Opinjoni | Żmien ta’ responsabbilità
Dan hu mument fejn il-gvern irid jeżerċita l-massimu ta’ responsabilità sabiex isem Malta jitjieb
Ir-risoluzzjoni illi għaddiet b’vot qawwi nhar l-Erbgħa fil-Parlament Ewropew dwar l-istat tas-saltna tad-dritt f’Malta turi kemm pajjiżna qiegħed f’salib it-toroq. Juri kemm il-perċezzjoni dwar pajjiżna marret għal agħar f’dawn l-aħħar snin.
Il-gvern u s-sostentituri tiegħu jistgħu faċilment iwaħħlu f’dak u l-ieħor; jistgħu faċilment ikomplu jippuntaw subgħajhom lejn min jaħsbu illi qiegħed jittradixxi l-interessi ta’ Malta.
Hija tassew ħasra illi qed nerġgħu nisimgħu r-retorika tas-snin tmenin meta saret kruċjata kontra l-allegat indħil barrani tant illi anke għad għandna l-Att dwar l-Indħil Barrani.
Hija kważi traġika illi tlettax-il sena wara d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, avveniment illi biddel kompletament wiċċ dan il-pajjiż, għadna nħarsu lejn il-Parlament Ewropew bħala xi entità barranija minkejja illi neleġu sitt ewrodeputati.
Hija assurda illi ma nifhmhux illi dan il-Parlament huwa ukoll il-Parlament ta’ Malta (u ta’ sebgħa u għoxrin pajjiż ieħor Ewropew) daqs il-Parlament li jitlaqa’ fil-binja ta’ Renzo Piano.
U għaldaqstant il-Parlament Ewropew għandu mhux biss id-dritt, iżda anke l-obbligu, illi jippronunzja ruħu dwar il-qagħda interna f’pajjiżna kif jagħmel dwar pajjiżi membri oħra tal-U.E.
U tajjeb li wieħed ifakkar illi fl-istess jum illi vvota r-Risoluzzjoni dwar Malta b’maġġoranza qawwija ta’ 466 favur, 49 biss kontra u 166 astensjoni, l-Parlament Ewropew ivvota risoluzzjoni aktar qawwija fil-konfront tal-Polonja.
Fil-fatt, b’vot ta’ 438 favur, 152 kontra u 71 astensjoni, il-Parlament Ewropew iddikjara illi hemm “riskju ċar ta’ ksur serju” tal-valuri Ewropej kif espressi fit-Trattati Ewropej anke fir-rigward tas-saltna tad-dritt fil-Polonja.
Għaldaqstant, il-Parlament Ewropew għamel talba formali lill-Kunsill Ewropew sabiex iħaddem il-mekkaniżmu preventiv ikkontemplat fl-Artiklu 7.1 u jekk l-awtoritajiet Pollakki jirrifjutaw illi josservaw ir-rakkomandazzjonijiet ewropej, il-proċedura tista’ tagħti lok għas-sospensjoni tad-dritt tal-vot tal-Polonja fil-Kunsill.
Din hija dik illi tissejjaħ l-opzjoni nukleari.
Qajla jidher illi wieħed ser jasal sa hawn għax l-Ungerija diġa ndikat illi mhux ser taqbel ma tali risoluzzjoni. Imma l-messaġġ politiku hu mill-aktar ċar u l-gvern Pollakk rreaġixxa b’rabja kbira.
U anke fir-rigward tar-risoluzzjoni dwar il-Polonja dawk l-membri parlamentari tal-opposizzjoni illi vvutaw favur jew astjenew fir-rigward tar-risoluzzjoni ġew mgħajra illi ma ddefendewx l-interessi ta’ pajjiżhom mill-istess president tal-Polonja.
L-istess president illi kien oġġezzjona għal żewġ abbozzi ta’ liġi dwar il-komposizzjoni tal-qrati. U inċidentalment il-partit konservattiv illi jmexxi l-Polonja, il-PiS ukoll jattakka l-indħil barrani fl-affarijiet interni tal-Polonja.
