Opinjoni | Piramida inġusta
Wieħed ma jistax jinjora l-fatt illi wieħed minn kull elf Malti spiċċa jiekol għand il-Caritas dan il-Milied.
Laqtuni tassew ċertu figuri din il-ġimgħa. Fosthom l-440 ruħ illi marru għall-pranzu illi l-Caritas żammet nhar il-Milied: min għax ma kellux biex jiekol u min għax ma kellux kumpanija. Kien hemm anke min ilmenta illi ġie abbandunat minn uliedu, fenomenu illi f’dawn iż-żminijiet jgħolli rasu aktar.
Wieħed ma jistax jinjora l-fatt illi wieħed minn kull elf Malti spiċċa jiekol għand il-Caritas dan il-Milied.
Din il-ġimgħa qattajt xi jiem Katanja. Katanja hija paragunabbli ma’ Malta f’bosta aspetti: għalkemm il-populazzjoni tal-belt propja hi ta’ xi 315,000, iż-żona metropolitana fiha madwar 750,000 ruħ. Hemmhekk ukoll organizzaw diversi pranzi tal-Milied għall-fqar u min m’għandux fejn joqgħod.
B’kollox, xi 1,200 ruħ spiċċaw jieklu f’dawn il-pranzi. F’Katanja, bħal f’ħafna bliet oħra, tara bosta nies jittalbu kif ukoll nies illi jorqdu barra.
F’Malta wkoll qed nerġgħu naraw min jittallab fit-toroq għalkemm mhux daqs fi bliet barranin. U qed nisimgħu wkoll b’nies illi m’għandhomx fejn joqogħdu. Jidher illi l-problemi li qed naffaċjaw mhumiex uniċi għalina. U jidher ukoll illi Malta m’għadhiex iżolata minn fenomeni li qed jaffliġġu pajjiżi oħra kif forsi xi darba kien il-każ.
Dana minkejja illi figuri oħra jagħtu stampa ferm differenti. Din il-ġimgħa, l-Istrina ġabret somma rekord ta’ fuq minn €6m. Barra minn hekk, il-Bank Ċentrali stqarr illi l-ekonomija Maltija kellha waħda mill-ogħla rati ta’ tkabbir ekonomiku fiż-żona ewro fl-ewwel sitt xhur tas-sena, tkabbir ta’ 6.4% tal-Prodott Gross Domestiku.
F’Malta wkoll qed nerġgħu naraw min jittallab fit-toroq għalkemm mhux daqs fi bliet barranin. U qed nisimgħu wkoll b’nies illi m’għandhomx fejn joqogħdu Joe Ellis
Il-Bank Ċentrali rrapporta wkoll illi l-finanzi tal-gvern komplew jitjiebu bid-dħul jaqbeż l-infiq b’2% tal-PGD fit-tieni kwart tas-sena mentri l-proporzjon ta’ dejn għall-PGD naqas aktar għal 56.8%. Dawn huma tnejn mill-kriterji ta’ Maastricht illi Malta qiegħda tilħaq fil-wisgħa. Il-qagħad ukoll kompla jinżel għal 4.1% u qatt ma kien anqas baxx milli kien f’nofs din is-sena.
Allura b’ekonomija illi ħażin jew tajjeb għaddejja b’ritmi sfrenati, kif għandna dawn l-episodji ta’ faqar, ta’ nies li m’għandhomx biex jieklu, illi jiddependu fuq il-food banks tal-knejjes sabiex jgħixu jew l-anqas għandhom fejn joqogħdu speċjalment meta l-kirjiet għolew daqstant? Qed ngħixu f’epoka ta’ ġid illi d-dinja qatt ma rat bħalha qabel.
Minkejja dan, u minkejja l-istrutturi ta’ servizzi soċjali illi s-soċjetajiet moderni għandhom, jidher illi s-soċjetà mhix tieħu ħsieb kulħadd u bosta qed jispiċċaw jaqgħu lura. Tassew illi hawn min iġib il-problemi b’idejh, min jaqa’ fil-vizzju tad-droga, tax-xorb jew tal-logħob jew min jirrikorri għall-użura sabiex mingħalih jipprova jsolvihom.
