Mill-Kapitali | Valletta 18 – L-ikbar festa kulturali li qatt rat Malta
Minn din il-ġimgħa għajnejn Malta se jkunu kollha fuq il-Belt Kapitali ta’ pajjiżna. L-attivitajiet, in-nies, l-ikel, xorb u l-pjazez...
Is-sena tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura tagħna tibda b’ċelebrazzjoni unika denja tal-Festa tradizzjonali Maltija.
Valletta 2018 hija ċelebrazzjoni eċċitanti ta’ sena – programm kulturali li jibda fil-belt kapitali tagħna u li jinfirex lejn il-bliet u rħula madwar Malta u Għawdex kollha.
Il-Ftuħ tagħha se jiġbed folol fil-qalba tal-Belt Valletta bil-mużika u d-divertiment, artisti tat-triq u prestazzjonijiet li se jxerrdu l-kelma dwar il-Ftuħ madwar it-toroq tal-kapitali, esibizzjonijiet li se jsiru f’diversi postijiet madwar il-belt, open days li jiskopru mill-ġdid l-ispazji affaxxinanti storiċi tal-Belt Valletta, attivitajiet tal-qari tal-istejjer maħsuba għar-residenti tal-belt u l-ispazji li jużaw, u ħafna aktar.
Fiċ-ċentru ta’ din il-festa grandjuża nsibu l-ferħ, iż-żfin, il-mużika u l-ħolm li jimlew l-erba’ pjazez ewlenin tal-Belt Valletta – Pjazza San Ġorġ, il-Pjazza ta’ San Ġwann, Pjazza Kastilja, u ż-żona madwar il-Funtana tat-Tritoni – fejn il-grupp teatrali Katalan, La Fura dels Baus, se jinvolvi lill-udjenza permezz ta’ akrobaziji ta’ barra, filwaqt li ŻfinMalta joffru prestazzjonijiet taż-żfin kontemporanju.
Matul iċ-ċelebrazzjoni, il-projezzjonijiet diġitali, l-arti tal-filmati u s-sinfonija tal-kor se jagħtu atmosfera sabiħa u maġika lill-kapitali tagħna. U madwar il-belt kollha, il-baned se jivjaġġaw u l-artisti se jwasslu l-festi fit-toroq, filwaqt li jistiednu lir-residenti u lill-viżitaturi minn madwar il-Gżejjer Maltin kollha biex jieħdu sehem f’din iċ-ċelebrazzjoni spettakolari.
Il-proġetti ta’ Valletta 18 se jwasslu l-kultura wara bieb kulħadd, waqt li jgħaqqdu l-viżjoni tradizzjonali ta’ ħajja Mediterranja arrikkita b’relazzjonijiet mill-qrib mal-familja, mal-ħbieb u mal-ġirien flimkien mal-prattiċi kreattivi dejjem jikbru tal-gżira.
Għaldaqstant ħsibt li fil-paġna tiegħi għal din l-edizzjoni nwasslilkom deskrizzjonijiet qosra tal-attivitajiet li se jsiru fil-Belt Valletta matul il-ġimgħa tal-ftuħ ta’ Valletta 18 bejn l-14 u l-21 ta’ Jannar.
Każinata ġo La Valette – Società Filarmonica Nazionale La Valette
F’diversi jiem matul il-ġimgħa, is-Società Filarmonica Nazionale La Valette se tgħix il-festa magħna wkoll, b’kunċerti tal-banda tar-ram, esibizzjonijiet fil-post u atmosfera ferriħija...
Teżori Moħbija – Is-Soċjetà Filarmonika King’s Own
Matul il-ġimgħa tal-ftuħ, is-Soċjetà Filarmonika King’s Own se tiftaħ il-binja tal-każin lill-pubbliku. Ġewwa, viżitaturi jistgħu jiskopri t-teżori moħbija li jinsabu fiha, li jinkludu arkivji b’mużika imprezzabbli u ritratti ta’ tifkira ta’ avvenimenti importanti tal-banda.
Festa Fever – Domus Pauli
F’nofs il-preparamenti għall-festa proprja tagħhom, l-Għaqda tal-Pawlini se jiftħu l-mużew Domus Pauli għal esibizzjoni ta’ artefatti reliġjużi li għandhom x’jaqsmu mal-festa ta’ San Pawl fil-Belt Valletta.
