Opinjoni | Wasal l-aqwa żmien

Dun Anġ jgħid li l-aqwa żmien ikun wasal meta n-nies jibdew jirnexxilhom jirriflettu fuq il-ġrajjiet privati u pubbliċi tal-ħajja

Sas-16 t’Ottubru 2017 is-slogan li jingħad u jitkanta u jindaqq mal-erbat irjieħ ta’ Malta kien dak li “l-aqwa żmien ta’ pajjiżna għadu ġej”.

Wasal dan l-aqwa żmien?

Fil-fehma tiegħi dan wasal b’theżżiża li heżżet lil Malta kollha, mhux kif kienu qed jobsru ħafna u ħafna nies.

Fil-fehma tiegħi wasal b’theżżiża li ġiegħlet u għandha ġġiegħel ħafna nies f’Malta u Għawdex u lil hinn minn xtutna joqogħodu bilqiegħda, jagħlqu ħalqhom u jirriflettu.

Għax l-aqwa żmien ikun wasal meta n-nies jibdew jirnexxilhom jirriflettu fuq il-ġrajjiet privati u pubbliċi tal-ħajja.

It-theżżiża li nħasset ma’ Malta u Għawdex kollha kien il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia nhar it-Tnejn, 16 t’Ottubru, ġurnalista u blogger magħrufa mad-dinja kollha. Ma kienet taħfirha lil ħadd, kienet tikxef l-għawwar ta’ kulħadd, imma b’mod regolari tan-naħa tax-xellug.

Qatt ma ninsa meta Alfred Sant, illum Membru tal-Parlament Ewropew u dakinhar Prim Ministru ta’ Malta mar ikellem lill-istudenti universitarji. Marret hemmhekk flimkien ma’ wliedha u sfrattatlu l-laqgħa b’mod umiljanti.

Meta mietu żewġ personalitajiet Laburisti prominenti, kitbet bl-Ingliż ‘May he rot in hell’ jew bil-Malti ‘jalla jitmermer fl-infern’, u fil-każ ta’ wieħed minnhom, stqarret li sejra tixrob flixkun xampanja b’risq il-mewt tiegħu. Ma nistgħaġibx illum jagħmlu l-istess uħud mill-bloggers tax-xellug. Il-kitba vjolenti f’okkażjoni ta’ mewt u ta’ mewt vjolenti hija mistmerra minn kull Nisrani u minn kull bniedem ta’ rieda tajba. Taqbel jew ma taqbelx magħha, wieħed irid japprezza l-kuraġġ li kellha meta bil-kitba qawwija tagħha ħarġet għonqha u kixfet x’inhu jiġri fir-realtà Maltija. Il-mewt ta’ Daphne Caruana Galizia għandha twassalna u ddaħħalna fiż-żmien ġdid ta’ riflessjoni.

X’inhu sejjer tajjeb fir-realtà Maltija, lil hemm mis-slogans u mit-tifħir fieragħ li aħna l-Maltin sirna l-aqwa fl-Ewropa? Min iħobb lil Malta għandu dmir jirrifletti.

Bħalissa hawn Malta sejra tajjeb l-ekonomija.

Il-Gvern Malti ippreżenta baġit bla taxxi u ħabbar li għat-tieni darba iżjed daħħalna milli ħriġna. Tħabbret żieda fil-pagi u fil-pensjonijiet, ħafna setturi tal-ekonomja immarkaw progress, il-qgħad niżel għal livelli tabilħaqq baxxi. It-turiżmu spara ’l fuq, tant li wasal iż-żmien naraw kemm nifilħu naċċettaw turisti b’tali mod li l-poplu Malti jkun moqdi tajjeb fil-bżonnijiet ta’ prodotti li jkollna għad-dispożizzjoni tiegħu. Hekk għamlu pajjiżi oħra u qalu kemm ammont ta’ turisti jifilħu u xi kwalita ta’ turisti.

Barra mill-ekonomija, x’inhu sejjer tajjeb?

Il-familja

Kemm hawn tħarbit u firdiet fi ħdan il-familji Maltin! Ma jgħaddix jum li fih ma nismax b’separazzjonijiet, bi vjolenza fid-dar, bit-tfal li qed jipparkjaw daqqa għand ommhom u oħra għand missierhom. Qed nisimgħu b’ulied ta’ ġenituri bilgħaqal li qed jimtlew bl-inkwiet għax uliedhom ma ħarġux bħalhom. Naf biżżejjed bil-ħsara li qed tagħmel il-pornografija, bl-adulterji fil-każ ta’ koppji li għadhom friski fiż-żwieġ u f’oħrajn li saru nanniet.

Fil-fehma ċkejkna tiegħi l-hena fil-qasam tal-familja naqset mhux żdiedet.

Fil-qasam tad-droga

Il-qabdiet li qed jagħmlu l-pulizija mhux qed juru biss il-ħila tal-pulizija, imma hija prova ta’ kemm qed nimtlew mhux biss bil-ħaxixa imma bi drogi tqal u bid-drogi sintetiċi, fl-istess ħin ninsabu mehdija dwar kif se niffaċilitaw it-teħid tal-ħaxixa għal-skopijiet rikreattivi.

U l-qasam tal-edukazzjoni?

Spiċċajna mingħajr ma’ wliedna għandhom għalliema biżżejjed u qed nitolbu lill-istudenti għoljin imorru jgħallmu huma wkoll. Imissna nirriflettu fuq x’wassalna f’dan l-estrem li mhawnx żgħażagħ biżżejjed li jridu jmorru jgħallmu lil uliedna.

U l-korruzzjoni?

Ir-riħa tinten tal-korruzzjoni u l-prostituzzjoni qed tinfirex fuq naħa u oħra tal-parlament Malti li għadu ma wasalx biex jimita lill-pajjiżi Nordiċi u jrażżan din l-imxija.

More in Blogs