Opinjoni | Infasslu l-futur flimkien

Il-Ministru Owen Bonnici għid li bir-raġun in-nies jaraw il-baġit għaliex fih jitħabbru affarijiet li jolqtuhom mill-qrib 

Għada huwa jum il-Baġit. F'dan il-jum, il-Ministru tal-Finanzi jħabbar il-miżuri finanzjarji u oħrajn li jirrikjedu finanzjar biex il-pajjiż jimxi 'l quddiem fis-sena ta' wara.

Bir-raġun li ħafna nies jaraw il-Baġit u jsegwu d-dibattitu għaliex fih jitħabbru affarijiet li jolqtuhom mill-qrib.

Il-pubbliku għada se jkun jaf x'inhuma dawn il-miżuri u deċiżjonijiet li ħa l-Prim Ministru Joseph Muscat biex pajjiżna jkompli jimxi 'l quddiem u sintendi se jkollna opportunità li tiddiskutuhom u nispjegawhom fil-jiem li ġejjin.

Il-punt kruċjali però jibqa' dan: fl-2013 writna pajjiż fejn il-qagħad kien qed jirranka, l-aġenziji ta' kreditu kienu qed jagħtuna downgrade wara l-ieħor u l-ekonomija kienet iġġamjata waħda u sewwa. Fl-aħħar leġiżlatura rriversjajna dik is-sitwazzjoni u llum għandna ekonomija fuq saqajha, pajjiżna miexi 'l quddiem u qed jiġi rreġistrat surplus.

B'ebda mod m'jien qed ngħid li ma għandniex sitwazzjonijiet li rridu nieħdu ħsiebhom u b'ebda mod m'jien qed ngħid li m'hawnx nies li jirrikjedu attenzjoni.  Jien sensittiv immens għal min f'pajjiżna għaddej minn diffikultajiet u jeħtieġ assistenza. Biss, bħala stat ta' fatt il-punt hu li bis-saħħa tad-deċiżjonijiet b'saħħithom li ħa Joseph Muscat, illum għall-ewwel darba f'ħafna snin qegħdin f'sitwazzjoni li l-enerġija, flok ninvestuha biex insolvu l-problemi tal-passat, ninvestuha biex nippjanaw u infasslu l-futur flimkien.

 

Benefiċċji fid-diversi setturi

Din il-ġimgħa inawgurajna r-Reġistru l-ġdid tal-Qorti tal-Familja. Dan hu eżempju ċar u tipiku ta' dak li għadni kif sostnejt. B'dan il-ftuħ fl-aħħar nistgħu ngħidu li mil-lat loġistiku fil-Qrati tagħna solvejna l-kriżijiet li konna niffaċċjaw u llum nistgħu nippjanaw għall-futur.

Tajjeb li nfakkar ftit minn fejn tlaqna.

Fl-2013 konna f'sitwazzjoni fejn lanqas kieku ridna nżidu l-ammont ta' Ġudikanti ma stajna nagħmlu dan minħabba problemi akuti ta' spazju, aħseb u ara kemm stajna nżidu l-awli, intejbu r-reġistri u nimmodernizzaw iċ-ċentri ta' servizz li huma l-ħobż u l-ilma tas-settur ġudizzjarju.

Bi pjan, id f'id mal-Ġudikatura, rajna kif nirrestawraw binja li tinsab fi Strada Stretta, qrib il-Qorti biex hemmhekk irrilokajna l-uffiċini tal-Imħallfin kollha.  Fil-mument li seħħ dan il-proġett, żidna awla u sal-aħħar tas-sena jkunu żdiedu żewġ awli oħra, għamilna training room u librerija ġdida u ftaħna reġistru ġdid u spazjuż fil-Qorti tal-Familja ta’ benefiċċju tan-nies li jiġu biex jinqdew minn din il-Qorti tant sensittiva u diffiċli.

Dan kollu ma waqax mis-sema. Sar frott id-deċiżjonijiet bil-għaqal li ħadna.

Issa għall-ewwel darba f'ħafna snin, flok niffokaw l-enerġija nitfu n-nirien tas-sitwazzjonijiet li writna, nistgħu nħarsu biex nibnu l-futur flimkien.

 

Ħatra ta' Kap tal-Oppożizzjoni ġdid

 

Minn qalbi nixtieq nawgura fuq livell personali lil Dr Adrian Delia fil-ħatra tiegħu ta' Kap tal-Oppożizzjoni.  Diġà kelli l-opportunità li nawguralu personalment meta nħatar deputat wara r-riżenji ta' Jean Pierre Debono u Peter Micallef.