Sorijiet u Patrijiet – Maħżen San Duminku
Il-Kummissjoni Armar u Restawr se jkunu qed jippreżentaw esibizzjoni u workshops marbuta mat-tiżjin tal-festa ta’ San Duminku fil-Belt Valletta (b’mod partikolari x-xogħlijiet ta’ Carlo Darmanin, Vincenzo Cremona u Emvin Cremona). L-istejjer marbuta ma’ xulxin huma karatterizzati minn artefatti u ħiliet miksuba bejn wieħed u ieħor matul dawn l-aħħar mitt sena.
Nhar l-20 ta’ Jannar 2018 se jsiru wkoll workshops għall-pubbliku dwar temi relatati mal-armar tal-festi, b’dan il-programm: 20 ta’ Jannar – 09:30 (indurar), 10:30 (pavaljuni tal-festa), 11:30 (xogħol fil-metall)
San Pawl taż-Żgħar – Il-Festa tat-Tfal
Din is-sena l-verżjoni tat-tfal tal-festa lokali ta’ San Pawl tieħu xejra speċjali għal Valletta 2018. It-tfal se jerfgħu statwa żgħira ta’ San Pawl madwar il-Belt Valletta. Tibda minn Triq Sant’Ursula, ddur madwar it-toroq tal-Belt Valletta, u tispiċċa fi Triq San Pawl, kantuniera ma’ Triq Santa Luċija.
Iljieli Beltin – Teatru Komunitarju Sala San Duminku
L-Għaqda Festi Esterni San Duminku timmira li ssaħħar l-udjenzi bi tliet iljieli mimlija ħajja ta’ mużika u teatru komunitarji, bil-parteċipazzjoni tal-gruppi popolari tal-mużika alternattiva Brodu u Mistura, il-kummidjanti Philip Leone-Ganado u Chris Dingli, u għannejja Maltin tradizzjonali.
Mużika ma’ Kull Rokna – madwar it-toroq tal-Belt Valletta
Mużiċisti minn diversi kantunieri tul Triq ir-Repubblika jingħaqdu flimkien f’tarf it-triq, wara li jkunu stiednu lin-nies fit-triq biex idoqqu magħhom, bil-qofol jintlaħaq quddiem il-Qorti. Bi produzzjoni ta’ Xarulù, din l-attività twiegħed li tkun taħlita ta’ mużika ferriħija ta’ diski popolari, mimlija strumenti moderni u tradizzjonali.
Il-Ħanut – 81/3, Strada Stretta
Ispirat mill-proġett kollaborattiv ma’ Leeuwarden-Fryslân 2018, Poetry in Potato Bags, dan il-ħanut tal-poeżija/patata se jistieden lill-viżitaturi lejn spazju fejn il-poeżija biss se ‘tinbiegħ’, f’erba’ lingwi differenti. Se jkun hemm workshops għat-tfal, u fihom se jkunu jistgħu jiddisinjaw u jpinġu, iżda wkoll jitgħallmu modi kif tista’ tiskambja l-poeżija għal aktar poeżija – fuq ir-radju, fil-boroż tal-patata, fil-vażetti u aktar…
Ħolm Butik
- Pjazza Ħelsien
- Knisja Ta’ Ġieżu /Sicilia Bar (indana bejn Triq Sant’Ursola/Triq San Ġwann)
- Triq it-Turġien (it-terrazzin ta’ Ġewwa Barra)
Ħolm Butik huwa rakkont kontemporanju dwar il-ħolm tal-bniedem, li se juża elementi tat-teatru inkluż is-satira, biex jirrifletti dwar id-diversità tal-ħolm tal-bniedem, kif jesprimi ruħu, il-potenzjal tiegħu u kif ikun ta’ impatt fit-trasformazzjoni tal-ispazji li jgħix fihom. Matul ir-rappreżentazzjonijiet, l-artisti se jinvolvu l-komunità lokali fi proċess li jgħaqqad it-teatru u l-moviment.
