Biografija | Anton Tabone: Il-Pont bejn Għawdex reġjun u Malta nazzjon
Kien l-ewwel Ministru ta’ Għawdex, kien Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, kien Aġent President u missieru kien jismu eżatt bħalu – Anton Tabone u l-ħajja politika tiegħu
Kienu diversi l-personaġġi politiċi li ħarġu fi ktieb l-awtobijografija tagħhom jew li xi awtur kiteb il-biografija tagħhom. Il-ktieb “Anton Tabone – Il-Pont Bejn Għawdex Reġjun u Malta Nazzjon” huwa tip ta’ ktieb differenti li għalkemm it-tema prinċipali tiegħu huwa l-persuna ta’ Anton Tabone bħala politiku u persuna pubblika importanti, l-argument prinċipali hu propju l-kunċett ta’ Għawdex bħala reġjun u l-importanza t’Għawdex bħala gżira reġjun fil-Arċipelagu Malti, milli sempliċiment distrett elettorali bħall-oħrajn.
Dan il-ktieb ta Sergio Grech Kite hu msejjes fuq id-diskorsi li Anton Tabone għamel fil-ħajja twila tiegħu ta’ rappreżentant t’Għawdex fil-Parlament Malti u diskorsi oħra importanti li hu għamel fil-funzjoni tiegħu ta’ Ministru Għal Għawdex u fuq numru t’artikli li kiteb fir-revista “Il-Ħajja f’Għawdex”.
Mhux dejjem kellu l-appoġġ tal-kollegi...
Sa minn meta beda l-ħajja pubblika tiegħu fl-1966 bħala deputat Anton Tabone dejjem poġġa lil Għawdex l-ewwel u qabel kollox fuq l-aġenda tiegħu. Anton Tabone ġej mid-“dinastija Tabone” għax kompla fejn ħalla missieru t-tabib Anton Tabone jew kif kien magħruf “Il-Prinċipal” u flimkien ma’ zijuh, ħu missieru, Ċensu Tabone magħruf bħala Ċensinu li wkoll kien protagonist fil-politika għal nofs seklu.
Fil-politika, fejn il-klijentaliżmu huwa parti integrali u mezz ta’ kif kandidat jirbaħ il-voti, din l-attitudni taħdem kontra dak il-kandidat li ipoġġi l-ġid komuni qabel l-interessi tal-votanti individwali. Dan ma jfissirx li Anton ma kienx jgħin lill-kostitwenti tiegħu imma kemm dam membru parlamentari għal 42 sena sħaħ, dejjem poġġa l-ġid t’Għawdex l-ewwel u qabel kollox.
Skont Anton stess, “Għawdex jixraqlu serjetà u jixraqlu li jkollu rappreżentanti tiegħu serji u li jitkellmu b’serjetà”. Anton mhux dejjem sab l-appoġġ anke minn sħabu stess fl-istess partit għat-twettieq tal-proġetti tiegħu. Anton kien iqis lilu nnifsu kif jgħid Ugo Mifsud Bonniċi fil-daħla tal-ktieb, bħala politiku nazzjonali u mhux biss sempliċiment deputat li jirrappreżenta l-interessi t’Għawdex.
Fil-ħsieb tiegħu Anton kien jemmen li dak li hu kien jipproponi għal Għawdex ma kienx biss għal ġid ta’ Għawdex imma għal Malta kollha. Tabone bħala rappreżentant t’Għawdex fil-Parlament u aktar meta kien membru tal-Kabinett tkellem u rsista biex l-ideat tiegħu mhux biss ikunu mismugħa, imma wkoll ikunu mwettqa u jsiru realtà biex il-ħajja tal-Għawdxin titjieb u Għawdex ma tibqax “l-art tal-missjoni” imma jsir reġjun fejn jista’ jsir ċertu “investiment li jirrendi”.
Għawdex m’għandux jibqa’ jiddependi fuq Malta u kien kontra l-idea li “m’għandekx tiddupplika f’Għawdex dak li diġà jeżisti f’Malta”.
