Opinjoni | L-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia
Mario Azzopardi jgħid li l-assassinju ta' ġurnalista li ma kinitx tibża' huwa attakk selvaġġ fuq id-demokrazija
Ix-xena kienet waħda makabra u ma stajtx tagħraf il-biċċiet li kien fadal minn ġisem Daphne Caruana Galizia. Dan qalu binha Matthew, f’messaġġ imqanqal fuq Facebook.
L-assassinju ta' ġurnalista li ma kinitx tibża' mir-riskji li ħadet matul il-karriera tagħha hu wkoll attakk selvaġġ fuq id-demokrazija, li f’Malta, kif għadna kif rajna, għadha mhedda.
Il-qtil ta’ Caruana Galizia, ta’ min ifakkar, mhux biss hu dak ta’ ġurnalista, imma hu wkoll l-assassinju politiku ta’ kittieba b’kuraġġ li kitbet paġna sewda fl-istorja b’demmha stess.
Fost l-obitwarji stajt tara l-establishment maskili jingħaqad u jinqeda bil-klixejiet tas-soltu bħala att ta’ realpolitik għas-sopravivenza tiegħu, attutudni li kieku Daphne kienet tikkritika bl-aħrax.
Il-qtil ta’ Caruana Galizia, ta’ min ifakkar, mhux biss hu dak ta’ ġurnalista, imma hu wkoll l-assassinju politiku ta’ kittieba b’kuraġġ li kitbet paġna sewda fl-istorja b’demmha stess’ Mario Azzopardi
Żgur li ma kinitx tirrispetta d-diskorsi li ż-żewġ mexxejja politiċi tal-partiti l-kbar għamlu fil-parlament wara l-qtil xokkanti tagħha.
Biex nikkwota l-aħħar kliem miktub ta’ Daphne u li spiċċa sprejjat bħala graffiti f’ġest ta’ protesta: “Issa mtlejna b’ħallelin kullimkien. U s-sitwazzjoni saret waħda ddisprata.”
Il-kanċer tas-sider u ż-żebra crossings
L-assurditajiet f’dan il-pajjiż qatt ma jonqsu.
Kif issa drajna, ix-xahar ta’ Ottubru hu ddedikat għall-għarfien dwar il-kanċer tas-sider. Issir kampanja mifruxa biex in-nisa jieħdu ħsieb jagħmlu t-test kontra dan it-tip ta’ kanċer.
S’hawn kollox sew. Il-banalità tinsab fiż-zebra crossings miżbugħin abjad u roża, bħala parti mill-kampanja ta’ għarfien. Barra li r-roża hu kulur delikat li mill-ewwel jikrieh taħt il-marki tat-tyres tal-vetturi, in-nisa Maltin mhux zebra crossings miżbugħin roża u abjad jeħtieġu, imma arja nadifa.
Rapport fit-Times of Malta wera kif it-tniġġiż tal-arja f’Malta għadha fost l-agħar fl-Ewropa. Dan ifisser li hemm eks-pajjiżi komunisti Ewropej (li kienu magħrufin għal-livelli għolja tat-tniġġiż tal-arja) li issa għandhom kwalità ta’ arja aħjar minn tagħna.
It-Times ikkwotat statistika maħruġa mill-Aġenzija Ambjentali Ewropea (EEA) li wriet li min jum għal jum il-konċentrazzjoni tat-trab fin fl-arja fl-2015 kien ta’ 50 mikrogramma għal kull metru kubiku.
Dan hu l-limitu massim ta’ kull ġurnata kif issettjat mill-Unjoni Ewropea. Il-Bulgarija, il-Polonja u l-Greċja biss għandhom kwalità ta’ arja agħar minn dik ta’ Malta.
Aktar kmieni din is-sena il-Kummissjoni Ewropea innotat li Malta jeħtieġ li ttejjeb il-kwalità tal-arja fiż-żoni urbani permess tal-introduzzjoni ta’ soluzzjonijiet li jnaqqsu l-konġestjoni tat-traffiku.
