Opinjoni | 100 Jum Non-Stop
Manuel Micallef jgħid li qed jistenna li l-kelma prekarjat tinqata’ mid-dizzjunarju
Fit-3 ta’ Ġunju li għadda l-poplu bi ħġaru wieġeb għall-mistoqsija li kien għamillu l-Prim Ministru Joseph Muscat “jekk iridx jieqaf nofs triq?” Il-poplu wera biċ-ċar li dak li kien inbeda fil-leġiżlatura ta’ qabel għandu jitkompla.
Anzi bis-suċċessi li kienu nkisbu sa dakinhar il-poplu għolla l-aspettattiva tiegħu u qed jistenna ferm iktar minn din il-leġiżlatura. U bir-raġun. Issa l-poplu ma jridx li jinħolqu impjiegi imma jrid li jinħolqu impjiegi ta’ kwalità li jrendu pagi għoljin.
Jistenna li l-kelma prekarjat tinqata’ mid-dizzjunarju.
Jistenna li l-ebda persuna ma tibqa’ mingħajr taħriġ jekk jista’ jkun speċjalizzat. Il-poplu jistenna li jkun jaffordja l-kera tal-post anzi jkun kapaċi jixtri d-dar fejn joqgħod u jarredha bl-aħjar mod possibli. Irid li pajjiżna jkun verament nadif u t-traskuraġni u l-iżdingar jisparixxu darba għal dejjem.
'L-abbużi jridu jinqatgħu u għalhekk irid ikun hemm mekkaniżmu ta’ infurzar b’saħħtu.' Manuel Micallef
Irid ambjent san, nieqes kompletament mit-tniġġis u spazji miftuħa biex ma nkomplux inħanżru l-kampanja u l-ftit widien li għad baqa’. Irid toroq li tieħu pjaċir tgħaddi minnhom bil-mixi, bir-roti, muturi u karozzi mingħajr dħaħen u nugrufun. Irid skejjel li minnhom joħorġu ċittadini b’sens ċiviku qawwi, b’moħħ analitiku jew kritiku lejn kulma jseħħ madwarna u mhux żgħażagħ li jirsistu biss għaċ-ċertifikati mbagħad meta jiġu jiffaċċjaw il-ħajja jkollhom jitgħallmu by “trial and error”.
Il-poplu jrid li l-istituzzjonijiet tal-pajjiż jiffunzjonaw b’effiċċjenza. Irid li l-liġijiet jintużaw biex ikun hawn tassew sigurtà fil-pajjiż u ordni pubblika u mhux jintużaw biex l-eċċezzjonijiet isiru r-regola. Irid li s-servizz tas-saħħa u l-qasam soċjali jagħtu lill-pazjent u lil min hu vulnerabbli d-dinjità li tishoqlu. Irid id-dixxiplina fejn il-ġustizzja soċjali ssir ma’ kulħadd.
L-abbużi jridu jinqatgħu u għalhekk irid ikun hemm mekkaniżmu ta’ infurzar b’saħħtu.
Min joħlom bl-ideat ġodda u kreattività kemm fil-qasam tal-arti u fin-negozju jrid isib l-ispazju meħtieġ biex jimrah u mhux iħossu fgat u waqt li jirsisti biex jimxi ’l quddiem isib bibien magħluqin jew barrikati li jxekkluh. Jistenna governanza tajba.
Fejn ir-rispett lejn l-awtoritajiet jerġa’ jibda jidher waqt li d-drittijiet taċ-ċittadini jkunu verament salvagwardjati. Irid li l-politiċi jkunu role models fl-amministrazzjoni pubblika u mhux politikanti tal-ħabba gozz. Il-poplu jrid li r-reputazzjoni ta’ Malta mad-dinja tkun waħda impekkabli u rridu naħdmu għaliha lkoll.
Iktar ma jiġu investituri lejn xtutna iktar aħjar. U bħala pajjiż tal-ewwel klassi rridu nkunu lesti li anke bħala pajjiż ngħinu popli oħra fejn hemm bżonn.