L-ewwel Ministru għal Għawdex
Mhux talli hekk, talli Anton dejjem ħadem biex jintroduċi servizzi ġodda f’Għawdex. Dan kien possibbli bit-twaqqif tal-Ministeru Għal Għawdex u Anton Tabone kien l-ewwel Ministru Għal Għawdex u mhux t’Għawdex! Permezz tal-Ministeru sar titjib sostanzjali, iktar indafa, tisbieħ ta’ roundabouts u attenzjoni immedjata għall-problemi li jinqalgħu.
L-attitudni ta’ ħutna l-Maltin lejna l-Għawdxin minn dejjem kienet waħda superjuri. Fil-Kabinett mhux dejjem kellu l-appoġġ tal-Ministri l-oħra, imma bil-perswasjani tiegħu u l-argumenti sodi kien jirnexxilu jipperswadi anke lil dawk li ma kinux jeħduh bis-serjetà u għalhekk ma kinux jaħsbu li ser jasal.
Wieħed mill-kollegi tiegħu fil-Kabinett li dejjem emmen f’Anton kien Ugo Mifsud Bonnici li kif stqarr fid-daħla tal-ktieb kien jikkonsidra lil Anton Tabone bħala politiku nazzjonali u għalhekk tah l-appoġġ tiegħu.
Anton Tabone wera viżjoni meta fetaħ il-Kampus tal-Università f’Għawdex u bdew isiru diversi korsijiet fuq bażi part time u hekk l-Għawdxin li ġa kellhom impjieg kellhom l-opportunità biex ikomplu jistudjaw fuq livell terzjarju f’Għawdex stess.
Tabone u l-bini tal-lukanda San Lawrenz
L-ambjent minn dejjem kien għal qalb Anton Tabone u kull meta ppropona xi proġett għal Għawdex dejjem wera rispett lejn l-ambjent. Fl-istess ħin Anton qatt ma ried iżomm lil Għawdex bħala “presepju”. Huwa kien jemmen li għandu jkun hemm bilanċ bejn żvilupp u ambjent dak li llum jissejjaħ żvilupp sostenibbli.
Eżempju tipiku, huwa meta saret talba lid-Dipartiment tal-Ambjent li kien taħt ir-responsabbiltà ta’ Ugo Mifsud Bonnici biex tinbena lukanda lussuża ġdida f’San Lawrenz. Meta saret l-applikazzjoni lill-Awtorità tal-Ippjanar din qalet li din iż-żona ma kellhiex tinbena jew tiġi utilizzata għat-turiżmu.
Anton Tabone naturalment iddefenda l-applikazzjoni u bl-għajnuna ta’ xi qaddis jew tnejn fil-Kabinett irnexxielu jġib konsensus fil-Kabinett biex dan jitlob lill-Awtorità tal-Ippjanar biex tbiddel id-deċiżjoni tagħha u tagħti l-fiat tagħha biex il-lukanda tinbena f’San Lawrenz f’żona barra r-raħal, ma tagħtix fl-għajn u ma kinitx tokkupa raba’ saqwi u fuq kollox kellha disinn li jidħol sewwa fil-pajsaġġ.
Barra minn hekk dan il-proġett li kien ser iġib qabża fil-kwalità fit-turiżmu f’Għawdex u numru ta’ mpiegi għall-Għawdxin,
L-Għawdxin daqs il-Maltin
Il-messaġġ rikorrenti f’din il-bijografija huwa ċar: “l-Għawdxin daqs il-Maltin”. Kemm jekk inti pazjent li għandek bżonn kura, kemm jekk inti student jew ħaddiem għandu jkollok l-istess trattament, opportunitajiet ta’ studju u xogħol daqs kull pazjent, student u ħaddiem Malti. Qabel kien hemm l-idea li jekk hemm servizzi ta’ sptar f’Malta, l-Għawdxin għandhom jagħmlu użu minnhom u f’Għawdex m’hemmx bżonn ta’ sptar kbir.
Dan l-argument Anton Tabone ma kien jaqbel miegħu xejn u llum nafu li mhux talli Għawdex ser ikollu sptar ġdid u modern, imma università medika ta’ isem u reputazzjoni internazzjonali.
