Opinjoni | Mhuwiex l-istaġun taċ-ċiras
Aktar milli żminijiet eċċitanti fir-Renju Unit huma żminijiet deprimenti, frott tal-opportuniżmu tal-politiċi tar-Renju Unit, opportuniżmu illi qiegħed iġib il-pajjiż bil-mod il-mod għarkopptejh
Forsi ftit huma dawk li għadhom irrealizzaw imma jidher biċ-ċar illi sabiex pajjiż joħroġ mill-Unjoni Ewropea huwa aktar diffiċli milli sabiex jidħol. Dana speċjalment meta dan il-pajjiż ikollu t-tentazzjoni illi jipprova jżomm il-vantaġġi kollha tas-sħubija fil-waqt illi jiskarta r-responsabilitajiet kollha li tali sħubija ġġib magħha. “Cherry picking” jgħidulha bl-Ingliż meta inti tiġbor iċ-ċiras u tiskarta l-frott l-ieħor għax anqas bnin.
Nhar il-Ġimgħa li għaddiet, il-Prim Ministru Theresa May marret Firenze sabiex tagħti diskors li kien ferm mistenni sabiex wieħed jipprova jifhem eżatt x’jixtieq ir-Renju Unit meta fid-29 ta’ Marzu 2019, joħroġ mill-UE.
Ħadd ma jaf eżatt għala May għażlet illi tagħti dan id-diskors ġo Firenze. Setgħet tatu liberament fl-istess Renju Unit kif għamlet bil-famuż diskors tagħha f’ “Lancaster House” illi suppost kellu jkun il-mappa tat-tluq tar-Renju Unit mill-UE May hija politika marsusa ħafna illi mhix magħrufa għall-battuti spontanji tagħha jew għall-elokwenza tad-diskorsi tagħha. Hija politika pjuttost ta’ xeħta teknokratika li taħdem ħafna imma spiss nieqsa mill-viżjoni.
Imma hi hemm tmexxi r-Renju Unit u minkejja r-riżultat diżastruż tal-elezzjoni ta’ Ġunju li għadda, ħadd mill-partit Konservattiv m’għandu s-sinsla illi jisfida t-tmexxija tagħha. Kulħadd jibża’ illi elezzjoni għall-kap tal-partit Konservattiv twitti t-triq għall-elezzjoni bikrija li tagħti ċ-ċavetta ta’ 10 Downing Street lill-mexxej xellugi Laburista Jeremy Corbyn. U għaldaqstant May għadha tkampa minkejja illi ma jirnexxilhiex tissodisfa lill-erwieħ differenti fil-partit tagħha, lil min hu favur “hard brexit”, lil min irid “soft Brexit” u min l-anqas biss irid illi r-Renju Unit joħroġ mill-UE.
Verament din il-kwistjoni ma taqsamx biss lill-Konservattivi imma anke lil-Laburisti. Is-sentimenti tad-deputati Laburisti huwa spiss ikkundizzjonat bil-mod kif il-kostitwenza tagħhom ivvutat fir-referendum tat-23 ta’ Ġunju 2016.
Imma filwaqt illi l-Partit Laburista żamm politika ta’ ambigwità studjata sal-elezzjoni li għaddiet sabiex jirrikonċilja l-ħtiġijiet diverġenti tal-partitarji tiegħu, is-suċċess elettorali qed iħajjar lil Corbyn u s-shadow minister għal Brexit, Keir Starmer sabiex jinżlu minn fuq iċ-ċint tal-ambigwità u jiddefinixxu l-mod kif jixtiequ illi Brexit tiżvolġi waqt illi fl-istess ħin jirrispettaw ir-rieda tal-poplu tar-Renju Unit kif espressa fir-referendum imsemmi.
Fl-aħħar ta’ Awwissu, Starmer ħabbar illi l-partit Laburista hu favur illi wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, il-pajjiż jibqa’ fl-għaqda doganali u fis-suq waħdieni għall-perjodu ta’ transizzjoni li jista’ jkun twil sa erba’ snin li matulhom ir-Renju Unit jibqa’ jħallas fil-baġit komunitarju, jirrispetta l-libertà tal-moviment u jaċċetta l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Corbyn irrikonoxxa l-possibilità illi l-pajjiż jibqa’ għal dejjem fl-għaqda doganali. B’hekk, il-partit Laburista deċiżament skjera ruħu bħala l-partit tas-“soft Brexit”.