Dak li jrid il-poplu u d-direzzjoni li jrid jieħu pajjiżna fi żmien li ġej huwa rifless sew fil-manifest elettorali tal-partit fil-gvern. Iktar minn hekk huwa rifless fir-riżultati li kiseb pajjiżna that it-tmexxija tal-prim ministru Joseph Muscat. L-impatt li jħallu l-aġenziji internazzjonali ta’ kredtu bir-rapporti tagħhom diġà qegħdin neħduhom for granted.
'Minkejja d-difetti u l-iżbalji kollha l-gvern Laburista rnexxielu jdawwar ir-rota lejn id-direzzjoni tal-eċċellenza. Fejn l-ambizzjoni u l-viżjoni jissarfu fi pjan ta’ ħidma konkreta li verament tħalli r-riżultati.' Manuel Micallef
Sal-bieraħ stess Standard & Poor’s għollew l-istima ta’ pajjiżna minn waħda stabbli għal waħda pożittiva; Il-Forum Ekonomiku Dinji wkoll iddikjara li għaż-żmien li ġej il-qagħda ta’ pajjiżna fejn tidħol il-kompetittività se tkompli titjieb. Indikazzjonijiet ċari li l-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti se tkompli titjieb.
Ifisser li ġej iktar ġid. Mhux ta’ b’xejn li llum niftaħru bis-surplus! Dan ma ġiex b’kumbinazzjoni imma qegħdin nibdew induqu l-frott ta’ ħidma bla waqfien. Minkejja d-difetti u l-iżbalji kollha l-gvern Laburista rnexxielu jdawwar ir-rota lejn id-direzzjoni tal-eċċellenza.
Fejn l-ambizzjoni u l-viżjoni jissarfu fi pjan ta’ ħidma konkreta li verament tħalli r-riżultati.
L-ikbar żball li jista’ jagħmel il-gvern issa huwa li jagħżel li jnaqqas ir-ritmu. Jeħodha easy! Jaħseb li wettaq biżżejjed. Iktar u iktar fis-sitwazzjoni li qegħdin fejn min għandu d-dmir li jiskrutinja x-xogħol tal-gvern illum jinsab f’disgwid u tħarbit! Jiżbalja jekk wara r-riżultat elettorali l-gvern jibda jara kbir u n-nies jarahom dubbien!
Jidher li l-gvern se jibqa’ għaddej bir-rankatura li qabad. Il-ġurnata minn kmieni filgħodu turi u l-ewwel mitt jum ta’ dan il-gvern jikkonfermaw li l-ġejjieni huwa pożittiv anzi se jkun mill-aqwa. Għaddew mitt jum u twettqu jew tħabbru mitt inizjattiva.
Bdejna bil-liġi tal-ugwaljanza fiż-żwieġ. Ingħatat iż-żieda fil-paga minima nazzjonali. Se jingħataw lura l-festi pubbliċi. Tibda titwettaq il-wegħda li jsiru t-toroq kollha. Tingħata mediċina oħra tal-kanċer b’xejn.
Tibda s-sena akkademika tal-AUM. Jonqsu n-nies fuq il-benefiċċji soċjali u dawk li jirreġistraw għax-xogħol. Aktar dħul għal gvern u anqas imgħax fuq id-dejn. Ħruġ ta’ bonds għall-anzjani. Akkomodazzjoni soċjali fis-Siġġiewi.
Tisħiħ tal-linja tal-ajru Airmalta. Żieda rekord fit-turiżmu. Vot 16. Pjan biex tiġi ġġenerata l-enerġija mill-iskart. Issiġġillat il-ftehim mal-grupp Starr. Jonqsu b’9,000 l-persuni f’riskju ta’ faqar. U litteralment 100 inizzjattiva oħra.
100 jum diġà għaddew. U dħalna għall-100 jum oħra. Jidher li altru milli se nieqfu nofs triq. Anzi kollox juri li l-gvern huwa determinat li jibqa’ għaddej non-stop! Biex niftehmu, gas down on track… x’differenza mill-“gas down għal ġol-ħajt” li kien ħareġ biha dak li xtaq lilġaru u ġie f’daru!