Opinjoni | Biex tassew isaltan id-dritt
Joe Ellis janalizza id-diskors tal-Prim’Imħallef li inċidentalment hu l-aħħar indirizz tiegħu qabel ma jirtira fix-xhur li ġejjin
Kif għidna l-Ħadd li għadda, nhar it-Tnejn bdiet is-sena forensi. F’Malta ma jkollniex iċ-ċerimonji grandjużi ta’ pajjiżi oħra. Imma xi na qra ċeremonjal ikollna wkoll. ara quddiesa fl-aktar ambjent ekklesjastiku stupend tal-pajjiż, l-Oratorju tal-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann fejn ma tistax ma tissaħħarx bl-użu tad-dwal mill-Caravaggio fl-opra tiegħu “Il-Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann”, iċ-ċeremonja tkompli fl-akbar awla tal-Qorti.
Il-Prim’Imħallef u l-President tal-Kamra tal-Avukati jindirizzaw miġemgħa magħmula mill-Ministru tal-Ġustizzja, l-Avukat-Ġenerali, membri preżenti u passati tal-ġudikatura kif ukoll avukati.
Id-diskors tal-President tal-Kamra tal-Avukati, l-avukat Ġorġ Hyzler fih ħafna x’tixtarr u indirizza bosta mill-kwistjonijiet li niltaqgħu magħhom fil-qasam ġudizzjarju u fl-avukatura. Hu mimli b’suġġerimenti u ħsibjiet kif il-ħidma ġudizzjarja titjieb u l-avukatura ssir aktar dixxiplinata u regolata.
L-attenzjoni medjatika waqgħet fuq id-diskors tal-Prim’Imħallef Silvio Camilleri li inċidentalment hu l-aħħar indirizz tiegħu qabel ma jirtira fix-xhur li ġejjin.
Nies bħall-President Camilleri fl-Italja jsejħulhom “servi tal-Istat”. U tassew il-President Camilleri dejjem kien serv leali u assidwu meta kien prosekutur, avukat anzjan tar-Repubblika, Deputat Avukat Ġenerali, Avukat Ġenerali u issa illi hu Prim’Imħallef. Kif ukoll bħala għalliem tad-dritt penali fl-Università.
Għaldaqstant, anke jekk wieħed mhux dejjem jaqbel mal-istil tiegħu, mad-deċiżjonijiet li ħa, mas-sentenzi li ta, wieħed ma jistax ma jirrikonoxxix is-sens qawwi ta’ dover, dedikazzjoni u lealtà lejn ir-Repubblika.
Wieħed ma jistax ukoll ma japprezzax il-frankezza illi biha l-President Camilleri tkellem nhar it-Tnejn li għadda f’indirizz li jista’ jitqies illi hu t-testment morali tiegħu.
Beda biex jgħid illi ma kienx beħsiebu jitkellem fuq il-minuti tal-operat tal-Qrati imma ried jitkellem fuq ħwejjeġ fundamentali illi fil-passat deherlu illi ma kienx neċessarju jelabora fuqhom tant kemm kienu bażiċi u elementari f’soċjetà demokratika moderna. Imma “llum (hu) ta’ fehma differenti... li jeħtieġ li mmorru lura għal dak li hu bażiku sabiex dan ma jintesiex u niftakru dejjem fir-raġuni tal-eżistenza tal-Ġudikatura u dak li għandu jimmotivana bħala ġudikanti.” Tassew kliem li fih x’tixtarr xħin wieħed imbagħad jifli l-kumplament tad-diskors tal-President Camilleri.
Semma’ li preċedentement kien wera l-fehma tiegħu illi l-għoti ta’ amnestiji “lil min jikser il-liġi jikkostitwixxi theddida għas-Saltna tad-Dritt u joħloq fost il-persuni li jirrispettaw il-liġi u li josservawha skrupolożament sens qawwi ta’ inġustizzja għaliex il-liġi ma tibqax ugwali għal kulħadd.”
Ħu l-iskema ta’ regoralizzazzjoni tal-permessi tal-bini li ukoll għandhom rilevanza penali. Min m’osservax il-liġi qed jingħata l-opportunità illi jirregolarizza l-pożizzjoni tiegħu u ser jieħu vantaġġ fuq min qagħad għal-liġi u l-policies relevanti. L-istess jista’ jingħad fuq kwalunkwe skema oħra ta’ maħfra ta’ penalitajiet u imgħaxxijiet ta’ liġijiet fiskali. Issa hawn ma rridx nilgħabha tal-pur u verġni għax ċertament midneb bħal kulħadd. Imma naħseb illi l-punt tal-President Camilleri hu ġust u l-Istat għandu jirrikorri għal tali amnestiji u maħfriet mill-anqas, minkejja l-aspett indubbjament prammatiku tagħhom.
Imbagħad il-President Camilleri kompla jispjega b’mod ferm suċċint il-ħsibijiet tiegħu dwar is-Saltna tad-Dritt u spjega illi “Ma tfissirx is-Saltna tal-Liġi jew tal-Leġiżlazzjoni.