Dan meta n-negozjati bejn il-gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni Ewropea issa bdew formalment u diġà saru tliet rounds ta’ negozjati. Mal-ewwel radda ta’ salib, ir-Renju Unit aċċetta l-iskeda ta’ negozjati proposta min-negozjatur prinċipali Michel Barnier. Il-pożizzjoni oriġinali tar-Renju Unit kienet illi jsiru negozjati paralleli dwar il-ħruġ tal-pajjiż mill-UE u r-relazzjoni kummerċjali futura mal-UE.
Minkejja l-paroli fil-vojt qabel ma bdew it-taħdidiet formali tas-segretarju tal-Istat għal Brexit, David Davis illi l-kwistjoni ta’ kif ser jisvolġu t-taħdidiet ser tkun il-kwistjoni taħraq ta’ dan is-sajf, meta t-taħdidiet formali bdew fid-19 ta’ Ġunju li għadda, Davis mill-ewwel ċeda l-armi. Il-Kummissjoni riedet illi t-taħdidiet dwar ir-relazzjonijiet futuri bejn ir-Renju Unit u l-UE ma jibdewx qabel isir progress sostanzjali dwar tliet kwistjonijiet importanti: is-sitwazzjoni futura taċ-ċittadini komunitarji fir-Renju Unit, il-ħlasijiet tar-Renju Unit sabiex jagħmel tajjeb għal sehemha mill-obbligi assunti mill-UE 28 u l-kwistjoni tal-fruntiera Irlandiża.
Qabel is-summit tal-kapijiet tal-istat ta’ Ottubru li ġej, Barnier irid jiċċertifika illi sar progress sostanzjali fuq dawn it-tliet binarji sabiex jibdew it-taħdidiet dwar ir-relazzjoni futura bejn ir-Renju Unit u l-UE. Jidher biċ-ċar illi Barniex mhux ser jiċċertifika dan. U dan l-istat ta’ inċertezza l-aktar li qed jagħmel ħsara hu lil istess Renju Unit għax min irid jinvesti ma jistax joqgħod jipposponi d-deċiżjoni tiegħu sakemm isir magħruf eżatt kif ser iseħħ il-kummerċ bejn ir-Renju Unit u l-UE 27 wara Brexit.
Tista’ tgħid illi fuq dawn it-tliet kwistjonijiet, ftit li xejn sar progress. Naħseb illi l-akbar żball ta’ May kien illi wriet nuqqas kbir ta’ ġenerożità fil-konfront taċ-ċittadini komunitarji li jaħdmu u jgħixu fir-Renju Unit. Dina l-kwistjoni messha solvietha qabel biss bdew it-taħdidiet u pproponiet illi dawna ċ-ċittadini jibqgħu jgawdu l-istess drittijiet illi jgawdu llum.
Il-problema kbira li għandha May u l-gvern tagħha hi illi jekk tagħmel hekk, fl-ewwel lok, tirrabja lil min ma jaħmielx lill-barranin fir-Renju Unit minkejja l-kontribut ekonomiku u soċjali kbir li jagħtu. Fit-tieni lok, dawn iċ-ċittadini jispiċċaw ikollhom drittijiet aktar minn dawk tar-Renju Unit. B’hekk, din il-problema għadha tkarkar minkejja l-offerti dejjem jitjiebu tar-Renju Unit u l-iskuntentizza tal-Kummissjoni, tal-Parlament Ewropew u tat-3m ċittadini komunitarji fir-Renju Unit u l-1.2 m ċittadini tar-Renju Unit fl-UE 27.