Imma hawn ħafna illi jispiċċaw bil-problemi intortament: f’moħħi spiss jiġuni dawk in-nisa illi niltaqa’ magħhom illi jiġu abbandunati mill-irġiel tagħhom flimkien mat-tfal komuni, nisa li spiss ma jkunux jaħdmu. Kif ukoll min jimrad jew imur ħażin fin-negozju jew anke jispiċċa bla xogħol għal xi raġuni jew oħra.
Darba fid-dinja tal-punent kien hawn kunsens illi soċjetà għandha tkun mhux biss ġusta imma anke ħanina u tieħu ħsieb min jaqa’ lura. Dan it-twemmin nissel il-‘welfare state’, l-idea illi l-istat għandu jieħu ħsieb iċ-ċittadin mit-twelid sal-mewt. Illum għalkemm dan il-kunċett għadu jiġi applikat f’bosta u bosta pajjiżi, donnu illi qed niżgarraw u ma nagħtux biżżejjed attenzjoni għall-mod kif qed nieħdu ħsieb min tassew jeħtieġ l-idea ħanina tal-istat.
Irridu niftehmu sew: din il-kolonna bl-ebda mod ma tapprova min jabbuża mis-servizzi soċjali u jilgħab is-sistema għall-iskopijiet ta’ moħħu. Bl-ebda mod wieħed ma japprova b’min jew hu għażżien u ma jrid jagħmel xejn jew jinħeba wara s-servizzi soċjali biex jaħbi d-dħul vera tiegħu.
Imma għalkemm l-Istat għandu jkun iebes u viġilanti ma’ min jabbuża, ma jistax jittraskura min verament hu fil-bżonn, min ġenwinament ma jistax jibqa’ fuq saqajh. U min dawn il-każijiet hawn bil-bosta.
Figuri oħra li dehru f’dawn il-ġimgħat juru kemm l-inugwaljanza fid-dinja qiegħda dejjem tikber, b’mod allarmanti u b’mod illi qiegħda żżid t-tensjoni soċjali. Dina l-kolonna la taqbel mal-vot li beda l-proċess ta’ Brexit u l-anqas mal-elezzjoni ta’ Trump.
f’moħħi spiss jiġuni dawk in-nisa illi niltaqa’ magħhom illi jiġu abbandunati mill-irġiel tagħhom flimkien mat-tfal komuni, nisa li spiss ma jkunux jaħdmu. Kif ukoll min jimrad jew imur ħażin fin-negozju Joe Ellis
Madankollu, wieħed jirrikonoxxi illi dawn il-voti sfortunati illi ser ikabbru l-problemi fid-dinja huma l-frott ta’ frustrazzjoni dejjem tikber ta’ faxxa dejjem tikber ta’ nies li mhumiex igawdu mill-ġid tas-soċjetà u li qed iħossuhom dejjem jaqgħu lura. U dan prinċipalment minħabba l-inugwaljanza dejjem tikber, prinċipalment minħabba s-sistema tat-taxxa li qed tiġi adottata kif ukoll il-mod kif min hu b’saħħtu jirnexxielu b’xi mod jew ieħor inaqqas il-piż fiskali tiegħu.
Il-figuri illi ssemmew din il-ġimgħa jbelhuk. Il-500 persuna l-aktar sinjura tad-dinja żiedu l-ġid tagħhom bi $1tn (€850bn) din is-sena, l-aktar minħabba żieda qawwija fil-valur tal-boroż ta’ madwar id-dinja matul din is-sena. Skont l-indiċi tal-biljunarji ta’ Bloomberg, dawn il-persuni raw il-ġid tagħhom jiżdied bi 23% matul din is-sena u jiswew flimkien $5.3tn.
Skont rapport ta’ Credit Suisse, 1% tan-nies l-aktar sinjuri fid-dinja kellhom f’idejhom 42.5% tal-ġid globali fl-eqqel tal-kriżi finanzjarja fl-2008 imma llum għandhom 50.1% jew $130tn.
