Opinjoni | Skart żero sal-2050
Ir-riżorsi kollha għandhom ikunu konservati u la midfuna u l-anqas maħruqa
L-Istrateġija tal-Immaniġjar tal-Iskart għall-perjodu 2014-20 jistabilixxi l-2050 bħala d-data sa meta pajjiżna għandu jilħaq il-mira li ma jiġġenera l-ebda skart.
Fil-fatt l-ewwel mill-erba’ prinċipji tal-politika nazzjonali tal-iskart Maltija hi speċifikament li “nnaqqsu l-iskart u ma nħallux li jkun ġġenerat skart bl-iskop li sal-2050 nilħqu l-mira ta’ soċjetà bla skart” (“to reduce waste and to prevent waste occurring, with a view to achieving a zero-waste society by 2050” – paġna 14 tal-istrateġija Maltija).
Ikun għaqli li nkunu nafu li l-alleanza internazzjonali li tippromwovi l-iskart żero (Zero Waste International Alliance) tiddefinixxi din il-mira bħala waħda intenzjonata biex insegwu ċ-ċikli sostenibbli tan-natura li ma jiġġeneraw l-ebda skart.
Ir-riżorsi kollha għandhom ikunu konservati u la midfuna u l-anqas maħruqa. B’dan il-mod nevitaw kull theddida mit-tniġġis għall-art u għall-ħajja kemm dik umana u fl-istess ħin nipproteġu l-ħajja naturali.
Il-filosofija dwar żero skart hi għaldaqstant kemm strateġija kif ukoll sett ta’ għodda prattiċi li jfittxu li jeliminaw l-iskart u mhux biex inħokku rasna dwar x’ser nagħmlu bih. Il-punt allura huwa dwar x’ser nagħmlu biex inkomplu nnaqqsu u eventwalment neliminaw l-iskart li niġġeneraw.
Sostanzjalment dan ifisser bidla kulturali, li nqumu mir-raqda u nifhmu li qed ngħixu f’dinja fejn ir-riżorsi huma limitati. Wasal iż-żmien Ii nifhmu illi għandna ħtieġa nindirizzaw l-iżbilanċ ekoloġiku li nħoloq. Ħadd mhu ser ikun ta’ għajnuna biex nagħmlu dan: irridu nmiddu għonqna għax-xogħol u nkunu aħna li nindirizzaw din il-problema.
Fi triqitna lejn il-mira ta’ skart żero hemm pass wieħed li hu fundamentali u li jeħtieġ li jkun ippjanat sewwa. Dan hu li jkollna strateġija ċara u effettiva li tindirizza ir-riċiklaġġ.
L-ibliet u l-lokalitajiet fl-Ewropa li jħaddnu l-mira ta’ skart żero kontinwament juruna li r-riċiklaġġ jista’ jilħaq ċifra ta’ bejn it-80 u d-90%. Meta nżommu quddiem għajnejna, li, fl-aħjar ipotesi, f’Malta nirriċiklaw madwar 12% jfisser li nistgħu ntejbu l-ħidma tagħna sostanzjalment u dan billi ntejbu ċ-ċifra tar-riċiklaġġ b’ seba’ darbiet.
Kif nistgħu nagħmlu dan?
L-ewwel nett billi nwarrbu dawk li jidhru bħala soluzzjonijiet faċli, imma li fir-realtà ma jwasslu mkien. Il-proposta tal-Gvern ta’ politika dwar l-inċinerazzjoni li bħala riżultat tagħha 40% tal-iskart jinħaraq hi waħda li tfittex l-immaniġjar tal-iskart u twarrab fil-ġemb il-mira li tnaqqsu u eventwalment teliminah.
Il-fatt li għandna quddiemna proposta dwar l-inċinerazzjoni jfisser dikjarazzjoni ta’ falliment fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija dwar l-immaniġjar tal-iskart tliet snin biss wara li kienet reveduta fl-2014.
Fil-fatt, f’rapport dwar Malta li ħareġ fi Frar 2017, il-Kummissjoni Ewropea meta tħares lejn l-implementazzjoni ta’ miżuri ambjentali, tenfasizza li fil-qasam tal-immaniġjar tal-iskart hemm il-ħtieġa li niċċaqalqu għax qed nirriċiklaw ftit wisq u nibgħatu wisq skart fil-miżbla.
It-tieni pass għandu jkun li nassiguraw li jkun hemm konsistenza fil-politika ta’ pajjiżna dwar l-iskart.
L-Istrateġija Maltija dwar l-Immaniġjar tal-Iskart għandha l-kliem “A Resource Management Approach” bħala parti mit-titlu tagħha.
Bl-ebda tiġbid tal-immaġinazzjoni ma nistgħu naslu għal konklużjoni li l-proposta dwar l-inċinerazzjoni qatt tista’ tkun ikkunsidrata bħala waħda li tħares l-użu tar-riżorsi. Fil-fehma tiegħi l-politika dwar l-inċinerazzjoni hi riżultat ta’ paniku għall-fatt li ftit li xejn hawn spazju għal iktar miżbliet. L-affarijiet huma ċari: kif ser nilħqu l-mira tagħna biex is-soċjetà tagħna tkun waħda li sal-2050 ma tiġġenera l-ebda skart sal-2050?
Biex nilħqu dan l-oġġettiv kull ministru għandu jkun ministru għall-ambjent għax kull ministeru għandu rwol kemm biex jitnaqqas l-iskart li niġġeneraw kif ukoll kif ukoll biex insibu l-mod kif nistgħu nużaw mill-ġdid l-iskart iġġenerat mid-diversi attivitajiet ekonomiċi tal-pajjiż.
Dan għandu bla dubju jkun ta’ wġigħ ta’ ras mhux biss għall-Ministru tal-Ambjent Josè Herrera, imma wkoll għall-Ministri kollha b’mod partikolari għall-Ministri tat-Turiżmu u tal-Ekonomija.
Meta niflu l-miri tal-istrateġija dwar l-immaniġjar tal-iskart li ntlaħqu sal-lum mhix biss l-aġenzija Wasteserve li għandha tagħti sodisfazzjoni tal-ħidma tagħha. Huwa wkoll il-Ministru responsabbli mill-Ekonomija li għandu l-obbligu li jispjega dwar x’miżuri u inizjattivi ttieħdu biex tkun żviluppata l-ekonomija ċirkulari.
Dan hu l-punt fejn il-politika ambjentali u dik ekonomika jiltaqgħu. Huwa l-punt fejn għandna nwarrbu r-rettorika u nagħtu prijorità lir-riżultati li jew inkisbu inkella qegħdin fit-triq li niksbu.
Bl-istess mod wasal iż-żmien li l-Ministeru tat-Turiżmu jindirizza bis-serjetà l-iskart li hu ġġenerat mil-lukandi, barijiet u restoranti. Dan hu qasam li ma ngħatax l-attenzjoni mistħoqqa għal numru ta’ snin u qiegħed jikkawża problemi lil diversi lokalitajiet imxerrdin madwar Malta u Għawdex b’mod partikolari dawk madwar il-kosta.
Wasal iż-żmien li lkoll nifhmu li t-twettieq tal-politika ambjentali m’għandhiex tkun ristretta għall-kurituri tal-Ministeru tal-Ambjent. Hi ħidma li teħtieġ li ssir minn kull wieħed mill-Ministeri.