'Wieħed mill-kollegi tiegħu fil-Kabinett li dejjem emmen f’Anton kien Ugo Mifsud Bonnici li kif stqarr fid-daħla tal-ktieb kien jikkonsidra lil Anton Tabone bħala politiku nazzjonali Il-messaġġ rikorrenti f’din il-bijografija huwa ċar: “l-Għawdxin daqs il-Maltin'
Minkejja dan u ħafna tibdil ieħor li sar minn gvernijiet diversi, skont Anton Tabone: “sfortunatament ċerti diskrepanzi u nuqqasijiet għadhom jeżistu llum ukoll, anke jekk b’doża u b’intensitferm inqas minn qabel.”
Tabone jkompli jgħid li “qabel mal-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-gżira Għawdxija jibda jilħaq u jlaħħaq mal-livell ta’ Malta biex b’hekk jintlaħaq standard ta’ għixien nazzjonali wieħed, il-battalja favur Għawdex trid tkompli bil-mezzi kollha leċiti ħalli fl-aħħar jiġi stabbilit fil-kuxjenza tal-pubbliku u darba għal dejjem dan l-għarfien fundamentali.”
Dan il-prinċipju ta’ status reġjonali għal Għawdex huwa importanti ħafna għax jagħmel lil Għawdex differenti fil-kuntest tiegħu bħala parti mill-gżejjer Maltin.
Dan il-kunċett biex iseħħ kompletatment jirrekjedi tibdil fil-liġijiet tal-pajjiż u anke fil-Kostutizzjoni ta’ Malta biex tinħoloq entità ġdida ta’ gvern reġjonali għal Għawdex. Dan il-gvern reġjonali jkollu l-awtonomija f’ċerti oqsma u baġit għalih.
Għawdex żamm l-identità tiegħu minħabba l-fatt li huwa gżira maqtugħa għaliha
Fil-ktieb il-kwistjoni ta’ għaqda permanenti bejn il-gżejjer permezz ta’ pont jew mina ma tissemmiex. Għawdex huwa differenti minn postijiet oħra f’Malta għax hemm il-baħar jaqsam. Din id-daqsxejn baħar jagħmel id-differenza kollha u joħloq dik li jsejħulha insularità doppja bl-iżvantaġġi kollha tagħha.
F’dan il-ktieb Anton Tabone mkien ma tkellem dwar din l-għaqda u għalhekk ma nistgħux inkunu nafu l-opinjoni tiegħu. Min-naħa l-oħra skont Tabone, Għawdex żamm l-identità tiegħu minħabba l-fatt li huwa gżira maqtugħa għaliha.
Skont stħarriġ li sar il-maġġoranza tal-Għawdxin huma favur l-għaqda bejn il-gżejjer u ħafna Għawdxin jemmnu li jekk din issir ħafna mill-iżvantaġġi li għandna ser jonqsu u l-iżvilupp ekonomiku u soċjali t’Għawdex ser imur għall-aħjar.
Oħrajn jemmnu li jekk issir il-mina jew pont Għawdex ser jitlef ħafna mill-karaetteristiċi tiegħu. Il-mistoqsija tiegħi hija din: Jekk issir din l-għaqda permanenti ser nibqgħu nħarsu lejn Għawdex bħala reġjun? Ċertament l-argument tal-insularità doppja ser jisparixxi. Kien ikun interessanti kieku l-awtur poġġa dan il-fatt quddiem Anton Tabone biex jagħti l-viżjoni tiegħu f’dan ir-rigward.
Il-ktieb jagħmel rapport tajjeb tal-proġetti, is-servizzi u l-inizjattivi soċjali u kulturali kollha li Anton Tabone wettaq bħala Ministru għal Għawdex, il-problemi li kien jaffaċċja biex dawn seħħu u l-ħsibijiet tiegħu wara dawn l-proġetti u l-importanza tagħhom mhux biss għal Għawdex, imma wkoll għal Malta kollha.
Permezz ta’ dawn il-proġetti, id-dehra t’Għawdex u l-ħajja tal-Għawdxin tjiebet ħafna.
Din hija l-istorja ta’ Anton Tabone u ħidmietu b’risq Għawdex u sa ċertu punt l-istorja ta’ Għawdex ta’ żmienna.