Opinjoni | Wara d-dibattitu fi Strasburgu
Il-kobba issa kompliet titħabbel bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia
Id-dibattitu tal-ġimgħa l-oħra fil-Parlament Ewropew dwar is-saltna tad-dritt wera li prattikament il-partiti politiċi kollha huma mħassba dwar is-saltna tad-dritt f’Malta. Il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia jkompli jżid ma’ dan it-tħassib.
It-tħassib hu wieħed akkumulat u huwa ġġustifikat minħabba diversi affarijiet li ġraw fuq tul ta’ żmien.
Il-ħatra u r-riżenja ta’ diversi Kummissarji tal-Pulizija matul dawn il-ħames snin xejn ma għen f’dan il-kuntest.
Ir-rapporti tal-FIAU (Financial Intelligence Analysis Unit) li waslu għand il-Kummissarju tal-Pulizija u ma ttieħdu l-ebda passi dwarhom ukoll wasslu l-messaġġ li f’dan il-pajjiż xejn mhu xejn: li l-liġi hi bla siwi.
Jekk il-liġi hi bla siwi għax l-awtorijtajiet li għandhom l-obbligu li jimplimentawha jagħlqu għajnejhom, daqqa waħda u drabi oħra t-tnejn, hu ġustifikat li jingħad li s-saltna tad-dritt hi mhedda.
F’dan il-kuntest ma tista’ tagħti tort lil ħadd li jissuspetta illi l-awtoritajiet kollha ħaġa waħda, jħokku dahar xulxin. Anke jekk mhux neċessarjament hekk.
Imma hemm min qiegħed japprofitta ruħu minn din is-sitwazzjoni biex jiżra’ sfiduċja iktar milli diġà hawn. Ilkoll kemm aħna, fuq quddiem nett il-partiti politiċi, għandna l-obbligu li f’din is-siegħa delikata ma nesaġerawx fil-kritika li nagħmlu.
Anke fejn il-kritika hi ġustifikata. Il-kritika li issir hemm bżonn li tkun waħda responsabbli avolja jkun hemm min ma jagħtix kas, jew inkella jipprova jagħti l-impressjoni li mhux qed jagħti kas.
Il-fatti jibqgħu dejjem fatti.
Il-Prim Ministru żbalja meta ma tajjarx lil Konrad Mizzi mill-Kabinett u lil Keith Schembri minn Chief of Staff fl-uffċċju tiegħu wara li isimhom deher fil-lista magħrufa bħala Panama Papers. Kien żball oħxon li anke fil-Partit Laburista stess kien hemm dibattitu jaħraq dwaru.
Fil-Partit Laburista kien hemm min kellu l-kuraġġ li jesprimi fehmtu dwar dan fil-pubbliku.
Hekk għamlu s-sena l-oħra Evarist Bartolo u Godfrey Farrugia. Kien hemm oħrajn li tkellmu fil-magħluq waqt laqgħat tal-Grupp Parlamentari. Fil-gazzetti kienu ssemmew l-ismijiet tad-Deputat Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Louis Grech u tal-Ministri Leo Brincat, Edward Scicluna u George Vella.
Hemm ukoll id-dikjarazzjoni ċara pubblika ta’ Alfred Sant, avolja dan issa qed jitkellem ftit differenti. Naf li hemm oħrajn. Kollha talbu r-riżenja ta’ Konrad Mizzi.
Il-preokkupazzjoni tal-lum hi inparti riżultat ta’ din id-deċiżjoni żbaljata tal-Prim Ministru Joseph Muscat.
Il-kobba issa kompliet titħabbel bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Sfortunatament hemm min qed jitfa’ l-argumenti kollha f’borma waħda u jgħaqqad, b’mod irresponsabbli l-affarijiet, meta s’issa għad ma hemm l-ebda prova dwar min wettaq dan id-delitt u għal liema raġuni. L-iżbalji li saru fil-kors tal-investigazzjoni xejn mhuma ta’ għajnuna. La d-dewmien tal-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera biex ma tibqax tmexxi l-investigazzjoni Maġisterjali u l-anqas li d-Deputat Kummissarju Silvio Valletta ma fehemx li l-preżenza tiegħu fl-investigazzjoni tista’ tkun ta’ xkiel għall-kredibbilità tal-konkluzjonijiet mhuma ser jgħinu.
F’dan il-kuntest il-kummenti ta’ Frans Timmermans Viċi President Ewlieni tal-Kummissjoni Ewropea huma ta’ validità kbira: “Let the investigation run its full course. What is not on is to start with a conclusion and look for facts to support that conclusion.”
Il-preokkupazzjoni tagħna lkoll hi ġustifikata. Imma tajjeb li nżommu quddiem għajnejna li t-taħwid kollu li għandna quddiemna ma tfaċċax f’daqqa, ilu jinġabar ftit ftit. Biex dan jingħeleb jeħtieġ l-isforz flimkien ta’ kull min hu ta’ rieda tajba.