Opinjoni | Tmiem l-Innoċenza
Joe Ellis jgħid li Daphne kienet figura divisiva u qatt ma ppretendiet li ma tkunx
Kif u minn fejn wieħed jaqbad jitkellem wara dak li ġara nhar it-Tnejn ?
Ikolli ngħid li ma kontx sorpriż b'dak li ġara. Wieħed kien jistenna illi persuna bħal Daphne Caruana Galizia iIli kienet tikteb b’mod iebes fuq ħafna nies f’xi ħin jew ieħor ser issofri l-konsegwenzi tal-pinna aċerbika tagħha. Kont ilni nistenna illi xi ħadd ser jipprova jeliminaha. Imma ċertament kont ixxukkjat.
Sfortunatament qegħdin ngħixu f’dinja illi minkejja l-proklami kollha dwar il-libertà tal-espressjoni, spiss min jeżerċita tali libertà jispiċċa taħt pressjonijiet kbar fosthom dawk ekonomiċi jew politiċi u għaldaqstant ħafna huma dawk illi jippreferu illi joqogħdu pass lura, illi ma jxelfuhiex ma’ tali interessi illi jiddependu fuqhom għal għixien tagħhom, illi ma jdardrux l-għajn illi jridu jixorbu minnha.
Imma m’hux DCG illi ma kienet tagħmel kompromessi ma’ ħadd. Matul il-karriera tagħha, dejjem uriet indipendenza assoluta f’dak li kitbet, indipendenza illi swietilha qares matul is-snin. Ħadd m’għandu jinsa illi bdiet il-karriera tagħha mat-Times imma tkeċċiet wara li kellha xi tgħid ma’ Guido DeMarco, li tiegħu kellha opinjoni baxxa. Bħalma kellha ta’ Mintoff, ta’ Muscat, ta’ Delia u ta’ bosta oħrajn.
Imma wieħed irid jirrikonoxxi illi barra l-Ingliż stupend li kienet turi fil-kitba tagħha, DCG kellha intelliġenza analitika kbira u kienet tuża metodoloġija forensika fil-kitba tagħha. Ma kienetx tasal għall-konklużjonijiet tagħha bl-addoċċ imma wara analisi approfondita tal-informazzjoni għad-disposizzjoni tagħha.
U matul is-snin saret il-konfessur favorit ta’ bosta u bosta Maltin illi kienu jgħaddhulha nformazzjoni riservata li invarjibilment kienet tispiċċa fuq il-blog tagħha, blog illi sar il-medium l-aktar segwit fil-gzejjer maltin u dan m’hux bi ftit.
Daphne kienet figura divisiva. U qatt ma ppretendiet li ma tkunx. L-impenn tagħha lejn il-verità kif kienet taraha u tinterpretaha hi kien tali illi ma kienx jikkontempla kompromessi.
Għalija l-objettiv primarju tal-professjoni ġurnalistiku kien is-sejba tal-verità u t-tbaħrid ta’ dak kollu li hu ħażin u negattiv fis-soċjetà maltija u anke lil hinn minnha. Biex tagħmel dan, spiss kienet ukoll tippubliċizza aspetti personali ta’ ħajjet individwi illi l-ġurnali ordinarji joqogħdu lura milli jippublikaw. U dan kien aspett tal-blog tagħha illi fil-waqt illi kien jirrendiha populari mas-segwaċi tagħha kien jirrita lil dawk illi kienu jispiċċaw fil-mira tagħha.
M’huwiex l-għan tiegħi illi nagħmel xi apprezzament komprensiv tal-ħajja u l-karriera ta’ DCG. Hemm bosta oħrajn illi għamlu jew ser jagħmlu dan u li jafuha ferm aħjar milli kont nafha jien. Nixtieq minflok nagħmel ftit riflessjonijiet dwar it-tmiem traġiku tagħha u l-effett illi l-mewt tagħha ser ikollha fuq dan in-nazzjon ferm żgħir tagħna.
Bħal kwalunkwe ħaġa oħra f’pajjiżna, l-assassinju ta’ DCG ġie u qiegħed jiġi politiċizzat. U dan hu verament ħażin għax dan l-assassinju tefa’ l-pajjiż fi kriżi bla preċedent illi ser ikollha konsegwenzi enormi fuq pajjiżna. Kemm fuq il-pjan istituzzjonali kif ukoll fuq dak ekonomiku.