Inħares bil-quddiem għal dibattiti li jista' jkollna fix-xhur li ġejjin fl-aħjar tħaddim tad-demokrazija.

 

'Fl-2013 konna f'sitwazzjoni fejn lanqas kieku ridna nżidu l-ammont ta' Ġudikanti ma stajna nagħmlu dan minħabba problemi akuti ta' spazju, aħseb u ara kemm stajna nżidu l-awli, intejbu r-reġistri u nimmodernizzaw iċ-ċentri ta' servizz li huma l-ħobż u l-ilma tas-settur ġudizzjarju.' Owen Bonnici

Żewġ passi ħżiena

Irrid ngħid li kien hemm żewġ passi li ħa l-Kap tal-Oppożizzjoni l-ġdid li ma għoġbuni xejn.

L-ewwel pass kien dak li jattakka Avviż Legali li għandu l-għan li jagħmilha iktar faċli lil koppji leżbjani li jmorru barra minn Malta biex jaċċessaw trattament tal-IVF.  Din hi kwistjoni fondamentali li tifred liż-żewġ partiti. Il-partit tagħna huwa favur iktar progress, iktar libertajiet ċivili, iktar ugwaljanza. Il-Partit Nazzjonalista jidher li hu iktar rigressiv minn qatt qabel u kontra saħansitra dawn il-faċilitazzjonijiet li fl-aħħar mill-aħħar għandhom l-għan nobbli li persuna tkun tista' ssir omm.

Ħadd ma jiġi jbellagħhieli li l-Oppożizzjoni trid "tikkjarifika" jew "tiċċara". Kieku riedet tikkjarifika jew tiċċara kellha modi diversi u differenti kif tagħmel dan. L-Oppożizzjoni hi kontra li koppji leżbjani jingħataw faċilitazzjoni (f'forma ta' leave) biex jaċċessaw trattament barra minn Malta.

Din hi ħaġa fejn nara oċean sħiħ jaqsam bejn dak li nemmnu aħna u nak li temmen l-Oppożizzjoni rigressiva.

 

Tardività

It-tieni pass ħażin kien dak li l-Kap tal-Oppożizzjoni ħalla lill-President ta' Malta siegħa tistennieh biex jieħu l-ġurament. Din kienet ħaġa li niżlet ħażin immens ma' ħafna nies li jippretendu aħjar mill-figuri Kostituzzjonali ewlenin ta' pajjiżna.

Jiena bħala Ministru jkolli mijiet ta' okkażjonijiet fis-sena fejn ikun fid-dover tiegħi li nakkumpanja lill-President ta' Malta jew xi dinjitarju u nagħmel kwalunkwe mezz biex dejjem inkun għallinqas minuta qabel il-President jew id-dinjitarju. Min jaf kemm-il darba ikkanċellajt appuntamenti anke familjarji biex nonora d-doveri tiegħi u d-doveri tiegħi dejjem onorajthom anke jekk dan kien ifisser li ddizappuntajt nies qrib tiegħi.

Għaliex id-doveri tagħna pubbliċi neħduhom bis-serjetà.

'Il-partit tagħna huwa favur iktar progress, iktar libertajiet ċivili, iktar ugwaljanza. Il-Partit Nazzjonalista jidher li hu iktar rigressiv minn qatt qabel u kontra saħansitra dawn il-faċilitazzjonijiet li fl-aħħar mill-aħħar għandhom l-għan nobbli li persuna tkun tista' ssir omm.' Owen Bonnici

Li l-President titħalla siegħa tistenna semplicement mhuwiex aċċettabbli.

 

Carlo Diacono

Kemm kien sabiħ il-kunċert tal-ġimgħa li għadda fejn l-Orkestra Nazzjonali akkumpanjata minn kor eċċezzjonali u solisti ewlenin fejn ikkommemorajna l-75 sena mill-mewt tal-ġenju mużikali Malti u Żejtuni Carlo Diacono. Grazzi minn qalbi lill-Mro Laus u lil kull min ħa ħsieb biex jittella' dan il-kunċert tant sabiħ.

 

Notte Bianca

Ittellgħet in-Notte Bianca li hi opportunità sabiħa ferm biex il-poplu Malti jgawdi s-sbuħija tal-Belt u l-ġojjelli u rikkezzi li għandna.  Sintendi fil-mument li qed nikteb dan l-artiklu, in-Notte Bianca għadha ma bdietx imma m'għandix dubju li kienet suċċess, frott il-ħidma u d-dedikazzjoni tal-ħaddiema tal-Arts Council li tant jinvestu impenn u enerġija.

More in Blogs