Opinjoni | Qtil fil-Bidnija
Leħen is-sens komun u l-moderazzjoni l-anqas ċans jinstema’ ma kellu
Daphne mejta, maqtula b’mod mill-iżjed brutali f’raħal żgħir li, ftit, barra minn xtutna, qatt semgħu bih. Kull wieħed minna nqata’ minn ġewwa hekk kif bdejna nifhmu x’seħħ taħt għajnejna. L-anqas ilħaqna stejqirna li ma rajniex lill-PN ikompli jibbumbardja l-Gvern mill-ġdid b’allegazzjonijiet dwar ħmieġ, nepotiżmu, tmexxija ħażina u l-imminar tas-saltna tad-dritt.
Leħen is-sens komun u l-moderazzjoni l-anqas ċans jinstema’ ma kellu.
S’issa ħadd m’għandu ħjiel dwar min qatel lil Daphne, ħlief dawk li fil-fatt qatluha. Ir-responsabbiltà li għandu kull Gvern għal dak li jseħħ fil-ġurisdizzjoni tiegħu qed tkun imġebbda biex tinkludi qtil li probabbilment l-ebda Gvern demokratiku li jaħdem fuq ir-rubini b’Korp tal-Pulizija armat sa snienu ma kien jirnexxielu jżomm milli jseħħ.
'Hemm xi ħaġa iktar personali li tinvolvi telf finanzjarju enormi, possibilment xi ikla ħabs sew. Qegħdin fil-qasam tal-ispekulazzjoni, u fost l-ispekulazzjonjijiet kollha din tidher l-iktar realistika.' Carmel Cacopardo
Kull wieħed minna jinsab ferut b’dak li ġara. Imma minflok ma nidħlu f’qoxortna u naħsbu fl-interess nazzjonali qisna qed inkunu mħeġġa biex infajru l-akkużi fl-ajru kontra dak, dik u l-oħra. Għal darba oħra qed induru kontra xulxin. Min għandu interess li jara din it-tip ta’ mġiba u reazzjoni?
Ħadd ma akkuża lill-Gvern (jew lill-Partit Laburista) li kellu sehem fil-qtil ta’ Daphne. Ħadd ma azzarda, għax akkuża ta’ din ix-xorta ma tagħmilx sens. B’partit li għadu kif ġie ri-elett b’mod massiv, u b’Oppożizzjoni tant sturduta li għaddejja kontinwament tagħmel il-ħsara lilha nnifisha, dan, hu diffiċli biex biss timmaġinah. Billi hu impossibli li takkuża lill-Gvern b’mod dirett, l-akkużi qed isiru b’mod indirett. Qed tiġi minfuħa r-responsabbiltà politika biex tinftiehem li hi responsbabiltà attwali u reali u allura jintalbu riżenji li mhux biss mhux ser iseħħu, imma fuq kollox ikomplu jsaħħnu l-qiegħa.
Ir-reazzjoni ta’ Adrian Delia kienet iktar minn diżappuntanti. Kellna kull dritt li nistennew kalma, moderazzjoni, prudenza u anke (għaliex le) waqfien temporanju mill-battalji politiċi ta’ kuljum. Minflok konna rinfaċċjati bi sfruttament skandaluż u populist ta’ delitt li ftit rajna bħalu fil-gżejjer tagħna.
L-ebda persuna f’sensiha ma jgħaddilha minn moħħha li l-Gvern (jew il-Partit Laburista) kien imdaħħal fil-qtil ta’ Daphne. Minkejja li Daphne mesħet l-art bih, waqt il-kampanja għat-tmexxija tal-PN, ħadd ma jasal biex jissuspetta involviment ta’ Adrian Delia f’dan il-qtil. Hu possibli li kien xi ħadd minn ta’ madwarhom? Possibli, imma improbabbli. Il-motiv politiku f’dan il-qtil jidher li hu il-bogħod ħafna minn dak li hu possibli.