Is-similaritajiet ma jiqfux hawn. Kemm il-Polonja kif ukoll Malta gawdew bil-kbir mid-dħul tagħhom fl-UE bl-ekonomija tagħhom titjieb ħafna. U l-istess jista’ jingħad dwar l-Ungerija illi ras imb’ras hija l-akbar benefiċjarju ta’ fondi Ewropej. Imma issa dawn it-tliet pajjiżi qed jiġu mmarkati bħala t-tfal ħżiena tal-Ewropa.
Dan joħroġ ċar mid-diċitura tar-risoluzzjoni dwar Malta illi permezz tagħha l-Parlament Ewropew saqsa lill-Kummissjoni sabiex “jibda djalogu mal-gvern Malta dwar kif taħdem is-saltna tad-dritt f’Malta.”
Il-Kummissjoni ukoll ġiet mitluba tivverifika jekk Malta hix qiegħda tosserva r-regoli dwar il-ħasil ta’ flus u t-tmexxija tal-banek. Il-Parlament innota ukoll illi l-indipendenza tal-ġudikatura u l-Pulizija tista’ tiġi kompromessa minħabba l-interessi ta’ persuni illi nfiltraw il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet sabiex jippromwovu l-interessi tagħhom.
Barra minn hekk, l-ewroparlamentari jridu trasparenza dwar il-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija u ewropea u talbu investigazzjoni internazzjonali indipendenti bl-involviment ta’ Europol dwar l-assassasinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Il-Parlament Ewropew innota ukoll illi skont bosta rapporti ta’ Europol kif ukoll tal-kumitat dwar il-Panama Papers, żviluppi riċenti iqajmu ħafna tħassib dwar il-governanza ta’ Malta, il-libertajiet, u attivitajiet illegali fil-pajjiż illi ġew megħjuna bid-dgħjufija tas-sistemi ta’ pajjiżna.
Ir-risoluzzjoni semmiet in-nuqqas ta’ Malta illi tieħu ħsieb numru ta’ allegazzjonijiet serji ta’ korruzzjoni, ksur tal-liġi dwar il-ħasil ta’ flus u nuqqas ta’ sorveljanza bankarja minħabba in-nuqqas tal-pulizija illi tinvestiga u pressjoni politika fuq il-Financial Intelligence and Analysis Unit (FIAU).
Fil-fatt, ir-risoluzzjoni tinnota illi dawk imsemmija fir-rapporti tal-FIAU u fil-Panama Papers għadhom jiffurmaw parti mill-gvern. Għaldaqstant, l-ewroparlamentari ħeġġew lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex jibda l-investigazzjonijiet meħtieġa u talbu lill-awtoritajiet regulatorji u ġudizzjarji sabiex jinvestigaw l-mod kif ġie liċenzjat il-bank Pilatus kif ukoll l-operat ta’ Nexia BT li hi nvoluta fil-programm ta’ ċittadinanza u illi ġiet imsemmija fil-Panama Papers.
Barra minn hekk, ir-risoluzzjoni titlob illi Malta u l-pajjiżi ewropej kollha jidentifikaw dawk illi jingħataw ċittadinanza u illi jiġi żgurat illi min jingħata ċ-ċittadinanza jkun qatta’ sena residenti f’Malta.
Fl-aħħar nett, ir-risoluzzjoni tħeġġeġ lil Malta u l-pajjiżi membri l-oħra sabiex jiddedikaw ir-riżorsi possibli kollha kontra l-evażjoni tat-taxxa.
Ċertament ir-risoluzzjoni hija iebsa, ċertament illi din ir-risoluzzjoni turi l-frustrazzjoni tal-maġġiorparti tal-ewroparlamenti dwar l-mod kif qiegħda tevolvi l-posizzjoni f’pajjiżna.
Ċertament ukoll illi din ir-risoluzzjoni tindika illi l-ewropej in ġenerali qed iħarxu l-atteġjament tagħhom lejn Malta. U għalkemm il-Kummissjoni Ewropea, permezz tal-viċi president anzjan, Frans Timmermans, kienet ferm aktar kawta milli kienu bosta ewroparlamentari, ma jistax jonqos illi anke l-Kummissjoni ser tkun ikkundizzjonata minn din ir-risoluzzjoni.