Teatru Triptiku
- Bieb il-Belt sal-Qorti
- Pjazza Repubblika, quddiem il-Biblijoteka,
- Żona tal-Lanċa Valletta-Sliema u Pjazza Mattia Preti
Teatru Triptiku, b’direzzjoni u produzzjoni ta’ Jacob Piccinino, huwa serje ta’ interventi artistiċi qosra madwar it-toroq tal-Belt Valletta. Dawn se jkunu marbuta mill-qrib man-narrattiva ta’ Valletta 2018 għas-sena, u b’hekk iservu ta’ introduzzjoni għall-Programm Kulturali li se jkollu l-bidu tiegħu fl-istess ġurnata.
- Festa: Xi raħħala jirrappreżentaw baned opposti li jeżistu fi ħdan in-nisġa kulturali ta’ kull raħal. Tinqala’ ġlieda matul il-marċ ta’ filgħodu tal-festa; hekk kif jiffaċċjaw lil xulxin minn gallariji faċċata ta’ xulxin fi Triq ir-Repubblika, l-avversarji jiddeċiedu li jikkompetu dwar min jista’ jagħti l-ikbar spettaklu u min jista’ jkanta l-aqwa rimi ma’ ‘San Santu’.
- Tombla: Tombla litteralment se tkabbar l-oġġetti prinċipali marbuta ma’ din il-logħba (jiġifieri l-bankijiet, il-biljetti, eċċ) u toħloq koreografija komika minn grupp ta’ buffi. Il-logħba li tirriżulta se tittrasforma f’tellieqa fiżika bejn l-erba’ buffi, fuq min se jikseb l-aħħar sekwenza ta’ numri, u b’hekk tistieden lill-pubbliku jinvolvi ruħu f’riflessjoni dwar il-logħob tal-azzard, il-kompetittività u l-element barokk tiegħu.
- Baħħar: Din ir-rappreżentazzjoni se tipprova toħloq mitoloġija ispirata minn dak li diġà nafu (pereżempju l-għajnejn ta’ Osiride fuq il-Luzzu Malti eċċ) u jittrasponuha fi sfond aktar kontemporanju. F’dan il-każ, il-ħitan tas-swar, il-ħitan maġenb il-baħar u l-ħitan tal-Maori se jipprovdu x-xenarju perfett għal dan l-ispettaklu. L-iskop huwa li dan l-ispazju jiġi trasformat f’sit interattiv u atmosferiku – wieħed li se jkollu l-udjenza fiċ-ċentru tiegħu.
Lanċa Ġejja u Oħra Sejra – Laneċ tal-Belt Valletta
Mużika fuq il-laneċ lejn/mill-Belt Valletta, li tilqa’ lill-poplu lejn belt mimlija ħajja, b’togħma ta’ dak li se jsibu jistennihom fi ħdan il-ħitan tal-belt – bil-mużika hip-hop, dance u rap fl-isfond. Il-laneċ se jivvjaġġaw mit-Tlett Ibliet u minn Tas-Sliema sal-Belt Valletta u se jkollhom il-mużiċisti jdoqqu l-mużika abbord. Lanċa Ġejja u Oħra Sejra se tinkludi żeffiena mill-Kinetic Dance Academy u l-kantanta tar-rap Shyli Cassar.
Tal-Lino – Trasport Pubbliku
Qatt ħsibt li jista’ jkollok jukebox fuq il-karozza tal-linja? Jekk tmissek ix-xorti, tkun fiċ-ċans li tiltaqa’ ma’ Ozzy Lino, il-jukebox umana tagħna, li se jkun qed idur fuq il-karozzi tal-linji matul il-ġimgħa u jwassal l-atmosfera ta’ Valletta 2018 madwar il-Gżejjer.
Aqdef, isa! – Port ta’ Marsamxett
Qaddiefa u membri tal-Marsamxett Regatta se jiggwidaw lill-viżitaturi madwar il-kultura tant maħbuba tagħhom tar-regatta, u jagħtuhom opportunità unika biex jaraw kif tinbena dgħajsa tar-regatta, flimkien ma’ tekniki tal-qdif, wirja ta’ dgħajjes żgħar, wirja ta’ kajjikki u magna tal-qdif, bil-qofol ikun tellieqa ta’ 400m f’Marsamxett nhar il-Ħadd filgħodu.
