap tal-uffiċċju tal-jeddijiet fil-qasam tal-ugwaljanza u impjiegi tat-Trades Union Council (TUC). Staqsietha jekk il-prostituzzjoni hix xogħol jew abbuż, u Sarah Veale wieġbet hekk:

'Dal-kummerċ fil-qasam tas-sess ifisser progress jew jasar għal min jisfa traffikat u kriminalitá għal min jistagħna minn fuqu?' Dun Anġ Seychell

“F’Soċjetà Ċivili, l-isfruttar sesswali ma jistax jitqies bħallikieku attivita tas-suq tax-xogħol. Il-prostituzzjoni hi sfruttament sesswali. U l-unions jistgħu jagħtu appogg lin-nisa li qed ikunu sesswalment sfruttati billi jgħinuhom isibu xogħol tassew bid-dinjità, bi trattament dinjituż, bil-ħarsien u bis-sigurtà.”

Il-pajjiżi nordiċi

Għall-Iżvezja, għan-Norveġja u d-Danimarka, il-prostituzzjoni titqies bħala abbuż min-naħa tal-irġiel. Iridu jeqirduha u l-ewwel pass li ħadu kien li jintaxxaw l-irġiel li jmorru jabbużaw u mhux lin-nisa li jaqgħu vittmi tal-prostituzzjoni.

L-effett diġà beda jidher. Il-prostituzzjoni f’dawn il-pajjiżi Ewropej qed tonqos minn sena għall-oħra.

U Malta?

U Malta fejn qiegħda fejn tidħol il-prostituzzjoni? Kif jaħsbuha dawk li jemmnu fl-emanċipazzjoni tal-mara? X’qed jagħmlu dawk li jħambqu favur l-ugwljanza bejn in-nisa u l-irġiel? L-ugwaljanza għandhom dritt għaliha mhux biss l-omosesswali imma anke l-prostituti. X’iridu? Li l-prostituzzjoni tisfa legalizzata jew li l-prostituzzjoni tkun imrażżna?”

Il-mistoqsijiet kollha li għamilt qed jistennew tweġiba!

More in Blogs