Opinjoni | Arvid Pardo: għaddew 50 sena
Carmel Cacopardo jgħid li bħala stat gżira hu essenzjali li Malta tkun fuq quddiem f’dak kollu li jikkonċerna l-ibħra
Jekk toqgħod fuq dak li qal il-Prim Ministru fl-indirizz tiegħu lill-konferenza tal-EU li saret din il-ġimgħa f’Malta dwar il-ħarsien tal-ibħra, bir-raġun kollu tassumi li Malta bħala nazzjon marittimu hu pajjiż iddedikat għal dan l-oġġettiv.
Meta tfittex fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità dwar l-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) issib numru ta’ rapporti mitluba mid-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar il-Qafas ta’ Strateġija Marittima mingħand il-pajjiżi membri tal-Unjoni. Imma meta mbagħad tfittex fuq is-sit elettroniku tal-Unjoni Ewropea dawn ir-rapporti ma ssibhomx, imma issir taf li r-rapporti minn Malta ġew ippreżentati tard, wara d-data stabbilita.
Hu ċar li minkejja dak li jipprova jagħti x’jifhem il-Prim Ministru, għad baqa’ ħafna x’naqdfu.
Bħala stat gżira hu essenzjali li Malta tkun fuq quddiem f’dak kollu li jikkonċerna l-ibħra.
Ma nistgħux inħallu l-inizjattiva f’idejn ħaddieħor. Kien hemm żmien meta Malta kienet tmexxi, kienet fuq quddiem nett, tieħu l-inizjattiva: meta l-Ambaxxatur Malti fil-Ġnus Magħquda, Arvid Pardo, ippreżenta inizjattiva innovattiva biex qiegħ il-baħar u kulma fih ikun ikkunsidrat bħala wirt komuni tal-umanità.
Dan seħħ 50 sena ilu f’Novembru tal-1967 waqt sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda.
'kulħadd ikun konxju tal-effetti li r-reklamar iħalli fuqna u għalhekk noqogħdu b’seba’ għajnejn għall-messaġġi li r-riklami jkunu jridu jgħaddulna' Carmel Cacopardo
L-inizjattiva Maltija permezz ta’ Arvid Pardo għamlet żmien imqiegħda fil-ġenb u kkunsidrata bħala ħela ta’ żmien minn Gvern Malti immexxi mill-Partit Laburista. Kien Gvern li pprefera li jħalli pajjiżi oħra jieħdu l-inizjattiva. U meta waslet is-siegħa tad-deċiżjoni, il-Ġamajka rnexxielha taqlibha lil Malta għax kienet hi li ġiet magħżula biex f’Kingston tilqa’ l-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar. Malta kienet ilha żmien tindika li kienet tilfet l-interess fl-inizjattiva tagħha stess.
Malta għandha vokazzjoni marittima. Bħala stat gżira l-politika marittima għal Malta hi kemm dmir kif ukoll opportunità. It-tifsira ta’ dan hu spjegat fid-dettall f’rapport li janalizza l-impatti ekonomiċi u soċjali tal-politika marittima liema rapport ġie kkummissjonat mill-ERA kif mitlub mill-artiklu 8 tad-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar il-Qafas ta’ Strateġija Marittima. Dan ir-rapport hu aċċessibbli fuq is-sit elettroniku tal-ERA.
Dan ir-rapport twil 133 paġna hu deskritt bħala wieħed li jippreżenta analiżi preliminari. Jispjega li 15.4% tal-ekonomija Maltija hi dipendenti fuq l-ambjent marittimu b’xi mod jew ieħor.
L-importanza kbira li l-baħar għandu fl-ekonomija Maltija tidher iktar meta wieħed iqis li d-dipendenza tal-ekonomiji ta’ stati oħra membri tal-Unjoni Ewropea fuq l-ambjent marittimu hi ta’ bejn 3% u 5%.
Dan ir-rapport ikompli jispjega li ċ-ċifra ta’ 15.4% kontribut tal-ambjent marittimu lejn l-ekonomija Maltija ma tinkludix l-użu ta’ żoni għall-għawm jew l-użu tal-baħar bħala sors ewlieni tal-ilma tax-xorb.
'Bħala stat gżira hu essenzjali li Malta tkun fuq quddiem f’dak kollu li jikkonċerna l-ibħra. Ma nistgħux inħallu l-inizjattiva f’idejn ħaddieħor.' Carmel Cacopardo
Ma jidhirlix li tul is-snin qatt kien hemm xi partit politiku li ta piż politiku lill-ambjent marittimu fil-ħidma politika tiegħu. Wasal iż-żmien li dan għax hu meħtieġ li nifhmu kemm il-baħar ta’ madwarna għandu importanza ċentrali għalina.
Malta għandha ssegwi l-passi li kien ħa Arvid Pardo u tkun fuq quddiem f’dak kollu li jikkonċerna l-politika marittima. Hemm ħafna x’jista’ jsir. Il-fatt li d-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar il-Qafas ta’ Strateġija Marittima għadha fil-bidu tagħha tfisser li hemm opportunità unika li ma ġietx meqjusa biżżejjed tul is-sitt xhur presidenza tal-Unjoni Ewropea li Malta kellha iktar kmieni din is-sena.
Fi kliem Arvid Pardo nnifsu fl-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda nhar l-1 ta’ Novembru 1967: aħna għandna interess vitali fil-baħar li jdawwarna u li minnu ngħixu u nieħdu n-nifs.