Editorjal | Kemm konna qrib...
Konna qrib li tittieħed deċiżjoni li tweġġa' lil Malta fl-ekonomija u l-postijiet tax-xogħol...lesti għall-futur?
Il-ġimgħa li għaddiet konna qrib ħafna.
Qrib li tittieħed deċiżjoni li tista’ tweġġa’ lil pajjiżna b’mod drastiku ħafna.
Tweġġa’ ’l-ekonomija, ħafna postijiet tax-xogħol u isem pajjiżna.
Minkejja li fit-3 ta’ Diċembru din il-gazzetta, wara kuntatt mal-Kummissjoni Ewropea, kienet żvelat kif Malta mhux se tkun fuq il-lista s-sewda tal-istess Unjoni Ewropea, kif fil-fatt ġara, din il-ġimgħa l-Parlament Ewropew kien vot wieħed biss ’il bogħod milli jirrakomanda li pajjiżna jkun meqjus bħala ‘tax haven’.
Hemm moviment dejjem jikber ta’ rappreżentanti tal-popli Ewropej fi Brussell li qed jaqblu mas-Soċjalisti illi l-profitti għandhom ikunu intaxxati
Dan kien ikun ifisser li s-settur finanzjarju Malti mhux biss ikun taħt il-lenti, imma wkoll li jaqla’ daqqa qawwija. Dan ikun ifisser li dan is-settur li jħaddem eluf ta’ nies u li jfisser qligħ ta’ miljuni għal pajjiżna jkun ipperikolat.
Huwa importanti li wara l-vot tal-ġimgħa li għaddiet, bħala pajjiż, nibdew tassew niddiskutu x’inhi t-triq ’il quddiem u ma nibqgħux naġixxu qisu ma ġara xejn.
L-ammont ta’ voti ugwali juri illi hemm reżistenza qawwija biex is-sistema li tħaddem Malta flimkien ma’ pajjiżi oħrajn ta’ rati favorevoli ta’ taxxa jibqgħu fis-seħħ. Jidher allura wkoll li hemm moviment dejjem jikber ta’ rappreżentanti tal-popli Ewropej fi Brussell li qed jaqblu mas-Soċjalisti illi l-profitti għandhom ikunu intaxxati fil-pajjiż fejn hemm l-operat u mhux f’pajjiż ieħor fejn ir-rati ta’ taxxa huma iktar favorevoli.
Dan kollu jfisser illi għall-ewwel darba u aktar minn qatt qabel qed tkun sfidata l-awtonomija li s’issa stati membri kellhom fil-qasam tat-tassazzjoni.
Din minnha nnifisha hija realtà li bħala pajjiż irridu naffaċċjaw u nibdew niddiskutu. Bħala parti minn din l-għaqda ta’ pajjiżi, li fir-realtà għandha elementi qawwijin favur il-federaliżmu, pajjiżna jaqbel illi kull pajjiż ikun jista’ biss joffri jew jitlob ħlas tal-istess rata ta’ taxxa?
Mhux biss taxxa għal min jopera jew ikollu l-indirizz tal-kumpanija f’pajjiżna, imma wkoll rata komuni ta’ taxxa fuq is-servizzi, ngħidu aħna? Dawn l-affarijiet jeħtieġ niddiskutuhom u jeħtieġ ukoll li nkunu nafu eżattament fejn jinsabu ż-żewġ partiti fuq din il-kwistjoni.
Imma lil hinn mis-servizzi finanzjarji u l-attentati kważi ta’ suċċess biex isem Malta jitniżżel fuq lista xejn dinjituża, ta’ min nistaqsu wkoll jekk bħala pajjiż aħniex qed inħarsu lil hinn minn dan is-settur.
Qed nikbru biżżejjed u noħolqu biżżejjed niċeċ ekonomiċi ġodda biex jekk jiġri dak li ħadd ma jixtieq li jiġri jkollna x’jilqa’? Qed naraw li dawk in-niċeċ li qed noħolqu qed iħallu l-frott mixtieq?
Dawn huma kollha niċeċ ekonomiċi ġodda li kienu u għadhom parti mill-fatt illi l-ekonomija sejra tajjeb u parti mill-fatt li l-ekonomija ma marritx daqstant ħażin meta kellna l-kriżijiet madwarna
Illum niftaħru bis-servizzi finanzjarji u l-fatt li pajjiżna attira mijiet ta’ investituri u kumpaniji, speċjalment fil-gaming u li jħaddmu eluf ta’ nies. Niftaħru li ġibna lejn pajjiżna diversi kumpaniji farmaċewtiċi, li għal darb’oħra jħaddmu eluf ta’ nies. Pajjiżna jiftaħar bil-fatt illi fl-aħħar snin fetaħ il-bibien għall-kumpaniji tal-avjazzjoni, biex hawn ukoll qed jitħaddmu eluf ta’ nies.
Dawn huma kollha niċeċ ekonomiċi ġodda li kienu u għadhom parti mill-fatt illi l-ekonomija sejra tajjeb u parti mill-fatt li l-ekonomija ma marritx daqstant ħażin meta kellna l-kriżijiet madwarna.
U allura fid-dawl tal-fatt illi wieħed minn dawn is-setturi qed jiffaċċja theddida reali u serja b’reżistenza mill-UE għandu jiftħilna għajnejna u jġegħelna mhux biss niddiskutu u nipproteġu s-servizzi finanzjarji, imma wkoll inħarsu lejn oqsma ġodda u sostenibbli ta' kif jista' jinħoloq il-ġid u postijiet tax-xogħol ta’ kwalità.
Xi darba jista’ jkun li tibda nieżla x-xita, għandna umbrella tajba biżżejjed għal dakinhar?