Opinjoni | Ċaħda tal-Intolleranza
Il-weġgħa tal-familji ta’ Karin Grech u Raymond Caruana hi ferm ikbar minn weġgħa privata kkawżata minn telfa ta’ bint jew iben, ħajja innoċenti ta’ żagħżugħ jew żagħżugħa. Hi weġgħa tal-pajjiż kollu.
Nhar il-Ħamis li għadda, flimkien ma’ uffiċjali oħra tal-Alternattiva Demokratika, attendejt fil-lokalità ta’ San Ġwann għal ċerimonja qasira imma simbolika li tfakkar l-40 anniversarju tal-qtil ta' Karin Grech b’ittra bomba nhar it-28 ta' Diċembru tal-1977.
Din iċ-ċerimonja kienet organizzata mill-Partit Laburista, u ilha tkun organizzata sena wara l-oħra sa mill-1978.
Iktar kmieni matul dan l-istess xahar għamilt l-istess fil-Gudja fil-wieħed u tletin anniversarju tal-qtil ta’ Raymond Caruana, ċerimonja dakinnhar organizzata mill-Partit Nazzionalista.
Il-parteċipazzjoni tiegħi u tal-Alternattiva Demokratika fiż-żewġ ċerimonji ta’ kommemorazzjoni ma saritx biex iżżomm xi bilanċ artifiċjali imma għax hu meħtieġ li dawn il-ġrajjiet infakkruhom flimkien. Possibilment ilkoll flimkien.
Huwa hekk biss li jista’ jasal ċar u bl-aħjar mod il-messaġġ taċ-ċaħda tal-intolleranza. Sakemm il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista jibqgħu jagħmlu l-kommemorazzjoni għal rashom ser nibqgħu lura. Nittama li ma nistennewx wisq li nħottu l-firdiet partiġjani biex flimkien niftakru f’dawk li l-intolleranza ħasditilhom ħajjithom.
Il-weġgħa tal-familji ta’ Karin Grech u Raymond Caruana hi ferm ikbar minn weġgħa privata kkawżata minn telfa ta’ bint jew iben, ħajja innoċenti ta’ żagħżugħ jew żagħżugħa. Hi weġgħa tal-pajjiż kollu.
Hi għalhekk weġgħa tagħna lkoll. Ilkoll flimkien għandna l-obbligu li niftakru f’dak li wassal għall-qerda ta’ ħajjithom bit-tama li nagħmlu ħilitna biex ma jkunx hemm ripetizzjoni.
Hu għalhekk importanti li bil-preżenza tagħna f’dawn il-kommemorazzjonijiet nagħtu xhieda taċ-ċaħda tal-intolleranza billi nħottu biċċa oħra, anke jekk żgħira, tal-ħajt li jifred dan il-pajjiż fi tribujiet ostili.
Dan hu pajjiż li kapaċi jalterna bejn mumenti ta’ solidarjetà eċċezzjonali ma’ mumenti ta’ ostilità bla qies. Mumenti ta’ sensittività għal dak li għaddej minnu ħaddieħor u waqtiet ta’ vjolenza bla qies. Kuntrarjament għal dak li jgħidu, din hi r-realtà tal-pajjiż.
Iż-żewġ avvenimenti li kkomemorajna dan ix-xahar huma differenti fis-sens li huma frott ta’ ċirkustanzi kompletament differenti li żviluppaw fil-pajjiż fuq spazju ta’ għaxar snin bejn l-1977 u l-1987.
Il-qtil ta’ Karin Grech hu bla dubju assoċjat mat-tilwima industrijali tal-Gvern mat-tobba, liema tilwima damet tkarkar snin twal. Il-qtil ta’ Raymond Caruana min-naħa l-oħra hu frott it-tensjoni politika li żviluppat fil-pajjiż fil-bidu tas-snin tmenin u li bħala riżultat tagħha kien hawn ġgajtiet ta’ bulijiet li ppretendew li jagħmlu li jridu.
Is-similarità bejn il-każi hi l-ħasda ta’ ħajjiet innoċenti u l-fatt li l-investigazzjoni tal-Pulizija baqgħet mhux konkluża. Mhux għax il-Pulizija ma ppruvawx! Tant ippruvaw li f’każ minnhom anke ppruvaw frameup bħalma jixhed il-każ ta’ Pietru Pawl Busuttil.
Imma fortunatament dak hu passat, li fuqu għaddew iktar minn 30 sena! Nittama li jibqa’ passat u li niftakru fih biss biex nippruvaw nifhmu fejn wasslet l-intolleranza fostna.
Differenzi fostna ser jibqa’ jkollna. Uħud naslu biex insolvuhom imma oħrajn jibqgħu jkarkru. Irridu nagħmlu sforzi ikbar biex dawn id-differenzi ma nħalluhomx jikbru u nippruvaw insolvuhom b’metodi ċivili.
Id-differenzi fil-fehmiet jissolvew biss bid-djalogu u d-diskussjoni li għandhom ikunu u jibqgħu l-pern tal-proċess demokratiku. Il-vjolenza u azzjonijiet li jwasslu għaliha qatt ma jistgħu jitħallew jgħollu rashom.