Għandek ukoll il-kwistjoni tal-fruntiera Irlandiża li ħadd għadu ma fehem kif jista’ wieħed jevita terġa’ tiġi imposta fiżikament jekk ir-Renju Unit ser joħroġ mill-għaqda doganali. Il-Kummissjoni ġustament qiegħda tgħid illi s-soluzzjoni għal din il-problema għandu joħroġ biha l-gvern tar-Renju Unit imma wieħed jista’ jserraħ rasu r-Renju Unit mhu ser joħroġ bl-ebda soluzzjoni prattika u attwabli.
'Possibiliment illi l-aktar soluzzjoni faċli tkun illi t-terminu għalll-Brexit jiġi estiż wara d-29 ta’ Marzu 2019. Jekk isir hekk, ir-Renju Unit jispiċċa f’qagħda negozjali aktar dgħajfa' Joe Ellis
Jekk ir-Renju Unit ser jibqa’ jinsisti illi joħroġ mill-għaqda doganali, bil-fors irid ikun hemm fruntiera fiżika minkejja illi ħadd ma jridha inkluż l-Unjonisti Demokratiċi illi qegħdin jagħmluha ta’ forċina lill-gvern ta’ minoranza konservattiv.
Dwar il-ħlasijiet dovuti lill-UE, it-taħdidiet verament iridu jistabilixxu l-metodu kif is-somma finali għandha tiġi kkalkulata, aktar milli wieħed jiftiehem fuq somma attwali f’dan l-istadju. Bosta somom qed jissemmgħu, fosthom €80 bn u forsi anke aktar. Ovvjament, ir-Renju Unit ma jridx jikkommetti ruħu għal issa u dana qed iżomm it-taħdidiet milli jipprogredixxu aktar.
Intant il-Parlament tar-Renju Unit approva ftit ġimgħat ilu t-tieni qari tal-abbozz ta’ liġi illi jipprovdi illi l-leġislazzjoni komunitarja tibqa’ parti mil-liġijiet tar-Renju Unit mal-ħruġ mir-Renju Unit mill-UE. Imma l-gvern ta’ May mistenni jkollu problemi serji waqt l-istadju tal-kumitat u probabilment, ikollu jaċċetta bosta tibdil fl-abbozz qabel l-approvazzjoni tal-liġi.
Il-qagħda kaotika fir-Renju Unit intweriet din il-ġimgħa bl-artiklu ta’ 4,200 kelma illi l-ministru tal-affarijiet barranin, Boris Johnson ppubblika fid-”Daily Telegraph”. F’dan l-artiklu, Johnson, wieħed mill-perċimes tal-kampanja sabiex il-pajjiż jitlaq l-UE, irrepeta l-gidba illi mat-tluq, ir-Renju Unit ser jiffranka £350m fil-ġimgħa.
L-istess kap tal-istatistika tar-Renju Unit ħareġ igiddeb lil Johnson. Imma dan l-artiklu ta’ Johnson ġie interpretat bħala dimostrazzjoni illi l-fazzjoni tal-”hard Brexit” fil-partit konservattiv ma kienet xejn kuntenta illi May kienet miexja lejn “soft Brexit” fuq il-mudell Norveġiż u kif qed jipprospetta l-partit laburista.
Sinjal ieħor ta’ dan il-kaos kien it-tluq brusk tas-segretarju permanenti fis-Segretarjat tal-Istat għal Brexit, Oliver Robbins illi ġie trasferit għall-uffiċju tal-kabinett minkejja illi ser jibqa’ n-negozjatur ewlieni fit-taħdidiet tal-ħruġ.
Hu magħruf illi r-relazzjonijiet bejn Robbins u Davis ma kienu tajbin xejn u din il-mossa ġiet wara r-riżenja għalgħarrieda tal-ambaxxatur tar-Renju Unit fi Bruxelles f’Jannar li għadda. Intqal illi ċ-ċivil tant kemm hu inkwetat illi l-Brexit ser ikun falliment kolossali illi qiegħed ikopri l-warrani tiegħu bil-kitba ta’ memoranda u e-mails.
F’dan l-isfond, May tat id-diskors tagħha ġo Firenze nhar il-Ġimgħa bit-tama illi tagħti ħajja ġdida lit-taħdidiet tal-ħruġ illi prattikament iridu jkunu magħluqin sa sena oħra sabiex jiġu ratifikati mill-Parlament Ewropew u dawk nazzjonali.
