Opinjoni | Insaħħu d-demokrazija... bil-fatti

Il-Ministru Owen Bonnici jgħid li l-Gvern neża minn poter li jaħtar lil min irid fl-amministrazzjoni pubblika u jaqsam dan il-poter mal-Parlament

Din il-ġimgħa kienet ġimgħa importanti għal min għandu għal qalbu d-demokrazija f'pajjiżna.

Bis-saħħa ta' deċiżjoni waħda kbira, se nsaħħu l-Parlament b'mod ċar u qawwi.

Għall-ewwel darba fl-istorja, il-Gvern b'deċiżjoni konxja neża minn poter li huwa għandu li jaħtar lil min irid fl-amministrazzjoni pubblika u jaqsam dan il-poter mal-Parlament.

Bis-saħħa ta' kumitat Parlamentari ġdid, issa l-Parlament se jkollu s-saħħa li jagħrbel u jsaqsi domandi fil-pubbliku (l-ewwel bil-kitba, imbagħad anke jekk ikun hemm bżonn wiċċ imb wiċċ) lill-kandidati biex iservu bħala Chairpersons ta' Awtoritajiet Regolatorji u Ambaxxaturi li mhumiex tal-karriera u jagħtu parir.

Fi kliem ieħor il-Parlament qed intuh iktar saħħa u iktar importanza fid-demokrazija tagħna, kif jixraqlu.

Parir, sintendi huwa dak li hu - parir. Iżda parir minn Kumitat Parlamentari hu parir b'saħħtu li ebda Ministru mhu se jinjorah.

Fl-aħħar mill-aħħar hu fl-interess tal-Gvern stess li jinħatru nies tajbin sabiex il-programm elettorali jitwettaq b'mod b'saħħtu u bla skossi.

L-abbozz intlaqa' b'mod ġeneralment pożittiv minn ħafna nies li kellmuni u li qed japprezzaw li waqt li t-tpaċpiċ huwa faċli li tagħmlu, id-diffiċli hu li twettaq il-bidla. Sfida li aħna qed jirnexxielna nagħmlu. Biex Malta tkun verament A+ anke f'dan is-settur.

Oppożizzjoni negattiva

L-Oppożizzjoni, bħas-soltu, baqgħet negattiva.

Dan l-abbozz ġie ppubblikat fil-mument li ħabbart id-deċiżjoni u għaddejt immedjatament kopja lill-Oppożizzjoni permezz tal-Whips.

Dwar dan l-abbozz l-Oppożizzjoni ma kellha xejn pożittiv xi tgħid u, bħas-soltu, qalet li hu kollu ħażin.

Jiena li xi ħadd jiġi jgħid: ara dwar din naqbel, u dwar din ma naqbilx.  Dika nifhimha.

'Sieħeb l-Alternattiva Demokratika. Ħarġet tikkritikani għaliex ma ppubblikajtx l-abbozz meta l-abbozz kien ilu ppubblikat ġurnata sħiħa.' Owen Bonnici

Imma li tgħid li kollox hu ħażin u kollox hu negattiv- dika mhijiex kredibbli.

Biex fuq dan l-abbozz ma ssib xejn tajjeb, juri li l-Oppożizzjoni ma tistax tittieħed bis-serjetà.

Sieħeb l-Alternattiva Demokratika.  Ħarġet tikkritikani għaliex ma ppubblikajtx l-abbozz meta l-abbozz kien ilu ppubblikat ġurnata sħiħa.

Mhux ta' b'xejn li l-poplu qed iħares lejn il-Gvern u jgħid: dan huwa l-għażla naturali tiegħi. Għax dan hu Gvern li ma jiddejjaqx ibiddel, ma jiddejjaqx itejjeb lil dan il-pajjiż.

Mhux riforma iżolata

Din mhijiex riforma iżolata.

Infakkar li ftit tax-xhur ilu biddilna mill-qiegħ il-mod tal-ħatra tal-Ġudikanti.

Minn sitwazzjoni fejn il-Prim Ministru u l-Kabinett setgħu jaħtru lil min iridu, illum il-Prim  Ministru u l-Ministri tal-Gvern jistgħu jaħtru ġudikanti biss minn fost lista ta' nies li jkunu għaddew mill-iskrutinju dwar eliġibilità u mertu magħmul minn kumitat ta' nies li jgawdu indipendenza u imparzjalità sħiħa.  Dan abbażi ta' kriterji ċari u oġġettivi li ġew ippubblikati biex jarahom kulħadd.

'Mhux ta' b'xejn li l-poplu qed iħares lejn il-Gvern u jgħid: dan huwa l-għażla naturali tiegħi. Għax dan hu Gvern li ma jiddejjaqx ibiddel, ma jiddejjaqx itejjeb lil dan il-pajjiż.' Owen Bonnici

Din kienet riforma qawwija u b'saħħitha.  Jgħidu x'jgħidu n-nies tal-establishment tas-soltu li ma jridu li xejn jinbidel f'dan il-pajjiż, din kienet riforma li għamlet differenza mill-qiegħ.

Legat

Il-politiċi jmorru u jiġu.  Illum hawn u għada le.  L-importanti hu dak il-wirt li l-politiċi jħallu warajhom.

F'dan il-kamp se nkunu ħallejna strutturi b'saħħithom f'livell bla preċedent: il-liġi tal-finanzjament tal-partiti, il-whistleblowers' act, il-liġi tat-tneħħija tal-preskrizzjoni, ir-riforma fl-għażla tal-Ġudikanti u issa din.

Ħaddieħor ipaċpaċ.  Aħna nwettqu l-bidla.

Dan hu li jagħtik sodisfazzjon li tkompli għaddej fil-politika.

Kunċert Carlo Diacono

Nhar il-ġimgħa li ġej l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali se tikkommemora l-memorja tal-kompożitur Żejtuni Carlo Diacono b'kunċert.

Mro Diacono miet propju 75 sena ilu. L-orkestra, għall-okkażjoni, se tesegwixxi l-kompożizzjoni San Paolo Evangelizza I Maltesi li se tindaqq għat-tieni darba fl-istorja. Xtaqt nagħmlilkom stedina miftuħa biex tattendu għal dan il-kunċert li se jsir fil-Konkatidral ta' San Ġwann.

Id-dħul hu b'xejn però wieħed irid jikseb biljett billi jċempel fuq 22013000.

Huwa kruċjali li aħna nikkommemoraw dawn il-ġganti artistiċi ta' pajjiżna.

Grazzi minn qalbi lil kull min ħadem sabiex din l-okkażjoni setgħet issir realtà.

More in Blogs