L-Iljuni tal-Futbol – Kunvent tal-Agostinjani
Din l-espożizzjoni unika tal-futbol se tieħu l-viżitaturi għal dawra madwar l-istorja tal-futbol tal-Belt Valletta, b’workshops, taħditiet u dawriet madwar artefatti, biċċiet minn gazzetti, trofej u oġġetti oħra prezzjużi bħal dawn. Din il-wirja hija organizzata minn Rovers FC b’kollaborazzjoni ma’ Valletta FC.
Museum of Invented Cultures – Skola Primarja tal-Belt Valletta
B’ispirazzjoni minn Oħloq Kultura, il-proġett edukattiv ta’ Valletta 2018, ‘Museum of Invented Cultures’ juża l-fatt li l-2018 hija s-Sena Ewropea għall-Wirt Kulturali. Din il-parti tal-inizjattiva tuża oġġetti minn kulturi differenti li ġejjin minn stejjer tat-tfal fl-iskejjel, u tittrasformahom f’artefatti f’dan il-mużew intergalattiku.
Pjazza Kriptika – Kunvent tal-Agostinjani
Fil-Kunvent tal-Agostinjani, bini ta’ ħames mitt sena, hemm spazju taħt l-art jistenna li jiġi esplorat. Il-kripta u x-xelters tal-gwerra se jinfetħu, u se jospitaw esibizzjonijiet komunitarju fi ħdan il-ħitan tal-ġebel affaxxinanti.
An Angle on the Anglican – St. Paul’s Anglican Pro-Cathedral & undercroft
Il-Pro-Katidral Anglikan ta’ San Pawl, maħsub li se jiġi rrestawrat fis-sena li ġejja, se jiftaħ il-bibien tiegħu lill-pubbliku matul il-ġimgħa kollha. Dan se jippermetti lill-viżitaturi jieħdu togħma tal-istorja miktuba fil-ħitan tiegħu, hekk kif jimxu madwar l-apsidi tal-katidral maġiku u l-kripta li għadha kif ġiet irrestawrata.
Tours se jkunu disponibbli kuljum mit-Tnejn 15 sas-Sibt 20 ta’ Jannar. Il-Kanċillier tal-Katidral il-Kanonku Simon Godfrey se jkun involut fit-tours meta disponibbli, kif ukoll it-tim tal-Katidral.
Erba’ Pjazez fil-Belt Valletta
Erba’ Pjazez fil-Belt Valletta se jkunu qed jospitaw spettaklu oriġinali matul is-serata tal-20 ta’ Jannar 2018 – il-jum li fih Valletta 2018 issir Kapitali Ewropea tal-Kultura. Kull spettaklu se jkun twil 20 minuta, u kull wieħed se jiġi ripetut 5 darbiet, fis-7, 8, 9, 10 u 11pm, b’hekk kull min iżur il-kapitali jista’ jgawdi minn din is-serata speċjali.
Il-qawma tat-Tritoni – Pjazza Tritoni
Il-kumpanija tat-teatru Spanjola La Fura dels Baus se tospita spettaklu b’koreografija aerobatika li se tinkludi xibka umana fuq il-Funtana tat-Tritoni li għadha kemm ġiet restawrata. L-ispettaklu se jinkludi ġabra ta’ talent lokali, magħmul minn madwar 60 persuna. La Fura dels Baus jirrappreżentaw l-eċċentriċità, l-innovazzjoni, l-adattament, ir-ritmu, l-evoluzzjoni u t-trasgressjoni, u kontinwament jiddefinixxu l-ispazju mill-ġdid u jibdlu r-rwol tal-pubbliku minn wieħed passiv għal wieħed attiv.
Qalbna – Pjazza San Ġorġ
ŻfinMalta se jospitaw żifna moderna, b’koreografija ta’ Paolo Mangiola u akkumpanjata minn mużika oriġinali b’kompożizzjoni ta’ Cyprian Cassar. L-ispettaklu se jinkludi żeffiena jinteraġixxu ma’ viżwali projettati minn Blaze Animation u effetti tad-dwal minn Mad About Video.
