Editorjal | Libertà tal-espressjoni: Jekk toħnoqha ma tistax titkellem dwarha
'Imma li l-partiti jitkellmu dwar il-libertà tal-espressjoni, imbagħad imexxu intrapriża medjatika magħmula biex dik il-libertà toħnoqha jew timmanipulaha, hija ipokrezija mill-aktar grassa'
Fil-ferneżija tal-ippuntar tas-swaba’ li għaddejja bħalissa dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, ħafna qed jinsew l-aktar ħaġa ċentrali; il-ġurnaliżmu.
Kien min kien il-mandatur, u anke jekk kien xi ħadd minn ċrieki kriminali mhux mill-politika ħadd m’għandu għalfejn iserraħ il-kuxjenza, l-akbar problema hija l-attitudni skifuża li ż-żewġ partiti ħallew tinbet fil-konfront tal-ġurnaliżmu.
Iż-żewġ partiti, kemm il-Partit Laburista u anke l-Partit Nazzjonalista, m’għandhom ebda interess li jaġevolaw kwalunkwe tip ta’ ġurnaliżmu serju li jkattar l-għarfien, li jkattar poplu konxju u li jneħħi minn taħt il-mantell tad-dell il-ħmieġ ta’ min hu rgħib.
Iż-żewġ partiti, qatt riedu midja li ssegwi l-passi tagħhom. U dan huwa mmanifestat bl-aktar mod grottesk fil-midja tal-partiti.
Iż-żewġ partiti, kemm il-Partit Laburista u anke l-Partit Nazzjonalista, m’għandhom ebda interess li jaġevolaw kwalunkwe tip ta’ ġurnaliżmu serju li jkattar l-għarfien, li jkattar poplu konxju u li jneħħi minn taħt il-mantell tad-dell il-ħmieġ ta’ min hu rgħib
Dan l-editorjal u din il-gazzetta mhux biss jirrispettaw imma jqisu bħala kollegi lil dawk il-ġurnalisti kollha li jaħdmu fi stazzjon/gazzetta ta’ partit politiku. Imma dak mhux il-punt. Il-punt hu li l-partiti dejjem riedu li din il-midja tkattar u ttella’ ġurnalisti li jiġu ppremjati meta jkunu żbilanċjati. Li jkunu premjati jekk jaħbu l-għawwar tal-partit, mhux jikxfuh.
Li jaqilgħu l-bonus u l-paga, għax ikunu żbilanċjati, għax dak li jħossu u dak li hu sew iridu jostruh jew inkella jgħiduh biss minn taħt l-ilsien. Dik hi l-akbar sfortuna tal-ġurnaliżmu f’dan il-pajjiż. Iż-żewġ partiti politiċi darrew lil dan il-poplu b’ġurnaliżmu li mhux jisfidahom, imma li huwa parti integrali minnhom. Mhux li jistaqsihom, imma joqgħod lura għax jitħallas minnhom.
Dik hi l-ewwel traġedja tal-ġurnaliżmu. Li jkollok bias jew aġenda soċjali, bħalma għandha din il-gazzetta wara kollox, ma fiha xejn ħażin, anzi. Imma li l-partiti jitkellmu dwar il-libertà tal-espressjoni, imbagħad imexxu intrapriża medjatika magħmula biex dik il-libertà toħnoqha jew timmanipulaha, hija ipokrezija mill-aktar grassa.
U allura kien ovvju, li apparti l-kriminalità u apparti xi blogg li kienet se tikteb jew xi skandlu li kixfet, Daphne Caruana Galizia kienet vittma tas-sistema politika li toħnoq il-ġurnaliżmu. U ma kinitx waħedha.
Jekk fuq Daphne l-kaċċa kienet miftuħa sebat ijiem fil-ġimgħa, l-istess kienet fuq ġurnalisti oħrajn. Kien hemm ġurnalisti li qagħdu jiġru warajhom biex jaraw ma’ min qed ikollhom x’jaqsmu sesswalment, kien hemm ġurnalisti li għamlulhom bomba mal-bieb, oħrajn li ħarqulhom il-bieb, oħrajn li waddbulhom iż-żebgħa mal-bieb u oħrajn li bagħtulhom xi ittra anonima.