Fi sfond bil-kliem “Shared History. Shared Challenges. Shared Future” illi jġagħluk tistaqsi għala r-Renju Unit irid jitlaq mill-UE fl-ewwel lok in vista ta’ din il-komunanza kollha, May talbet żmien transitorju illi hi ssejjaħlu ta’ implimentazzjoni ta’ madwar sentejn illi matulhom, l-effetti tal-Brexit jiġu posposti minkejja illi r-Renju Unit ma jibqax ipoġġi fuq il-mejda tad-deċiżjonijiet. May aċċettat ukoll illi jsir ħlas ta’ £40bn fis-sentejn ta’ wara l-Brexit sabiex b’hekk, ma jkunx hemm nuqqas fil-baġit komunitarju sas-sena 2020.
May offriet ukoll xi konċessjonijiet dwar id-drittijiet taċ-ċittadini komunitarji f’pajjiżha imma ma jidhirx illi dawn ser ikunu sodisfaċenti. Imma ma qalet xejn dwar il-fruntiera Irlandiża għax probabilment ma tafx kif tista’ ssolvi din il-problema. Imma forsi l-aktar ħaġa importanti li qalet hi illi r-Renju Unit ma jridx ikun membru tal-Arja Ekonomika Ewropea kif inhi n-Norveġja għax tali għażla tikkomporta rinunzja għas-sovranità mingħajr l-ebda parteċipazzjoni fit-teħid tad-deċiżjonijiet.
Imma l-anqas mhu kuntent bil-ftehim ta’ kummerċ ħieles li l-UE għadha kemm laħqet mal-Kanada li daħal fis-seħħ proviżorjament din il-ġimgħa u li hu l-aktar ftehim ta’ kummerċ ħieles komprensiv illi l-UE s’issa nnegozjat. May wriet biċ-ċar illi ma tkunx sodisfatta bi ftehim simili għax ma jagħtix lir-Renju Unit ħafna mill-benefiċċji illi jgawdi llum. Trid ftehim speċifiku illi jsaħħaħ it-tradizzjoni taċ-“cherry picking” illi May ilha tipprattika miż-żmien li kienet Home Secretary.
Ir-reazzjoni għal dan id-diskors ma kienetx straordinarja. Ħafna sostnew illi għad hemm wisq inċertezza fil-pożizzjoni tar-Renju Unit għalkemm Barniex għadda kummenti posittivi u kawti. L-UE 27 mhu taħt l-ebda obbligu li jaċċetta li jkun hemm fażi ta’ transizzjoni.
Possibiliment illi l-aktar soluzzjoni faċli tkun illi t-terminu għalll-Brexit jiġi estiż wara d-29 ta’ Marzu 2019. Jekk isir hekk, ir-Renju Unit jispiċċa f’qagħda negozjali aktar dgħajfa għaliex il-ftehim aħħari jkun irid jiġi aċċettat mill-pajjiżi membri kollha tal-UE flimkien mal-Parlament Ewropew mentri fil-preżent, jista’ jiġi approvat bil-vot ta’ żewġ terzi tal-pajjiżi membri.
Ftit sigħat wara d-diskors ta’ May, ir-“rating agency” “Moody’s” baxxiet il-klassifika tagħha tad-dejn pubbliku tar-Renju Unit u dana primarjament minħabba l-inċertezza li qed iġġib il-Brexit. Fid-dawl ta’ tali inċertezza u konfusjoni, m’hux ta’ b’xejn illi bosta qed jiddubitaw jekk ir-Renju Unit hux verament ser joħroġ miż-żona doganali kif l-istess partit laburista qed jaċċetta illi fil-fatt possibilment ma jsirx.
Aktar milli żminijiet eċċitanti fir-Renju Unit huma żminijiet deprimenti, frott tal-opportuniżmu tal-politiċi tar-Renju Unit, opportuniżmu illi qiegħed iġib il-pajjiż bil-mod il-mod għarkopptejh. Hija lezzjoni salutarja lil kulħadd, kemm f’pajjiżna kif ukoll lil hinn.