Opinjoni | Evażjoni tat-taxxa inkoraġġuta
Filwaqt li AD ma taqbilx ma’ proposti ta’ armonizzazzjoni tat-taxxa għax iwasslu biex il-vantaġġ kompetittiv jintrema, isostni li dan il-vantaġġ għandu jintuża b’mod responsabbli
Malta bħala pajjiż li jinkoraġixxi l-evażjoni tat-taxxa kien punt li reġa’ tqajjem fid-diskussjoni li kien hemm fil-Parlament Ewropew.
Dan seħħ bħala riżultat ta’ emenda li tressqet għar-rapport ta’ inkjesta dwar il-Panama Papers iktar kmieni din il-ġimgħa. L-emenda li kienet megħluba bi ftit kienet tinkludi lill-Malta, lil-Lussemburgu, lill-Irlanda u lill-Olanda fil-lista ta’ dawk il-pajjiżi deskritti bħala tax havens, fejn l-evażjoni tat-taxxa hi inkoraġġuta.
L-affarijiet huma fir-realtà kkumplikati ftit iktar minn hekk. Min-naħa l-waħda hemm il-kompetizzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni u min-naħa l-oħra hemm il-ħtieġa ta’ dejjem iktar ġustizzja fl-applikazzjoni tal-politika ta’ tassazzjoni.
Intqal bosta drabi li l-kompetizzjoni fit-tassazzjoni hi waħda mill-ftit oqsma fejn il-pajjiżi ż-żgħar kif ukoll il-pajjiżi fil-periferija tal-Unjoni Ewropea għandhom vantaġġ kompetittiv. Filwaqt li Alternattiva Demokratika ma taqbilx ma’ proposti ta’ armonizzazzjoni tas-sistemi ta’ tassazzjoni fl-Unjoni Ewropea għax iwasslu biex dan il-vantaġġ kompetittiv jintrema, isostni li dan il-vantaġġ għandu jintuża b’mod responsabbli.
Ir-regoli li jippermettu r-refużjoni ta’ ammonti sostanzjali ta’ taxxa mħallsa minn kumpaniji f’Malta b’sidien barranin hi raġuni ewlenija għal din l-attenzjoni tal-Parlament Ewropew. B’dan il-mod it-taxxa li effettivament titħallas minn dawn il-kumpaniji tonqos minn 35% għal sempliċi 5% tal-qligħ. Ovvjament dawn il-kumpaniji jsibu dan it-tnaqqis attraenti ħafna.
Il-mistoqsija li teħtieġ tweġiba ċara hi dwar kemm hemm minn dawn il-kumpaniji li qed jibbenenfikaw mit-tnaqqis ta’ taxxa huma letter-box companies, jiġifieri kumpaniji li kull m’għandhom f’Malta hu indirizz mingħajr l-ebda parti tal-ħidma tagħhom ma jkollha bażi f’Malta jew Għawdex.
Ikun ferm raġjonevoli li jkunu mħajra kumpaniji biex jibbażaw tal-inqas parti mill-ħidma tagħhom hawn u li bħala riżultat ta’ dan ikunu jistgħu jibbenefikaw minn xi benefiċċji fit-tassazzjoni. Imma li jkun possibli li kumpaniji b’sidien barranin jiġu Malta biex jibbenefikaw minn taxxi baxxi mingħajr ma jġibu tal-inqas parti żgħira mill-operat tagħhom la hu raġjonevoli u lanqas ma huwa ġust.
Għax dan iwassal biex dawn il-kumpanji jevitaw il-ħlas ta’ taxxi dovuti fil-pajjiżi fejn fil-fatt qed jiġġeneraw il-profitti. Bħala riżultat ta’ dan ikunu qed jaħarbu mir-responsabbiltajiet soċjali tagħhom li jħallsu t-taxxi f’dawk il-pajjiżi li qed jipprovdulhom il-faċilitajiet li bħala riżultat tagħhom hu possibli li jiġġeneraw il-ġid u jagħmlu l-profitti.
Fi ftit kliem Malta qed tipprovdi l-qafas legali ħalli dawn il-kumpaniji jkunu jistgħu jevadu t-taxxa f’pajjiżhom u dan billi jkun faċilitat li jħallsu farka mit-taxxi dovuti, iħallsu din il-farka lill-kaxxa ta’ Malta u l-bqija jżommuhom huma.
Li ninħbew wara r-regola tal-Unjoni Ewropea li tirrikjedi l-unanimità f’materji ta’ taxxi mhu ser iwassalna mkien, kif skopriet l-Irlanda fil-każ dwar it-taxxi li evadiet il-Korporazzjoni Amerikana Apple.
Fl-aħħar dan mhux biss każ dwar taxxi. Jinvolvi wkoll regoli dwar il-kompetizzjoni kif ukoll regoli dwar l-għajnuna mill-istat (state aid). Għax il-qafas legali li jippermetti l-evażjoni tat-taxxa mhu xejn għajr mekkaniżmu li jiffaċilita għajnuna mill-istat: l-istat jgħinek tevadi t-taxxi dovuti. Hi wkoll materja ta’ ġustizzja soċjali permezz ta’ ħlas tat-taxxi li huma dovuti fejn ġew iġġenerati l-profitti.
Il-kompetizzjoni fil-qasam tat-taxxa għandha rwol sinifikanti bħala għodda li kemm il-pajjiżi żgħar kif ukoll il-pajjiżi fil-periferija tal-Ewropa għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom. Ħadd m’għandu jistenna li dawn il-pajjiżi jarmu dan il-vantaġġ żgħir li għandhom imma fl-istess waqt għandu jkun ċar li dan għandu jkun utilizzat b’mod responsabbli.
B’mod partikolari m’għandux jitħalla li jkun hemm abbuż mill-kumpaniji multinazzjonali li ħsiebhom biss kif ser jevitaw it-taxxi li għandhom l-obbligu li jħallsu.
Il-profitti għandhom ikun intaxxati fejn ikunu ġġenerati u mkien ieħor. L-Unjoni Ewropea għandha tkun il-katalist biex il-pajjiżi membri jagħlqu t-toqob fis-sistemi tat-taxxi tagħhom. Fuq kollox il-pajjiżi membri kollha, Malta inkluża, m’għandhomx jibqgħu jinkoraġixxu l-evażjoni tat-taxxi bl-iskop li parti mit-taxxi dovut f’pajjiż ieħor jinġabar minnhom!
Li jitħallsu t-taxxi fil-pajjiż fejn dawn ikunu dovuti jkun ifisser iktar fondi biex ikunu mantnuti s-servizzi u l-infrastruttura tant meħtieġa fid-dinja tal-lum għax numru ikbar ta’ kumpaniji jkunu kostretti jħallsu dak kollu li hu dovut minnhom.
Il-kompetizzjoni fil-qasam tat-taxxa m’għandhiex tfisser l-inkoraġġiment tal-evażjoni tat-taxxa. Għax preżentement, sfortunatament dak li tfisser.