Mela ż-żebra crossings miżbugħin bir-roża mhuma xejn għajr stunt pubbliċitarju, li jkompli jippatronizza lin-nisa. Is-sorsi ewlenin ta’ tniġġiż tal-arja għadhom mhumiex qed jiġu indirizzati bil-qawwa hemm bżonn.
Reklamar insolenti
Id-dinja tar-reklamar tibqa’ tittratta lill-poplu ta’ idjota u imbeċilli. Tista’ timmaġina dawk il-laqgħat mimlija bluff u pretensjoni li matulhom tinħoloq xi kampanja pubbliċitarja, li aktar iva milli le, tkun infantili imma li tista’ tkun ukoll perikoluża fl-implikazzjonijiet tagħha.
‘Mela ż-żebra crossings miżbugħin bir-roża mhuma xejn għajr stunt pubbliċitarju, li jkompli jippatronizza lin-nisa’ Mario Azzopardi
Mal-istages tal-karozzi tal-linja qed jidher reklam ta’ ħaġa moħġaġa, li jħeġġeġ lill-passiġġieri jsolvuha waqt li jistennew il-karozza. L-implikazzjoni ta’ din l-eżortazzjoni hi li dik is-sezzjoni tal-poplu li tiddependi fuq it-trasport pubbliku għandha l-ħin “tilgħab”, imqar metaforikament.
Dan jinfantilizza sezzjoni tal-popolazzjoni li probabbilment hi wkoll ekonomikament żvantaġġjata. Ħinha mhux ta’ konsegwenza, qisu qed jimplika r-reklam.
Din hi tip ta’ oppressjoni fina li tkompli tkompli żżid id-doża ta’ indinjità umana.
Il-Knisja Skoċċiża u l-bank tal-ikel
Rapport ieħor fit-Times tkellem dwar kif il-Bank tal-Ikel immexxi mill-komunità tal-Knisja Skoċċiża jista’ jkollu jagħlaq għax ma jistax ilaħħaq mad-domanda għall-prodotti tal-ikel. Il-Bank tal-Ikel jiddependi mill-ġenerożità tal-importaturi tal-ikel, il-kongregazzjoni Protestanta u donazzjonijiet individwali.
Jipprovdi ikel għal ftit ġimgħat lil dawk il-familji li jkunu għaddejjin minn kriżijiet, bħal dawk li jitwaqqfulhom il-benefiċċji meta jidħlu l-isptar.
Lil hinn mill-bżonn li dan il-Bank tal-Ikel ikompli jopera, jinħass il-bżonn li jkun hawn ħwienet fuq l-istil ta’ Oz Harvest fl-Awstralja. Oz Harvest hi għaqda filantropika li ssalva l-ikel milli jintrema.
Twaqqfet fl-2004 minn Ronni Kahn li ma riedx li tunnellati ta’ ikel li l-industrija tal-ospitalità tipproduċi u li għadu jista’ jittiekel, jispiċċa mormi. Għal Oz Harvest il-kwalità tal-prodotti tal-ikel tibqa’ prijorità ewlenija. L-għaqda timxi mal-prinċipju li l-klijenti jieħdu dak li għandhom bżonn u, jekk jifilħu, jagħtu xi ħaġa lura.
Inizjattivi ta’ dan it-tip isiru bil-kwiet fuq bażi ‘ad hoc’ hawn Malta, imma jista’ jkun hemm iktar razzjonalizzazzjoni tar-riżorsi u kooperazzjoni bejn donaturi differenti biex inizjattivi li jgħinu lil min jgħix fil-faqar jibqgħu joperaw u jissaħħu.
Sadanittant, ir-Rev Kim Hurst qalet lit-Times li għalkemm numru sostanzjali tal-klijenti tal-Bank tal-Ikel fi Triq l-Ifran, il-Belt għandhom impjieg, xorta waħda m’għandhomx biżżejjed biex jixtru l-ikel fuq bażi regolari.
“Ma rridux naslu f’sitwazzjoni fejn familja ma jkollhiex ikel x’tiekol, temmet tgħid ir-Reverendu Hurst.