Imma l-politiċi tagħna jidhru illi huma nkapaċi illi jingħaqdu anke f’dan il-mument tant delikat għad-demokrazjija żagħżugħa tagħna. U min suppost huwa simbolu tal-għaqda nazzjonali kien terribilment assenti.
Sewwa qal il-prim ministru fil-parlament illi din il-kriżi trid tagħżel lil kbar miż-żgħar. Hu kejl ġust li għandu jiġi applikat fil-konfront ta’ kulħadd.
Quddiem traġedja ta’ din il-gravità wieħed kien fl-ewwel lok jistenna rispons istituzzjonali aktar robust.
Madankollu, wieħed jieħu l-impressjoni illi bosta individwi m’hux dejjem issuperaw l-kritika illi l-mejta kienet tagħmel fil-konfront tagħhom u r-rispons tagħhom kien immewwet sew.
Huwa minnu illi l-president Coleiro Preca ħarġet stqarrija malli ħarġet l-aħbar tal-qtil ta’ DCG. Imma wieħed kien jistenna illi l-president kienet tikkanċella l-mawra statali tagħha fl-Ukrajina u terġa tiġi lura dritt Malta. Dan il-ġest kien jissenjala l-gravità ta’ dak li ġara, li l-affarijiet ma jistgħux jibqgħu mexjin b’mod normali. Dan kien nuqqas serju tal-presidenza u r-raġuni li ngħatat hija fjakka għal aħħar.
Il-fatt illi l-impenji presidenzjali kienu avżati minn qabel ma jfissierx illi ma setgħux jiġu kkanċellati in vista taċ-ċirkostanzi partikolari illi tnisslu. Wieħed l-anqas fehem għala l-president dehrilha illi għandha tindaħal fil-kwistjoni tal-kumpens li ser jingħata għall-informazzjoni għal min qatel lil DCG billi tagħmel pressjoni fuq il-familja tagħha sabiex tapprova dina l-proposta.
Jidher illi l-president ma tafx x’inhuma l-parametri korretti tal-ħidma tagħha u tindaħal fejn ma jesagħhiex u tibqa’ assenti fejn wieħed jistenna l-intervent attiv tagħha.
Wieħed l-anqas jifhem għala mentri l-kumitat Pana tal-Parlament Ewropew żamm minuta silenzju, il-Parlament Malti m’għamielx l-istess qabel mal-Kap tal-Opposizzjoni, spiss fil-mira tal-istess DCG, issuġġerixxa illi jsir hekk nhar l-Erbgħa.
Wieħed kien jistenna illi l-Ispeaker tal-Kamra, ieħor li spiss kien fil-mira ta’ l-istess DCG, kien jieħu l-inizjattiva sabiex jikkommemora l-qtil tagħha. U dana m’hux biex jikkommemora lil DCG per se imma sabiex jafferma wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-bniedem ipproklamat kemm fil-Kostituzzjoni tagħna kif ukoll fil-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-libertà tal-espressjoni.
Prinċipju illi ilu jiġi mhedded imma illi nhar it-Tnejn ħa daqqa ferm mortali.
Li wieħed jagħżel illi ma jitkelliemx fuq il-budget fil-Parlament imma minflok jitkellem dwar il-qtil ta’ DCG kif għamlu kemm il-Prim Ministru u l-Kap tal-Opposizzjoni m’huwiex biżżejjed. Jekk il-Parlament Ewropew ser iżomm seduta plenarja sabiex tiddiskuti l-qagħda tas-saltna tad-dritt fil-pajjiż, kemm hemm aktar lok illi ssir diskussjoni approfondita ta’ dan l-assassinju fil-Parlament Malti ? Jidher biċ-ċar illi r-rispons istituzzjonali s’issa kien ferm konfuż, forsi anke minħabba s-sitwazzjoni bla preċedent li ninsabu fiha.
Tassew illi huwa żmien fejn l-irġiel jintgħażlu mit-tfal. Id-diskors tal-Prim Ministru nhar l-Erbgħa fil-Parlament kien diskors illi ċertament indirizza ħafna mill-preokkupazzjonijiet tal-poplu imma jiena ma nħossx illi kien rassikuranti biżżejjed.
