Editorjal | Aħna
Ma nistgħux inkunu sereni, irridu nirreaġixxu bil-qawwi fuq il-vjolenza domestika...għalhekk 'Aħna'...
Novembru huwa x-xahar li matulu nfakkru fil-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa.
Bħalissa, fil-fatt diversi mezzi tax-xandir u anke l-Gvern għaddejjin b’diversi kampanji u messaġġi kontra kull tip ta’ vjolenza, speċjalment il-vjolenza domestika.
Tliet ġimgħat ilu dan l-editorjal kien pjuttost iebes fil-konfront tal-mod kif kien trattat il-każ tal-mara li nstabet il-Kalkara tilgħabha mal-mewt. U mhux se nkunu, la issa u lanqas qatt, farka inqas iebsin fuq dan is-suġġett.
Kif qal tajjeb ħafna l-Professur u Dekan Andrew Azzopardi nhar il-Ġimgħa waqt konferenza dwar is-suġġett; ma nistgħux inkunu sereni, irridu nirreaġixxu bil-qawwi fuq il-vjolenza domestika.
Huwa pożittiv ferm li pajjiżna issa riesaq biex ikun konformi mat-Trattat ta’ Istanbul (ara spjega qasira tat-Trattat fuq paġna 7). Imma lil hinn mill-karta dan se jkun ifisser li l-pajjiż jiddedika ħafna aktar riżorsi fuq din ir-realtà milli qed jagħmel illum.
...Dan ma jfissirx li aħna ma nifhmux li pulizija mhux social worker u allura mhux imħarreġ biex jiffaċċja dawn it-tip ta’ problemi, speċjalment jekk qatt ma ffaċċjahom qabel. Għalhekk iktar milli nikkundannaw, nixtiequ nipproponu
Riżorsi biex l-għases ikunu post fejn vittmi ta’ vjolenza domestika jħossuhom milqugħin, fejn iħossu li jistgħu jidħlu f’kamra ma’ pulizija li tkun mħarrġa biżżejjed biex tikkonfronta vittma.
Għalkemm dan l-editorjal kien kritiku ħafna tal-Pulizija fil-każ tas-Sinjura Williams, dan ma jfissirx li aħna ma nifhmux li pulizija mhux social worker u allura mhux imħarreġ biex jiffaċċja dawn it-tip ta’ problemi, speċjalment jekk qatt ma ffaċċjahom qabel.
Għalhekk iktar milli nikkundannaw, nixtiequ nipproponu li kemm jista’ jkun malajr jibda taħriġ bis-serjetà.
Ta’ kif tiffaċċja lill-vittma, kif tkellimha, x’inhuma d-drittijiet tagħha u x’bidliet se ġġib il-liġi li bħalissa tinsab fis-stadju tat-tieni qari fil-Parlament.
Per eżempju l-Pulizija issa se jkollhom aktar saħħa li minflok joħorġu lill-vittma, joħorġu lill-agressur mid-dar.
Fit-teorija din hija xi ħaġa pożittiva għax sal-lum fil-verità qed nikkastigaw lill-vittma wara li tkun rabbiet il-kuraġġ biex titkellem u ngħidulha/u biex issib saqaf fuq rasha b’xi kera li ma tiflaħx tħallas u tgħix fl-akkarija. Imma fil-prattika, l-agressur irid imur xi mkien ukoll.
Daqs kemm qed toħloq problemi meta għandek vittma li jkollha titlaq mid-dar b’ta fuqha senduqha daqshekk ieħor jekk ikollok agressur. Jiġifieri għal darb’oħra għandna bżonn riżorsi għal dawk l-agressuri li jispġiċċaw barra mid-dar u m’għandhomx fejn jagħtu rashom, għall-inqas sakemm jinqata’ l-każ il-Qorti.
Jeħtieġ ikollna sistema sħiħa li dejjem qiegħda hemm biex tagħmel il-ħajja ta’ kull vittma ta’ vjolenza aħjar. Sistema illi fiha kull vittma tħossha aktar sigura u aktar kunfidenti li tiftaħ qalbha u tiftaħ ħalqha u titkellem dwar it-tbatijiet li kienet għaddejja minnhom.
Aħna se nkunu hemm għal dawk in-nisa kollha u għal dawk l-irġiel kollha li sfaw taħt il-madmad ta’ min jużahom bħala oġġett. Aħna fil-qadi ta’ dmirijietna, permezz tal-kelma miktuba
Għalhekk ‘Aħna’. ‘Aħna’ b’risposta għal dik il-mara fil-karikatura li qed tistaqsi min se jitkellem għaliha. Aħna se nitkellmu għaliha. Aħna bħala gazzetta ILLUM, aħna bħala midja, aħna bħala ċittadini, aħna bħala politiċi, aħna bħala Pulizija, aħna bħala Ġudikatura, aħna bħala pajjiż.
Aħna se nkunu hemm għal dawk in-nisa kollha u għal dawk l-irġiel kollha li sfaw taħt il-madmad ta’ min jużahom bħala oġġett.
Aħna fil-qadi ta’ dmirijietna, permezz tal-kelma miktuba u permezz tal-poter se nkunu tarka ta’ min qed jgħix f’terrur kuljum, kull ħin f’daru stess.
Għax jekk ma nkunux aħna li nitkellmu għall-batut u l-magħkus u l-vulnerabbli, mela min tridu jkun?
Il-pajjiż għandu bżonn Oppożizzjoni b’saħħitha
Bħal-lum ġimgħa ħareġ stħarriġ ieħor tal-gazzetta oħt Maltatoday. In-numri għall-Partit Nazzjonalista u Adrian Delia mhuma xejn jekk mhux kompletament atroċi. Fil-fatt dawn huma l-agħar riżultati għal mexxej politiku f’termini ta’ fiduċja u fost l-agħar riżultati ta’ stħarriġ għall-PN fl-aħħar snin.
Imma jekk se taħbat tibda togħrok idejk se tagħmel ħażin ħafna. L-agħar ħaġa li tista’ tiġri lil dan il-pajjiż, politikament, huwa li l-PN ma jqumx fuq saqajh u jkollna Gvern li prattikament m’għandux oppożizzjoni, jew oppożizzjoni rilevanti biżżejjed. Ma’ kull daqqa li jaqla’ l-PN qed taqla’ daqqa d-demokrazija. Għax m’hemm xejn, assolutament xejn pożittiv f’li jkollok Gvern qed jigverna mingħajr partit oppost li qed jassislu biżżejjed.
Adrian Delia għadu jibda. It-triq għalih se tkun twila u minkejja li bħalissa f’Tal-Pietà maltemp biss jidher li hemm, ċerti li ladarba jasserixxi iktar lilu nnifsu bħala kap jibda jidher ftit bnazzi.
Jekk verament inħobbu lil Malta demokratika qabel ma nħobbu lill-partit għandha tkun din ix-xewqa tagħna. Huwa fl-interess ta’ kulħadd li l-PN ma jibqax jogħtor fil-ħofra li bħalissa jinsab fiha.
Kieku qatt, allaħares qatt kellu ‘jmut’ il-PN inkunu bdejna ngħixu f’dittatura. Hekk trid? Le, hux...