Dan il-metodu qatt m’għoġob lil min irid, għax hekk komdu, jiddilirja fil-medjokrità basta ‘l-partit tiegħu jkun fil-Gvern’. U għal min ġurnalist jibqa’ tajjeb sakemm idoqq id-diska li jridu jisimgħu
U min kien warajhom dawn l-affarijiet? Jekk mhux iż-żewġ partiti nfushom, definittivament il-mentalità li ħallew titkattar illi l-ġurnalist li jistaqsina u jixkifna u jpoġġina f’sitwazzjoni kerha, huwa l-għadu tagħna. Sempliċiment, ostaklu.
Caruana Galizia, attakkat vera u weġġgħet ukoll vera, imma ġiet attakkata primarjament għax kixfet l-għawwar taż-żewġ partiti.
Għax minkejja li kulħadd kien jaf kemm qatt ma ħamlet wisq lil-Labour, xorta ma kinitx lesta tintefa’ f’kaxxa. U meta ħasset, ġustament jew le, li Adrian Delia ma kienx idoneu fittxet dwaru u kkritikatu bl-istess orgolju li għamlet kontra Muscat.
Dan il-metodu qatt m’għoġob lil min irid, għax hekk komdu, jiddilirja fil-medjokrità basta ‘l-partit tiegħu jkun fil-Gvern’. U għal min ġurnalist jibqa’ tajjeb sakemm idoqq id-diska li jridu jisimgħu.
Il-ġurnaliżmu f’dan il-pajjiż f’xi stazzjonijiet ġie ridott, għax hekk huwa impost u mhux għax il-ġurnalist irid hekk, għall-abbilità li żżomm bilanċ forensiku skont il-minutiera. U jekk Muscat tkellem 3 minuti, mela Delia ma jistax jitkellem tnejn u nofs, għax inkella ħoll xagħrek u ġib iż-żejt.
U allura jekk il-ġurnaliżmu huwa ridott mill-politiċi għal bilanċjatur b’calculator, x’ma jħossuhomx skomdi ħafna nies b’Daphne Caruana Galizia u b’ħafna ġurnalisti oħrajn. Mhux bilfors.
Għalhekk ħafna nies qalu li DCG stednitha b’idejha ftit wara li tħabbret it-traġedja. Għax f’dan il-pajjiż il-libertà tal-espressjoni għall-partiti tfisser li meta tara l-ħażen suppost iddawwar wiċċek u l-pinna tħalliha fil-kexxun, ħalli ma tistedinhiex hux! Ħalli ma ċċaqlaqx l-ilmijiet! Ħalli ma ddardarx l-għajn li trid tixrob minnha!
Dik hi l-problema. U għalhekk ħafna nies qalu li stednitha hi b’idejha ftit wara li tħabbret it-traġedja. Għax f’dan il-pajjiż il-libertà tal-espressjoni għall-partiti tfisser li meta tara l-ħażen suppost iddawwar wiċċek u l-pinna tħalliha fil-kexxun, ħalli ma tistedinhiex hux! Ħalli ma ċċaqlaqx l-ilmijiet! Ħalli ma ddardarx l-għajn li trid tixrob minnha!
Għalhekk ukoll mietet Daphne. U l-pinna tkun vera rebħet fuq il-biża’ meta l-midja titgħallem b’xi mod tissopravivi mingħajr ebda bżonn ta’ rabtiet kummerċjali ma’ Gvern, ikun min ikun. U meta ċerti politiċi jitgħallmu li jekk mhumiex denji jirfsu l-għatba tal-Parlament, aħseb u ara kemm huma denji jkunu fih, għandhom jgħosfru mix-xena.
Mhux jibqgħu hemm jerdgħu mit-taxxi u jwaħħlu fil-ġurnalisti!...