Possibilment hemm xi ħaġa iktar personali li tinvolvi telf finanzjarju enormi, possibilment xi ikla ħabs sew. Qegħdin fil-qasam tal-ispekulazzjoni, u fost l-ispekulazzjonjijiet kollha din tidher l-iktar realistika.
Imma hemm ukoll agħar minn hekk. Min jaf jekk il-vittma intgħażlitx biss minħabba l-prominenza tagħha u li l-attakk reali ma kienx fuqha imma fuq Malta? Fl-Italja kellhom jgħaddu għexieren ta’ snin biex insiru nafu li dawk magħrufa bħala l-anni di piombo kienu orkestra sħiħa ta’ vjolenza taħt id-direzzjoni tas-CIA. It-terroristi miż-żewġ estremi qatt m’għaddielhom mill-garigori ta’ moħħhom li kienu manipulati biex jittrasformaw lill-pajjiżhom f’kamp ta’ battalja.
Mhux suppost li s-CIA llum għandha xi interess li tiddistabilizza lil Malta, imma ħaddieħor jista’ jkollu kull interess li jilgħab din il-logħba perikoluża.
Hu possibbli li Daphne u Malta huma vittmi ta’ logħba li tmur lil hinn minn xtutna? F’xenarju bħal dan għajnejna jmorru fuq ir-Russja u l-interess ġeo-politiku tagħha fil-Mediterran tul is-snin. Ir-Russja ġiet umiljata bil-kbir b’sehem il-punent fir-Rebbiegħa Għarbija. Żammet lil Assad fis-setgħa minkejja kollox u kulħadd u dan bi prezz qares ta’ għexieren tal-eluf mejta u miljuni refuġjati. Possibbli li l-Kremlin għażel lil Malta u lil Daphne f’Malta biex juri lill-Unjoni Ewropea li għandu s-saħħa li jiddistabilizza pajjiż membru?
'Hu possibbli li Daphne u Malta huma vittmi ta’ logħba li tmur lil hinn minn xtutna? F’xenarju bħal dan għajnejna jmorru fuq ir-Russja u l-interess ġeo-politiku tagħha fil-Mediterran.' Carmel Cacopardo
Il-Gvern Malti forsi rnexxielu wisq li jmexxi ’l quddiem l-embargo kontra r-Russja. Biex tkompli tagħqad kien żamm iebes u rrifjuta li l-flotta Russa fi triqitha lejn is-Sirja tieqaf Malta għall-provisti.
Min jaf! Forsi wara kollox anke r-Russi huma innoċenti. Imma ma nistgħu neskludu l-ebda possibilità.
Hu żmien fejn il-prudenza, il-kliem meqjus u t-tmexxija responsabbli huma essenzjali. Ilkoll kemm aħna għanda l-obbligu li nevitaw li ninqabdu fil-logħba ta’ min ippjana dan kollu. M’għandniex inkunu aħna li nittrasformaw lill-pajjiżna f’ħuġġieġa politika li ma tintefiex. Għax hi din id-distabilizzazzjoni li tidher bħala l-oġġettiv possibli ta’ dawk li ħmew dan kollu.
Minkejja li sofrew telfa bħal qatt qabel, tal-PN għandhom l-obbligu, li f’din is-siegħa tal-prova kapaċi jkunu rashom fuq għonqhom u dan billi jaġixxu b’mod responsabbli. Il-Gvern min-naħa l-oħra għandu l-obbligu li jżomm id soda fuq it-tmun tal-pajjiż kif ukoll li jikkunsidra bis-serjetà dak it-tibdil fil-qafas amministrattiv tal-pajjiż li hu tant meħtieġ biex f’ċirkustanzi gravi bħal dawn inkunu kapaċi nieqfu fuq saqajna u nirreżistu kull attentat ta’ distabilizzazzjoni ta’ pajjiżna.
Sistema bbażata fuq żewġ partiti politiċi tagħmilna vulnerabbli. Hi biss demokrazija awtentika li ma tħalliniex fil-mira.