Opinjoni | 8,894,355 abort f’50 sena
L-abort qed ikun ipprattikat bil-għan li ċerti persuni li jkunu se jitwieldu b'diżabilitajiet ma jitħallewx jaraw id-dawl tax-xemx
Ftit xhur ilu tfakkar il-50 anniversarju minn meta l-Parlament Ingliż approva l-liġi li tippermetti l-abort fil-pajjiż. Tul dawk il-50 sena seħħew il-għadd enormi ta’ 8, 894, 355 abort. David Steel, il-membru Liberali li ppreżenta l-liġi, stqarr hu nnifsu li ma kienx qed jistenna ammont hekk kbir. Fost id-diversi tifkiriet kien hemm ukoll xi knejjes li daqqew mota ta’ niket dakinhar tal-jum li fih ħabat l-anniversarju.
Dak iż-żmien kien għadu għaddej dibattitu dwar meta tibda l-ħajja tal-bniedem, bil-jeddijiet kollha li jmorru magħha. Illum huwa fatt medikament stabbilit u aċċettat li l-ħajja ta’ bniedem ġdid, indipendenti u identifikabbli tibda tabilħaqq mal-waqt tat-tnissil. Minn hemm jibda l-jedd għall-ħajja.
Lord Alton
Lord Alton, membru prominenti Kattoliku tal-Parlament kiteb nota interessanti fir-rivista Catholic Herald:-
“Ippruvali li l-ħajja ma tibdiex mat-tnissil u jien inbiddel il-fehma tiegħi dwar il-ħarsien ta’ ħajja ġdida. Sakemm dan ma jsirx, jien se nissokta ninsisti fuq l-artiklu 3 tad-Dikjarazzjoni Universali tal-Jeddijiet tal-Bniedem – kull bniedem għandu l-jedd għall-ħajja, u nittama li qabel jgħaddu 50 sena oħra l-liġijiet u prinċipji tagħna jkunu jirriflettu dawn il-veritajiet”.
Mijiet ta’ Maltin
Jekk wieħed iħares ftit lejn iċ-ċifri li juru kemm seħħew aborti fl-Ingilterra, fosthom mijiet ta’ aborti minn Maltin, wieħed jagħraf li l-mewt permezz t’abort seħħet kull 3 minuti jew seħħew 20 mewt kull siegħa. Jagħraf ukoll kemm somom enormi ta’ flus ingħataw biex istituzzjonijiet privati jkunu jistgħu wkoll jagħmlu l-abort. U jagħraf ukoll li l-qdusija tal-ħajja tal-bniedem sabet ruħha mormija fil-laned taż-żibel
Huwa fatt magħruf li l-abort qed ikun ipprattikat bil-għan li ċerti persuni li jkunu se jitwieldu b’ċerti diżabilitajiet ma jitħallewx jaraw id-dawl tax-xemx.
Dawk id-29
Fil-kitba tiegħu Lord Alton ta ġieħ lil dawk il-membri tal-Parlament Ingliż – 29 fil-għadd – li vvotaw kontra t-tieni qari tal-liġi proposta għax basru li l-abort jekk isir legali se jintuża mhux bħala xi ħaġa rari u eċċezzjonali imma se toħloq industrija ġdida u qerrieda li tkun tiswa l-belli liri.
Lord Alton stqarr ukoll li l-Ġurament Ippokratiku li soltu jieħdu t-tobba u li jikkundanna ċar l-abort qed jitwarrab mill-korsijiet tal-mediċina.
Anke x-xjenza
Anke x-xjenza qed tagħmel reviżjoni tal-ideat li qed ixxerred. F’editorjali tal-magazin ‘Nature’ kien hemm din ix-xhieda:- “Id-dinja tiegħek issawret fl-ewwel 24 siegħa wara tnissilek. Fejn ikunu rasek u saqajk, liema naħa se jkun dahrek u liema naħa żaqqek. Dawn kollha ħarġu ċari fil-minuti u fis-sigħat wara li l-isperma u l-bajda ngħaqdu flimkien”.
Il-jedd għall-ħajja
Fid-diskussjoni li ssir dwar l-abort trid toħroġ ċara li l-jedd għall-ħajja jiġi l-ewwel.