Editorjal | Prostituzzjoni: (Forsi) Nirregolaw, mhux naċċettaw
Din id-darba jidher li hemm ir-rieda politika li dwar kwistjonijiet bħall-prostituzzjoni u l-użu tal-kannabis ikun hemm xi forma ta’ leġiżlazzjoni
Il-pajjiż riesaq għal żewġ diskussjonijiet partikolari, bil-possibilità li din id-darba ma tibqax fuq il-karta ta’ gazzetta, jew parti minn diskussjoni mqanqla fuq it-televixin. Id-diskussjoni, għallinqas jekk kellna nemmnu li l-intenzjonijiet tal-Gvern huma ġenwini, se tmur lil hinn mis-siti soċjali u xi status fuq facebook.
Fil-fatt, din id-darba jidher li hemm ir-rieda politika li dwar kwistjonijiet bħall-prostituzzjoni u l-użu tal-kannabis ikun hemm xi forma ta’ leġiżlazzjoni.
Jekk se nieħdu, kif s’issa dejjem ħadna, l-attitudni tat-tikketti u se nħallu dawn iż-żewġ kwistjonijiet jinżlu fil-fossa tal-politika partiġġjana u l-preġudizzju mela allura aħjar ma jsiru xejn dawn id-diskussjonijiet.
Jekk qabel biss nibdew niddiskutu kwistjoni umana u mill-aktar sensittiva bħall-prostituzzjoni, se nibdew niskjeraw lilna nfusna wara tikketti bħal ‘liberali, ‘kattoliċi u latini’ u ‘konservattivi’, mela allura diġà nkunu fallejna. Għax inkunu diġà ddeċidejna, qabel biss pruvajna nifhmu
Jekk qabel biss nibdew niddiskutu kwistjoni umana u mill-aktar sensittiva bħall-prostituzzjoni, se nibdew niskjeraw lilna nfusna wara tikketti bħal ‘liberali, ‘kattoliċi u latini’ u ‘konservattivi’, mela allura diġà nkunu fallejna. Għax inkunu diġà ddeċidejna, qabel biss pruvajna nifhmu x’inhi l-isfida/problema.
Ħa nibdew minn hawn, ilha kemm ilha tkun ipprattikata l-prostituzzjoni xorta tibqa’ att immorali li tipperpetwa l-inugwaljanza bejn is-sessi bl-aktar mod sfaċċat.
Għax kif qatt tista’ tkun ugwali ma’ parti jekk dik il-parti tarak bħala oġġett li qiegħed hemmhekk, lanqas biex neċessarjament tieħu, imma biex tagħti l-pjaċir? Kif tista’ qatt tkun ugwali ma’ min iridek tirrinunzja l-libertà tiegħek għax int vulnerabbli, biex minn fuqek jaqla’ l-flus? Kif tista’ tkun ugwali jekk min qed iħallsek, iktar iva milli le, irid iżommok fid-dlam tal-anonimità għat-taparsi ma teżistix? Ma tistax tkun ugwali jekk int dipendenti, jekk int qed tinżamm fis-sopressjoni u jekk il-miżerja u l-isfortuna ta’ ħajtek qed jiġu użati biex tbigħ lilek innifsek.
Meta tbigħ lilek innfisek, tbigħ il-libertà tiegħek u kull mara li tkun imġiegħla, mhux li tagħżel imma li tkun imġiegħla, tidħol fil-prostituzzjoni titlef il-libertà u allura titlef iċ-ċans li tkun ugwali.
Le, ma nistgħux niftaħru bl-ugwaljanza jekk bħala pajjiż, bħala kontinent u bħala dinja aħna nagħlqu għajnejna għall-isfruttar ta’ dawk in-nisa (u anke rġiel f’xi każi) li jkunu traffikati, mibjugħin bir-ribass u imbuttati minn pajjiż għall-ieħor. Għax ma nistgħu qatt ngħidu li aħna favur l-ugwaljanza, jekk il-bżonn li kulħadd ikun ugwali jieqaf mal-ponta ta’ mneħirna.
Ma tistax tkun ugwali jekk int dipendenti, jekk int qed tinżamm fis-sopressjoni u jekk il-miżerja u l-isfortuna ta’ ħajtek qed jiġu użati biex tbigħ lilek innifsek
Mhux dan l-editorjal qed jgħidu dan. Ħarsa lejn ir-rapport tal-MEP Soċjalista Mary Honeyball, li evalwajna f’paġni 8 u 9, huwa ċar u skjaċċanti. ‘Il-prostituzzjoni hija forma ta’ skjavitù inkompattibbli mad-dinjità umana’, ‘hija waħda mill-agħar ksur tad-drittijiet tal-bniedem’, ‘il-maġġoranza vasta ta’ prostituti ġejjin minn gruppi vulnerabbli’, ‘il-kriminalità organizzata, traffikar tal-bnedmin u kriminalità ta’ vjolenza estrema’ jiffjorixxu fid-dell tal-prostituzzjoni’. U l-agħar waħda fost ħafna oħrajn ‘il-prostituzzjoni hija kwistjoni ta’ saħħa, detrimentali għall-prostituta li tbati minn trawmi sesswali, fiżiċi u mentali’.
Jiġifieri jekk se mmorru għad-diskussjoni dwar il-prostituzzjoni bl-idea stupida u mill-aktar insensittiva li l-legalizzar tal-prostituzzjoni hija xi sinjal ta’ moħħ miftuħ u liberali u forsi intelletwali, inkunu żlaqna qabel bdejna, m’hemm xejn intelletwali u liberali li, minn naħa tagħti drittijiet lil nies LGBT għax favur l-ugwaljanza, imma mbagħad tiftaħar li se taċċetta sistema li mhix abuse-proof fil-konfront ta’ dawk li huma l-aktar vulnerabbli.
Dan kollu ma jfissirx li pajjiżna m’għandux jiddiskuti t-triq ’il quddiem. Imma rridu nistaqsu. Filwaqt li nibqgħu naċċettaw li l-abbuż tal-persuna għal skopijiet ta’ sess huwa immorali, x’se nagħmlu? Se nikriminalizzaw l-attività kollha? Se niddikriminalizzaw l-attività kollha? Jew se nimxu fuq il-mudell ta’ Honeyball, approvat mill-MEPs, biex ikun ix-xiri ta’ servizzi sesswali li jkun illegali?
x’se nagħmlu? Se nikriminalizzaw l-attività kollha? Se niddikriminalizzaw l-attività kollha? Jew se nimxu fuq il-mudell ta’ Honeyball, approvat mill-MEPs, biex ikun ix-xiri ta’ servizzi sesswali li jkun illegali?
L-aħħar mudell jidher li kien relattivament ta’ suċċess f’bosta pajjiżi Ewropej.
Dak li rridu niddiskutu. X’se nagħmlu, kif se nitrattaw din l-isfida, kif se ngħollu lill-batut u lil min qiegħed taħt is-swaba’ ta’ min huwa bla skrupli. Irridu nagħrfu li l-prostituzzjoni se tibqa’ magħna, imma minkejja dan ma nistgħu qatt naċċettaw li hija aċċettabbli, morali u ġusta.
Nirregolawha, forsi iva, wara diskussjoni profonda. Niġġustifikawha, le, la issa u anqas qatt.