Editorjal | Quo Vadis?
Il-ħassieba tal-PN kienu konvinti bil-messaġġ tagħhom iżda ma fehmux li dan ma kienx l-istess lingwaġġ tan-nies hemm barra
Il-nomini għall-pożizzjonijiet fl-amministrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista ngħalqu aktar kmieni din il-ġimgħa. In-nomini li ntefgħu (u dawk li ma ntefgħux) ma naqqsux mill-kontroversja għax jindikaw proċess li jista’ jkun għaddej fi ħdan il-partit. Hemm żewġ ħsibijiet paralleli li joħorġu minn dan il-proċess li nistgħu nanalizzaw.
Dawn jistgħu jkunu wkoll it-toroq li l-Partit Nazzjonalista se jgħaddi minnhom fil-futur u li jistgħu kif jgħidu bl-Ingliż ‘make or break’ lill-partit, li kellu togħmiet morri ta’ żewġ telfiet elettorali, li ħallew it-togħma ħażina minħabba li l-ħsieb wara d-deċiżjonijiet politiċi, li fuqhom kienet ibbażata l-kampanja elettorali ħalliet lill-Partit Nazzjonalista mħasseb.
Għaliex qed ngħidu dana ? Għaliex il-ħassieba politiċi tal-partit kollha kienu konvinti bil-messaġġ tagħhom iżda ma fehmux li dan il-messaġġ ma kienx l-istess lingwaġġ tan-nies hemm barra. Emmnu li l-messaġġ tagħhom kellu jkun is-sisien għall-partit fis-snin ta’ wara. Ir-riżultat iżda kien telfa elettorali kbira.
Dan il-ħsieb politiku li wħud jiddeskrivuh bħala elitista, wassal biex Adrian Delia sar Kap ġdid tal-partit, għax riedu bidla minn dan il-ħsieb.
Kien Delia stess filfatt li kkonferma dan waqt intervista, meta qal li mhux kull min ivvutalu neċessarjament ried lilu imma għax fih ra bidla fir-rotta.
Din il-bidla mill-ħsieb politiku minn ta’ qabel l-elezzjoni, issa rriżultat fl-istrutturi kollha tal-partit, bin-nomini li rajna.
Mela din hija l-ewwel triq li l-Partit Nazzjonalista jista’ jieħu, li jkun hemm nies tal-Kap ġdid fl-istrutturi, u li jiġi mwarrab totalment il-messaġġ politiku ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali.
Din it-triq mhix faċli bħalma wieħed jaħseb, lanqas ma hija ovja għax ma jfissirx li Delia huwa l-Kap mela allura għandu xi ‘clean sheet’ li jagħmel li jrid.
Dan għaliex partit politiku jrid jgħaddi minn proċessi demokratiċi biex jinbidlu l-affarijiet. Meta hemm kuntrast ta’ ħsibijiet f’partit ikun hemm min iweġġa’ u min jiddejjaq.
Hekk ġara tant li rajnieha f’personaġġi li kienu voċiferi qabel, waqt u wara l-kampanja għall-Kap.
Persuna oħra li nistgħu nqisu vittma ta’ dan il-proċess huwa David Casa, għaliex saħansitra qabel l-elezzjoni għall-Kap il-ġdid kien qal li jixtieq li jsir Segretarju Ġenerali, iżda n-nomina tiegħu ma waslitx.
Kien qed jissemma Pierre Portelli għal din il-kariga, li kien magħruf li huwa qrib ta’ Delia, u li David Casa kien se jsib għadma iebsa li jegħleb.
Ftit sigħat qabel ma għalqu n-nomini, David Casa ddeċieda li mhux se jikkontesta għal Segretarju Ġenerali. Possibbilment saru kalkoli li kienu qed juru li Pierre Portelli kien se joħroġ rebbieħ f’elezzjoni ma’ David Casa.
Ġara iżda li ftit tal-minuti qabel ma għalqu n-nomini u Casa jum qabel kien qal li mhux se jikkontesta, Pierre Portelli ngħata kariga maniġerjali fil-midja tal-partit u b’hekk is-Segretarju Ġenerali se jsir Clyde Puli, li wkoll huwa magħruf li huwa qrib ta’ Adrian Delia.
David Casa, li hemm min iqisu parti mill-‘establishment’ fil-partit baqa’ mingħajr il-kariga li kien ilu jixtieq. Dan il-logħob wara l-kwinti ma jawgura xejn sabiħ għall-għaqda.
It-tieni triq li nistgħu nanalizzaw hija sempliċi, dawk li jitqiesu parti mill-‘establishment’ fil-Partit Nazzjonalista huma nies validi politikament, oħrajn ġew eletti mill-poplu f’Malta jew fi Brussell.
Issa li Adrian Delia qed jissaħħaħ fil-partit, li wħud kienu jaħsbu li kienu qed jirtuh, għandhom quddiemhom għażla ferm importanti li jridu jagħmlu, u hawn nerġgħu mmorru lura għal dik it-togħma ħażina li tkellimna dwarha qabel, jew jippersistu fil-ħsieb politiku ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali għax jemmnu li hija verament l-aħjar triq għall-partit u b’ċans li tintilef elezzjoni oħra, jew iwarrbu jew jiġu ‘onboard’ mal-politika ġdida ta’ Delia.
Il-ballun jinsab fil-grawnd u l-ewwel appuntament jinsab fil-kantuniera, fl-elezzjoni biex jinħatru l-MEPs fl-2019.