Editorjal | Fejn hi t-trasparenza?
...dan il-pajjiż mhu proprjetà ta’ ħadd, ħlief tal-poplu sovran u huwa l-poplu sovran li jeħtieġ ikun infurmat dwar kif qed jiġu trattati ħwejġu...
‘Kif ma kellhomx isiru l-affarijiet’ kien qal l-opinjonista ta’ din il-gazzetta Joe Ellis ġimagħtejn ilu dwar il-‘bejgħ’ ta’ tliet sptarijiet pubbliċi minn Vitals Global Healthcare lil Steward Healthcare. U kemm kellu raġun! Għax l-għoti ta’ dan il-proġett lil kumpanija li ma kellha qatt esperjenza fil-qasam, b’nies imexxuha (jew fiha) b’passat dubjuż u issa l-bejgħ (jew il-wegħda ta’ bejgħ) bla mistenni tqajjem ħafna suspetti.
Din il-gazzetta kienet l-ewwel li qajmet suspetti u staqsiet mistoqsijiet leġittimi dwar il-‘wiċċ’ wara dan il-proġett, jiġifieri dwar Ram Tumuluri. Kienet din il-gazzetta l-ewwel li żvelat, li dan kellu kumpanija li kellha tagħlaq għax ma kinitx konformi (Ayurcare) mal-liġi u li l-kumpanija l-oħra li tagħha kien President u Direttur (T&V Inc.) spiċċat laqtet daqqa ta’ ħarta kerha mill-Qorti Suprema tal-British Colombia
Din il-Qorti, f’deċiżjoni fl-2014 kienet sabet affarijiet xejn sbieħ fuq din il-kumpanija. Sabet li T&V Inc. kienet poġġiet is-sidien tal-istess lukanda li kienu qed imexxu b’kirja, f’periklu billi fost l-oħrajn ħassret kull rekords ta’ kontijiet tal-kumpanija.
Minflok ġibna lil xi ħadd li malli tikteb ismu fi tfittxija jibdew jitilugħlek stejjer ta’ suċċess fil-qasam tas-saħħa u nies jagħtu testimonjanzi pożittivi dwaru (bħal fil-każ tal-kumpanija Steward Healthcare), spiċċajna b’kumpanija li lanqas aħna ċerti eżatt min hu sidha, b’indirizz fil-British Virgin islands. Dik serjetà!
U Allajbierek, sena wara dan l-istess President u Direttur, b’dan ir-rekord ta’ negozju mill-aktar fqir, sar responsabbli ta’ tliet sptarijiet f’pajjiżna. Minflok ġibna lil xi ħadd li malli tikteb ismu fi tfittxija jibdew jitilugħlek stejjer ta’ suċċess fil-qasam tas-saħħa u nies jagħtu testimonjanzi pożittivi dwaru (bħal fil-każ tal-kumpanija Steward Healthcare li hija awtorità fil-qasam tas-saħħa), spiċċajna b’kumpanija li lanqas aħna ċerti eżatt min hu sidha, b’indirizz fil-British Virgin islands. Dik serjetà!.
U l-mistoqsijiet ma jonqsux. Meta sar jaf il-Gvern li Vitals iridu jbiegħu? Għalfejn m’għamilx din l-intenzjoni pubblika? Għaliex wara madwar 20 xahar biss Vitals iridu jbiegħu? Għax m’għandhomx finanzi? Għax din kienet avventura ta’ ‘start-up’ li falliet? Sar ‘due diligence’ biżżejjed? Jaf il-Gvern fiċ-ċert min huwa s-sid ta’ din il-kumpanija li wara kollox ħadu proprjetà pubblika? Għalfejn il-unjins ma ġewx ikkonsultati malli l-intenzjoni ta’ Vitals kienet ċara? (ara paġna ta’ quddiem) Kemm ħadu flus Vitals? Intalbu jagħtu rendikont tal-flus li ħadu? Veru li biħħejna t-tagħmir għal €1 biss? Dan għaliex? Min iddeċieda li €1 biżżejjed?
Għalfejn il-Gvern ma talabx li jerġa’ jibda l-proċess mill-ġdid? Għalfejn ma talabx li jsir proċess kompetittiv ta’ għażla? U fl-aħħar mill-aħħar, x’sens jagħmel li għażilna kumpanija tajba issa u mhux waħda tajba mill-ewwel?
U dan kif ħriġna ngħidu li huwa ftehim u l-Gvern ħareġ jiftaħar bi Steward Healthcare jekk, kif qal Albert Fenech mal-ILLUM (ara paġni 1,8 u 9), dan mhuwa ftehim ta’ bejgħ xejn imma speċi ta’ konvenju! Mur għid lil xi sid ta’ proprjetà li b’konvenju tilef il-jedd tal-proprjetà. Jalla jseħħ il-bejgħ, jiġifieri, jekk huwa verament fl-interess tal-Maltin. Imma għalfejn tiżgwida u tgħid li ‘ġie ffirmat ftehim’ meta filfatt kull ma sar huwa qbil li jibdew negozjati għall-bejgħ?
Meta sar jaf il-Gvern li Vitals iridu jbiegħu? Għalfejn m’għamilx din l-intenzjoni pubblika? Għaliex wara madwar 20 xahar biss Vitals iridu jbiegħu? Għax m’għandhomx finanzi? Għax din kienet avventura ta’ ‘start-up’ li falliet?
Serrħu raskom. Aħna mhux negattivi u lanqas kontra l-investiment, aħna ġurnalisti u aħna fl-aħħar mill-aħħar parti mill-poplu li jqum filgħodu, jmur jaħdem u jħallas it-taxxa kollha. U għalhekk għandna dover li nistaqsu u li ningħataw risposti għal dawk il-mistoqsijiet speċjalment jekk qed nitrattaw art u assi tal-pajjiż.
L-għażla tal-VGH ma kinitx denja, għax kienet inbelgħet f’ħafna dubji. Ix-xogħol ma sarx sew u din is-saga tal-Vitals kienet froġa kbira, b’riħa xejn pjaċevoli. U l-mistoqsijiet għadhom hemm u xi ħadd irid iweġibhom. Għax dan il-pajjiż mhu proprjetà ta’ ħadd, ħlief tal-poplu sovran u huwa l-poplu sovran li jeħtieġ ikun infurmat dwar kif qed jiġu trattati ħwejġu.
Min qed jamministra jeħtieġ jiftakar li ħwejjeġ il-pajjiż, mhumiex ħwejġu. Li dak kollu li jbiegħ jew jagħti huwa tal-poplu. Li Malta mhux xi negozju jew ħanut, jew xi baqra li minnha teħleb biex teħxien int! U l-ewwel lealtà tal-amministratur huwa lejn il-poplu mhux lejn xi ħadd li jinħeba wara xi P.O. Box u indirizz f’pajjiż f’kull lista sewda magħruf għall-evażjoni tat-taxxa.
Nistennew is-17 ta’ Jannar, biex forsi nibdew nisimgħu ftit risposti!
(Intant il-gazzetta ILLUM żvelat ilbieraħ kif l-unjins tal-ħaddiema ma kienux infurmati dwar l-intenzjoni ta' bejgħ u Albert Fenech, membru fil-Bord tal-VGH qal li għalissa m'hemmx bejgħ, negozjati biss. Agħfas hawn biex taqra r-rapport.)