Kieku kienet tfisser hekk allura l-Istati l-aktar despotiċi u totalitarji kienu huma wkoll ikunu konformi mas-Saltna tad-Dritt għaliex huma wkoll jagħmlu ħafna u ħafna liġijiet. Is-Saltna tad-Dritt tfisser ħafna aktar minn hekk. Is-Saltna tad-Dritt tesiġi ċerti kwalitajiet fil-liġijiet li jsiru u tipprovdi l-miżuri jew standards li jridu jiġu osservati minn min għandu d-dover li japplika u jinforza l-liġijiet.
Hekk is-Saltna tad-Dritt, ir-Rule of Law, tesiġi li l-liġijiet ikunu mfissra jew definiti bi kjarezza, li l-liġi tkun tipprovdi ċertezza u prevedibilità b’mod li kull persuna tkun tista’ tbassar il-konsegwenzi legali tal-għemil tagħha. Il-liġijiet iridu josservaw il-prinċipju tal-proporzjonalità b’mod li l-miżura jew miżuri proposti mil-liġi jridu jindirizzaw b’mod bilanċjat il-problemi li jfittxu li jsolvu.”
Il-President Camilleri enfasizza wkoll illi l-liġijiet ma jridux ikunu diskriminatorji għax il-Ġustizzja tiddetta l-ugwaljanza ta’ trattament taċ-ċittadini kollha. Fuq kollox, is-Saltna tad-Dritt tesiġi illi l-l-liġijiet illi jsiru jridu jiġu applikati u infurzati “mill-awtoritajiet vestiti bis-setgħa li jinforzawhom.
Dawn l-awtoritajiet ma humiex xi entitajiet astratti moħbija fis-sħab iżda huma magħmula minn persuni u għalhekk ir-rispett tas-Saltna tad-Dritt tistrieħ fuq kemm dawk il-persuni jaqdu d-doveri tagħhom skont il-liġi u konformement mal-prinċipji li semmejt ta’ non-diskriminatorjetà, proporzjonalità, rispett tad-drittijiet fondamentali tal-individwu u oħrajn.
Jekk il-persuni li jokkupaw dawk il-karigi ma jaqdux id-doveri tagħhom imparzjalment u indipendentement allura tiġi imminata r-Rule of Law.”
Kompla jgħid illi fis-sistema tagħna “hemm tliet awtoritajiet (bi)s-setgħa li jenforzaw il-liġijiet: il-Pulizija, l-Avukat Ġenerali u l-Qrati. Il-Qrati, speċjalment f’materja penali, jidħlu fix-xena tal-inforzar tal-liġijiet wara li l-Pulizija u l-Avukat Ġeneral jkunu għamlu d-doveri tagħhom skont il-liġi...Il-Pulizija għalhekk għandha d-dmir li tfittex il-provi u tiġborhom tempestivament u tippreservhom sabiex tressaqhom quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji.
Jekk dan ma jsirx il-ġustizzja anqas biss tista’ tibda. L-Avukat Ġenerali mbagħad ingħata s-setgħa li jmexxi l-prosekuzzjoni ta’ persuni li kontra tagħhom jinġiebu l-provi. Iżda jekk il-pulizija tonqos milli tfittex, tiġbor u tippreserva l-provi kif trid il-liġi l-Avukat Ġenerali ma jkollux fuq xiex imexxi...
L-aħħar ħolqa huma l-Qrati li huma l-aħħar balward għall-ħarsien tas-Saltna tad-Dritt iżda jekk l-awtoritajiet li għandhom f’idejhom l-inizjattiva jibqgħu inerti l-Qrati ma jistgħu qatt jaqdu d-doveri tagħhom u jiġu eżawtorati u reżi inkapaċi li jinforzaw il-liġi.”
F’kelma waħda, jekk il-Pulizija ma jwettqux dmirhom u jinvestigaw ir-reati li twettqu, il-Qrati u l-Avukat-Ġenerali ma jistgħu jagħmlu xejn u l-arkitettura kollha istituzzjonali intiża sabiex isseddaq is-Saltna tad-Dritt, fi kliem l-istess President Camilleri, titnaqqar u “t-tnaqqir eventwalment iwassal għat-tiġrif” tas-Saltna tad-Dritt.
Fil-konklużjoni tiegħu, il-President Camilleri stqarr ferm korrettement illi “hu tajjeb li nipproklamaw u niċċelebraw l-ugwaljanza fid-diversi setturi iżda primarjament l-ugwaljanza ta’ kulħadd quddiem il-liġi għandha tkun il-mira essenzjali għaliex l-ugwaljanzi l-oħra ma huma xejn ħlief espressjoni settorjali tal-ugwaljanza ta’ kulħadd quddiem il-liġi sabiex tiġi mħarsa s-Saltna tad-Dritt.”