Għadna ma wasalniex fl-istadju tal-Polonja u tal-Ungerija. Imma ’l hemm resqin jekk il-gvern Malti mhux ser jieħu azzjoni korrettiva.
Il-gvern Malti jista’ jistrieħ fuq il-maġġoranza kbira parlamentari li għandu wara l-vot ta’ Ġunju li għadda u l-andament ekonomiku ġeneralment posittiv u jgħaddas rasu u ma jagħtix każ din ir-risoluzzjoni.
Xejn ma jżommu milli jagħmel hekk. Imma jekk verament il-gvern jagħti każ il-fama tiegħu u ta’ pajjiżu u l-post illi ser igawdi fl-istorja, għandu jagħti każ din ir-risoluzzjoni u jipprova jindirizza t-tħassib tal-Parlament Ewropew. Biex jagħmel hekk irid jieħu deċiżjonijiet iebsa illi żgur mhux ser jintgħoġbu minn kulħadd.
Wara erba’ snin u nofs fil-poter, il-gvern diġa ħaraq ħafna mid-disposizzjoni posittiva illi bosta ewropej kellhom fil-konfront ta’ Malta. Bosta ser igħidu illi b’daqshekk ma ġara xejn għaliex l-ekonomija baqgħet sejra ’l quddiem.
Mhux faċli illi wieħed jikkonvinċi lill-opinjoni pubblika illi din l-attenzjoni negattiva fuq pajjiżna inevitabilment ser taffetwa fil-ħażin il-qagħda ekonomika ta’ pajjiżna u ser tpoġġi pressjoni kbira fuq ir-reġim fiskali tal-pajjiż illi alimenta ħafna mill-ġid ekonomiku ta’ pajjiżna. Imma min hu rasu fuq għonqu jifhem sew kemm tali possibilità hija fil-fatt reali.
Kemm ilna fl-UE, ġeneralment ma kellniex indħil esaġerat fil-mod kif immexxu l-affarijiet tagħna sakemm nosservaw ir-regoli komunitarji. Il-Parlament Ewropew din il-ġimgħa wissiena illi qed nilagħbu mal-valuri essenzjali tal-Unjoni u illi dan ma jistax jiġi aċċettat.
Irid ikun gvern irresponsabbli illi jikkomprometti l-prospetti ekonomiċi tal-pajjiż billi jadotta politika illi l-maġġiorparti tal-Maltin irriġettaw bosta snin ilu u illi ħafna qatt ma ħasbu illi ser ikun jerġa’ possibli illi jkollna. Għax ironikament il-fatt illi Malta saret membru tal-UE. għin mhux ftit lill-partit Laburista jieħu l-poter fl-2013.
Bosta kienu dawk illi bdew jappoġġjawh għax ħassew illi l-appartenenza għall-Unjoni ser iżomm lil kwalunkwe gvern milli jirripeti l-eċċessi tas-sebgħinijiet u t-tmeninijiet. M’huwiex fl-interess ta’ pajjiżna illi nispiċċaw f’konflitt mal-kumplament tal-U.E. kif jidher li hu l-każ tal-Polonja u l-Ungerija.
Għaldaqstant, dan hu mument fejn il-gvern irid jeżerċita l-massimu ta’ responsabilità sabiex isem Malta jitjieb u ma jibqax assoċjat mal-agħar elementi tal-Unjoni.
Il-Parlament Ewropew wera biċ-ċar illi mhux ser jieqaf hawn, illi ser ikompli jissorvelja fuq pajjiżna u jsus sabiex ma jippermettiex aktar deterjorament fl-osservanza tal-istat tad-dritt f’pajjiżna.
Muscat u l-gvern tiegħu għandhom għażla ċara : jew jaġixxu b’responsabbilità u jtaffu t-tħassib ta’ bosta kemm f’Malta kif ukoll barra minn xtutna dwar Malta jew ikomplu jgħaddsu rashom u jibqgħu għaddejjin qisu ma ġara xejn.
Huma mumenti bħal dawn illi jagħżlu l-istatisti mill-politiċi ordinarji li qajla jissemmew fil-kotba tal-istorja.