Mill-banda l-oħra, 3.5bn mill-aktar nies foqra għandhom anqas minn $10,000 f’assi u 70% min-nies li jaħdmu għandha anqas minn 2.7% tal-ġid globali. Skont rapport ieħor, il-World Inequality Report li ppubblika l-ekonomista magħruf Franċiż Thomas Picketty, mill-1980 ’l hawn, l-aktar 0.1% nies sinjuri tad-dinja żiedu l-ġid totali tagħhom daqs l-ifqar 50%, jiġifieri 3.8bn ruħ. Hu kkalkulat ukoll illi l-1% tan-nies l-aktar sinjuri tad-dinja ħadu 27% taż-żieda fil-ġid li nħoloq bejn l-1980 u l-2016.
U l-figuri jindikaw illi teżisti piramida li permezz tagħha min qiegħed fil-quċċata tagħha qiegħed dejjem jaħtaf aktar miż-żieda fil-ġid li d-dinja qiegħda toħloq. L-0.1% ta’ fuq nett, xi 7m ruħ iggwadanjaw 13% mentri l-0.001% ta’ fuq fuq nett, xi 76,000 ruħ, ikkapparraw 4% tal-ġid kollu li nħoloq mill-1980 ’l hawn. B’kollox, l-0.1 % ta’ fuq nett gawdew mit-tkabbir fl-ekonomija tad-dinja daqs nofs il-populazzjoni tad-dinja.
Dawn il-figuri jitkellmu weħidhom u jillustraw l-inġustizzji li s-sistema kapitalista qed toħloq. Għalkemm m’hawnx alternattiva aħjar minn din is-sistema, ma jfissirx illi l-kapitaliżmu għandu jitħalla bla riedni ta’ xejn kif donnu issa saret il-moda, anke f’pajjiżna.
L-anqas Adam Smith ma kien jemmen f’dan għax kien jirrikonoxxi illi hemm setturi illi fih l-Istat għandu jintervjeni. U għalkemm illum l-irwol tal-Istat f’bosta oqsma mhuwiex f’diskussjoni, l-ebda stat ma jista’ jħalli l-inugwaljanza ekonomika tikber bil-mod allarmanti kif qed tikber.
Jekk l-inugwaljanzi ekonomiċi ser ikomplu jikbru kif ġara f’dawn l-aħħar snin, it-tensjonijiet soċjali ser jiżdiedu b’reperkussjonijiet potenzjalment ferm serji. Biex ma nsemmux l-inġustizzji illi jinħolqu. Kif ir-rapport ta’ Picketty saħaq, jeħtieġ azzjoni multinazzjonali fuq livell fiskali sabiex tindirizza l-problema ta’ inugwaljanza dejjem tikber fid-dinja. Mill-banda l-oħra, ħidma politika li mhix imsejsa fuq il-prinċipju ta’ soċjetà ġusta u ħanina tkun qiegħda tonqos u ma tħarisx fit-tul.
L-0.1% ta’ fuq nett, xi 7m ruħ iggwadanjaw 13% mentri l-0.001% ta’ fuq fuq nett, xi 76,000 ruħ, ikkapparraw 4% tal-ġid kollu li nħoloq mill-1980 ’l hawn Joe Ellis
Fuq l-orizzont tagħna, qed naraw bosta sfidi illi qed jheddu l-istess esistenza tal-umanità: l-isfruttament bla rażan ta’ riżorsi ta’ kull tip, it-tibdil fil-klima, l-awtomazzjoni li ser thedded ħafna u ħafna mpjieg, l-intelliġenza artifiċjali li potenzjalment ser toħloq rivali għar-razza umana u anke l-inugwaljanza ekonomika. Dawn il-fenomeni huma kollha relatati b’xi mod jew ieħor u ħidma politika għaqlija trid tfittex tindirizzahom qabel ma jkun tard wisq. Sfortunatament, id-dinja politika rari tħares ’il bogħod miċ-ċikli elettorali sakemm ma tfaqqax xi kriżi.
Għaldaqstant, hu meħtieġ viżjoni sabiex inħarsu lil hinn mil-lum u għada imma lejn l-istampa sħiħa. Jeħtieġ verament illi l-piramida ma tibqax titwessa’ imma tiċċattja sabiex min hu fuq ma jkomplix jogħla aktar minn min hu baxx mingħajr ħadd ma jitlef l-inċentiv sabiex ikompli javvanza ’l quddiem.