Elfejn u Tmintax – Pjazza San Ġwann
Sinfonija korali ġdida fjamanta se titnieda fuq it-turġien tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann. Bil-mużika ta’ Elton Zarb, u bil-kor taħt id-direzzjoni ta’ Pamela Bezzina. Effetti tad-dwal innovattivi se jkunu qed jakkumpanjaw l-ispettaklu, u jdawlu l-faċċata antika sekli.
Minn qiegħ l-imgħoddi għall-quċċata tal-ġejjieni – Pjazza Kastilja
Projezzjoni 3D maħluqa mill-artist diġitali Duane Laus tiksi l-faċċata tal-Berġa ta’ Kastilja, u tgħaqqad komponenti CGI, mużika u effetti speċjali viżwali. Din l-istravaganza twila għoxrin minuta tiċċelebra l-passat u tipprepara għal futur immaġinat.
Tempo
‘Tempo’ se tara lid-DJ Internazzjonali Tenishia f’infużjoni mal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta diretta minn Sigmund Mifsud fi Pjazza San Ġorġ mill-11:30pm ’il quddiem.
‘Tempo’ se jkun qed jagħlaq iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ftuħ ta’ Erba’ Pjazez. Ir-rappreżentazzjoni se tkun qed tieħu lill-pubbliku fi vjaġġ fil-mużika elettronika dance u se tinkludi 17-il diska ikonika f’siegħa li ffurmaw il-ġeneru tal-mużika elettronika dance matul is-snin.
Minn barra l-ispettakli fuq l-Erba’ Pjazez, se jiġu ppreżentati wkoll dawn ir-rappreżentazzjonijiet speċjali għalikom:
- Tapit l-Aħmar: (Triq Ġlormu Cassar) Gwardja tal-unur b’ċelebrazzjoni tal-poplu Malti. Il-baned se jitpoġġew fiż-żewġ naħat tat-triq, idoqqu l-mużika filwaqt li n-nies iduru minn post għal ieħor. Se titqassam l-imbuljuta, xarba tradizzjonali taċ-ċikkulata sħuna, lill-folol li se jkunu mixjin lejn l-avvenimenti li se jseħħu fil-programm matul is-serata. Il-baned li se jipparteċipaw huma: Soċjetà Filarmonika King’s Own (Valletta), Għaqda Mużikali u Soċjali Madonna tal-Karmnu (Il-Fgura), Anici Band Club (Ħal Qormi), Banda Sant’Andrija (Ħal Luqa), Banda Sant’Anna (Marsascala), Għaqda Mużikali Marija Assunta (Il-Gudja), Għaqda Mużikali Sant’Elena (Birkirkara), Imperial Band Club (Mellieħa), Beland Band Club (iż-Żejtun), Għaqda Mużikali L’Isle Adam (ir-Rabat), Soċjetà Filarmonika San Pietru (Birżebbuġa), Soċjetà Mużikali San Lawrenz (Belt Vittoriosa), Għaqda Karmelitana Banda Queen Victoria (iż-Żurrieq).
- Bandli: (Pjazza Żewġ Assedji, Triq ir-Repubblika) Żeffiena mill-Moveo Dance Company se joħolqu movimenti espressivi affaxxinanti fuq bandli mfassla apposta u fost l-udjenza.
- Rota: (Triq ir-Repubblika) Rota enormi magħmula minn nies ibbażata fuq koreografija ta’ Las Fura dels Baus tilqa’ l-folla lejn il-Belt Valletta. (La Fura dels Baus)
- Big Dancers: (Pjazza tas-Suq l-Antik, Triq il-Merkanti) Rappreżentazzjoni fit-triq minn El Carromato, Spanja, b’pupazzi ġganti u effetti tad-dwal sinkronizzati ma’ koreografija ta’ moviment. L-udjenza u l-artisti se jikkollaboraw biex joħolqu atmosfera ta’ festin fit-triq.
- Nibnu Malta: (Triq ir-Repubblika, ħdejn il-Kamra tad-Deputati) Xenati jippreżentaw grupp ta’ buffi li jinteraġixxu mal-folla ta’ madwarhom fl-attentat komiku tagħhom li jsibu u joħolqu s-simbolu nazzjonali ta’ Malta.
Minnbarra hekk 3 baned - : KażinSka, Tikka Banda u Big Band Brothers se jakkumpanjaw il-folol minn post għal ieħor.
Niltaqgħu hemm!