Nista’ ngħid illi naqbel mija fil-mija mad-dianjosi tal-President Camilleri. Għidtha diversi drabi minn dawn il-kolonni u ser nerġa’ ngħidha. Il-Kodiċi tagħna ta’ Proċedura Penali ssawwar f’nofs is-seklu dsatax taħt l-era kolonjali u t-tibdili li sar fl-era post-kolonjali kien l-aktar intiż biex iħaffef il-proċess ġudizzjarju u riċentement, sabiex nimplementaw il-leġiżlazzjoni Ewropea.
Madankollu, il-mod kif jitmexxew l-investigazzjonijiet kriminali f’pajjiżna ma evolviex kif wieħed kien jawgura. Sfortunatament, il-gvernijiet tagħna, independentement mill-orjentament tagħhom, dejjem beżgħu illi jafdaw tali poteri investigattivi f’idejn awtoritajiet tassew independenti.
Verament m’hemm xejn fil-liġi tagħna illi żżomm il-maġistratura milli tibda l-investigazzjoni kriminali. Imma l-Maġistratura tagħna dejjem qagħdet pass lura u tieħu rwol inkwirenti biss meta tintalab tagħmel hekk mill-pulizija jew permezz ta’ kwerela minn ċittadin privat, fakultà illi ntużat rarament.
Riċentement użaha Simon Busuttil diversi drabi u fl-aħħar okkażjoni, id-digriet tal-maġistrat biex tinfetaħ inkjesta ġie appellat, ħaġa li fl-opinjoni tiegħi ftit tagħmel sens. Għax meta ssir inkjesta, il-maġistrat inkwirenti ma jgħaddi l-ebda ġudizzju definittiv imma jiġbor il-provi u jikkonstata jekk hemmx lok illi tittieħed azzjoni penali. Wara joħorġu l-imputazzjonijiet jew iċ-ċitazzjoni skont il-każ u jibda l-proċess ġudizzjarju fil-veru sens tal-kelma.
Kif qal il-President Camilleri, ma nistgħux inkunu kuntenti illi r-rispett tal-Istat tad-Dritt jiddependi fuq kemm il-pulizija u l-Avukat-Ġenerali jwettqu dmirhom. Ħaġa li però ma naqbilx mal-President Camilleri hu illi donnu skarta l-adozzjoni ta’ mudell barrani għax jidher fiduċjuż illi l-mudell tagħna jista’ jaħdem sew. Kulħadd hu uman, pajjiżna hu żgħir u n-nies magħrufa.
Ma nistgħux nassumu illi l-uffiċjali tal-pulizija jew l-Avukat-Ġenerali dejjem ser iwettqu dmirhom kif suppost. Għaldaqstant, l-istituzzjonijiet tagħna jridu jiġu aġġornati sabiex nissuperaw il-limitazzjonijiet intrinsiċi ta’ pajjiżna.
U għalhekk tajjeb illi nistudjaw kif l-affarijiet isiru f’pajjiżi oħra fejn l-pulizija hija magħrufa bħala l-pulizija ġudizzjarja. U dana bi skop ferm preċiż għaliex hija obbligata taħdem taħt is-superviżjoni kontinwa ta’ maġistratura inkwirenti ndipendenti mid-dettami u l-pressjonijiet tal-eżekuttiv kif l-istess Pulizija u l-Uffiċju tal-Avukat-Ġenerali f’pajjiżna ma jistax jingħad illi huma.
Kif għidt diversi drabi, jiena nammira bis-sħiħ is-sistema Taljana illi ġiet adottata wara t-traġedja tal-faxxiżmu u li hija sintesi ta’ kultura kattolika u lajka fl-Assemblea Kostitwenti. L-artikli 101 sa 113 tal-Kostituzzjoni Taljana jittrattaw il-maġistratura. Bosta minn dawn il-provvedimenti huma simili għal tagħna imma hemm tnejn in partikolari illi wieħed irid isemmihom.
L-artiklu 109 igħid illi “L’autorità giudiziaria dispone direttamente della polizia giudiziaria.” (Il-pulizija ġudizzjarja hija għad-disposizzjoni diretta tal-awtorità ġudizzjarja” u l-artiklu 112 illi jgħid “Il pubblico ministero ha l’obbligo di esercitare l’azione penale.” (Il-prosekutur hu obbligat illi jipproċedi penalment.)
Dan l-aħħar artiklu hu meqjus illi jistitwixxi l-awtomatiċità tal-azzjoni penali billi l-maġistrat huwa obbligat illi jibda proċeduri kriminali u jieħu l-inizjattiva hu. Għandu għad-disposizzjoni tiegħu il-pulizija ġudizzjarja (u l-Carabinieri, u l-Guardia di Finanza, u l-Polizia Postale, u l-Polizia Municipale).
Jiena noħlom illi jasal il-jum meta l-liġi tagħna jkun fiha fiha provvedimenti simili. Imma wisq nibża’ illi l-ħolm tiegħi hekk ser jibqa’ għaliex l-ebda gvern mhu lest illi jħalli daqshekk poter minn idejh. Iċ-ċittadin biss jista’ jqum fuq saqajh u jitlob it-tibdil tant meħtieġ sabiex jassigura tassew is-Saltna tad-Dritt fid-demokrazija tagħna.