Editorjal | Immorali, kriminali u moqżież
Li naċċettaw li għax dejjem saret, allura l-korruzzjoni f’kull sfera tal-ħajja hija aċċettabbli huwa ħażin ħafna
Din il-ġimgħa l-futbol lokali ħa daqqa kbira. Sitt persuni spiċċaw sospiżi mill-futbol, tnejn minnhom għal għomorhom.
Għal dawk li ma tantx isegwu l-futbol u l-isport, u speċjalment għal dawk lil hinn mill-‘politika’ sportiva, din kienet aħbar oħra kerha ta’ korruzzjoni. Ħafna minn dawn staqsew jekk il-korruzzjoni hux qed tiekol kull settur tal-ħajja u jekk għadx fadal xi ħaġa fil-pajjiż li għadha ma ntmissitx mill-korruzzjoni.
Għal dawk li huma midħla sew tax-xena sportiva lokali, din l-istorja kienet bħal nofs sorpriża. Qisu ħadd ma ħadha daqstant bi kbira li d-diċeriji kienu minnhom.
L-agħar ħaġa tal-korruzzjoni hija li tkun aċċettata. Li naċċettaw li għax dejjem saret, allura l-korruzzjoni f’kull sfera tal-ħajja hija aċċettabbli huwa ħażin ħafna. Il-korruzzjoni hija dejjem ħażina, fil-politika, fl-isport u kull fejn issir jew jista’ jkun li qed issir.
Fl-isport imma, speċjalment f’dan il-każ ta’ skwadra ta’ sportivi taħt il-21 sena imma, l-affari hija xi ftit aktar gravi. Għax l-isport f’din l-età suppost huwa dak l-iżvog li qed jagħti l-ispazju biex persuna tikber u tistagħna, mhux fil-but imma fil-karattru. L-isport huwa l-aktar ħaġa importanti għal ħajja sana u ħajja bi skop u b’ambizzjoni.
Li hawn min qed jikkorrompi dan l-ispazju u l-iżvog lil dawk iż-żgħażagħ li għadhom qed jibdew il-ħajja u li għadhom qed isibu saqajhom biex jiffaċċjaw ħajja b’miri ċari u ta’ suċċess, hija immorali, kriminali u moqżieża.
Hija ħasra li hawn min qed irawwem kultura li ‘inti tista’ tinxtara’ li ‘kollox jista’ jinxtara’ li ‘m’hemm xejn li ma jistax isir bil-flus’. Hija ħasra li qed inrawmu kultura illi mhux il-kapaċità, l-ambizzjoni u r-rieda li tasal huma l-ingredjenti tas-suċċess, imma l-ħażen, kemm int suxxettibbli għall-korruzzjoni u kemm inti rgħib. Il-mentalità miskina tal-‘get rich quick’, tal-issa u llum.
Għalhekk il-korruzzjoni fl-isport hija ħażina ħafna, u l-korruzzjoni fi skawdri żgħażagħ hija immorali u baxxa. Għax tippervertixxi dak li hu tajjeb u n-norma, f’dak li huwa ħażin.
Jekk hemm min nesa nfakkru li n-norma hija li l-ambizzjoni, it-titli, il-popolarità, il-flus fil-but u l-ġid materjali taħdem għalihom. In-norma mhix li l-iskaluni titlagħhom bis-serq, imma bl-onestà. L-onest huwa l-vera rebbieħ, eventwalment, mhux il-maħmuġ. U din hija d-duttrina li dan il-pajjiż għandu jgħallem lill-ġenerazzjonijiet ta’ għada mhux il-kontra.
Lil hinn mill-politika ‘sportiva’ min imexxi l-MFA, jiġifieri l-President tal-MFA Norman Darmanin Demajo, kellu jilgħab irwol ħafna ikbar milli lagħab matul din il-ġimgħa. Kellu jkun l-wiċċ tal-ġlieda tal-Malta Football Association, kontra kull tip ta’ ħażen u korruzzjoni fl-isport. Mhux qed ngħidu u nimplikaw li Darmanin Demajo b’xi mod jaċċetta l-ħażen, qed ngħidu biss li kellu jilgħab irwol ħafna iktar ċentrali f’dan il-punt partikolari tal-futbol Malti. L-irwol ta’ mexxej huwa li jmexxi u li jidher li qed imexxi.
Dan apparti, wasal ukoll iż-żmien li l-korruzzjoni u l-ħażen fl-isport nagħrfuh u nikxfuh aktar u forsi hawnhekk anke aħna bħala midja qed nonqsu għax mhux dejjem nisħqu bl-istess orgolju li kollox ikun trasparenti bħalma nisħqu fil-każ tal-politiċi.
Il-korruzzjoni, hija ħażina. Issir fejn issir.
...Kunsilli Lokali: Tal-poplu jew tal-partiti?
Il-Kunsilli Lokali qegħdin hemm biex jaqdu lill-poplu, mhux lill-partit. Jew għallinqas hekk suppost.
Il-ġlieda għall-poter li rajna din il-ġimgħa u li ilna naraw fil-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar hija każ klassiku ta’ kif m’għandhomx joperaw.
Kif qalet qarrejja tal-illum.com.mt taħt waħda mill-istejjer tas-sit, ir-residenti jkantaw ‘l-Aida u huma jiġġieldu għall-poter’. U sadanittant l-akbar lokalità turistika ta’ pajjiżna hija nieqsa minn investiment pubbliku fl-infrastruttura, nieqsa minn servizz kontinwu ta’ ndafa u nuqqas kbir ta’ inizjattiva.
Dak li qed jiġri f’San Pawl il-Baħar huwa kif m’għandux jopera Kunsill u kif m’għandhiex titħalla kważi għal riħa lokalità li suppost qed tikkompeti ma’ oħrajn fil-Mediterran.
Jekk il-Kunsill Lokali jkun maqsum biex Buġibba u l-Qawra jkunu lokalitajiet separati u l-Gvern jinvesti kif għandu jinvesti f’din il-lokalità, forsi l-affarijiet jibdew jiċċaqalqu naqra...