Tassew illi huwa ferm kmieni illi wieħed jipotizza min kien wara l-qtil brutali ta’ DCG. Imma l-fatt illi allegatament ntuża nofs kilo semtex, splussiv li qatt ma ntuża f’Malta u li kien intuża fl-istess kwantità biex iwaqqa PAN AM 103 fuq Lockerbie ċertament jagħti lok għal tħassib ferm serju li l-Prim Ministru ftit li xejn għamel biex ixejjen. Għax bħalma ntuża dan l-isplussiv kontra DCG, setgħa jintuża kontra kwalunkwe persuna oħra, fil-politika, fil-ġudikatura, fil-korp tal-pulizija u fiċ-ċivil. U għaldaqstant huwa leġittimu illi wieħed isaqsi x’nuqqasijiet kien hemm fil-forzi tas-sigurtà tagħna, fil-pulizija u anke fis-servizz tas-Sigurtà.
Li wieħed igħid li għandu fiduċja fil-korp tal-Pulizija m’huwiex biżżejjed : il-poplu ċertament m’huwiex daqshekk fiduċjuż. L-anqas m’hu ġustifikat illi tgħid illi kien hemm bosta bombi oħra u attakki fuq ġurnalisti. Attakk immirat u professjonali bħal dan żgur li qatt ma kellna, attakk li probabilment kien aktar soffistikat minn dawk li eliminaw lill-maġistrati Falcone u Borsellino.
Għaldaqstant, barra diskussjoni approfondita fil-Parlament dwar l-istat tas-saltna tad-dritt u s-sigurtà tal-poplu, jeħtieġ illi ssir inkjesta amministrattiva minn persuna awtorevoli sabiex teżamina kienx hemm nuqqasijiet fis-servizzi tas-sigurtà tagħna, fil-protezzjoni li ngħatat lil DCG u fir-rispons ta’ dawn l-istess forzi.
Wieħed kien jistenna li mmedjatament tiġi sospiża ż-żona Schengen sabiex wieħed ikollu aktar kontroll fuq min hu ħiereġ minn pajjiżna imma dan ma sarx. Il-poplu ġie muri l-werqa tat-tin fil-forma tal-aħbar ta’ intervent mill-FBI meta jidher illi l-FBI kienu ser ikunu f’Malta fi kwalunkwe każ.
L-għajnuna tal-FBI kellha tintalab mill-maġistrat inkwirenti jekk kien jinħass il-bżonn. Kif intalbet l-għajnuna ta’ esperti olandiżi mingħajr wisq daqq ta’ trombi. U m’hux użata f’mossa propagandistika.
L-assassinju ta’ DCG ġie mqabbel ma’ dak ta’ Raymond Caruana u anke ma’ ta’ Karen Grech. Ma naħsiebx illi dawn huma paraguni wisq tajbin. Jekk xejn, l-assassinju ta’ DCG juri kemm illum Malta m’għadhiex il-pajjiż fil-periferija tal-Ewropa kif konna fis-sebgħinijiet u t-tmeninijiet. M’hux biss l-aħbar xterdet mad-dinja kollha, imma bosta ġurnali nfluwenti kkumentaw editorjalment dwar l-assassinju tagħha. U Malta ġiet ikkaratterizzata nvarjabilment bħala pajjiż b’kultura ta’ mpunità, stat mafjuż fejn l-ekonomija hija mwieżna minn ħasil tal-flus u attività kriminali oħra.
Malta ma setgħetx tieħu pubbliċità aktar negattiva milli ħadet din il-ġimgħa u l-pajjiż għandu sfida kbira biex jissupera l-perċezzjoni illi qiegħda dejjem tissaħħaħ fl-opinjoni pubblika dinjija ta’ pajjiż li jopera ‘l barra mil-legalità. Forsi ħadd m’għadu beda jħoss l-effetti ta’ din il-pubbliċità negattiva imma tieħdux ħsieb għax ser inħossuha f’xi ħin jew ieħor. Pajjiżna tilef l-innoċenza tiegħu nhar it-Tnejn u m’hux biss.
Nagħlaq billi nirringrazzja lil Daphne illi matul ħajjietha dejjem issieltet għal-libertà u d-demokrazija u illi ħallset is-sagrifiċċju suprem għall-impenn tagħha għas-soċjetà. Il-memorja tagħha ser tibqa’ fiha u f’ħafna oħrajn għall-kumplament ta’ ħajjietna.
L-impenn tagħna hu illi s-sagrifiċċju tagħha ma jkunx għalxejn. Nirringrazzja ukoll lill-familja tagħha, lil żewġha Peter, lil uliedha, lill-ġenituri tagħha u lil oħtha. J’alla ssibu s-sabar f’dan il-mument daqshekk traġiku. Il-poplu Malti ta’ rieda tajba huwa magħkom.