Opinjoni | Ħidma bla preċedent

Matul il-ġimgħa kull min daħal il-Belt seta' jara strutturi kbar u spettakolari li qatt ma rajna bħalhom qabel

Bħalissa qed nikteb dan l-artiklu s-Sibt filgħodu, jiġifieri matul in-nofs ta' nhar ta' filgħodu tal-ġurnata tat-tnedija ta' Valletta 2018.

Qiegħed nikteb dan l-artiklu mill-Belt Valletta stess u l-atmosfera fl-arja tħoss is-sentiment ta' stennija għall-ikbar festa kulturali li qatt rajna.

Inti li qed taqra dan l-artiklu, diġà rajt u għext dak li kellna ppreparat għalik.

Jien li nista' nitkellem fuq il-preparamenti kbar li wettaqna.

Matul il-ġimgħa kull min daħal il-Belt seta' jara strutturi kbar u spettakolari li qatt ma rajna bħalhom qabel. Sew jekk huma figuri ġganteski, sew jekk huma nies imdendlin fl-għoli, sew jekk huma projezzjonijiet fuq il-faċċati tal-binjiet ewlenin, in-nies li ttawlitilhom inbnitilha kurżità kbira dwar dak li se jaraw fil-ftuħ ta' Valletta 2018.

Ilbieraħ kellna wkoll reception uffiċjali ma’ mistednin barranin li ġew iżuruna għal Valletta 2018 li huma magħmulin minn persuni li ħadmu fil-Capital of Cultures tas-snin mgħoddija.  Kien hemm ukoll rappreżentanza sabiħa minn Matera, belt fl-Italja li matul is-sena d-dieħla se jkollha hi t-titlu ta' Belt kapitali kulturali.

Kollha kellhom kliem enormi ta' tifħir għal dak li wettaqna s'issa.  Kulħadd jistagħġeb kif pajjiż żgħir bħal Malta, probabbli iżgħar mill-bliet innifishom li qed jirrappreżentaw, jirnexxilu jtella' dawn l-affarijiet kollha.

Il-futur

Meta nitkellmu dwar Valletta 2018 nitkellmu wkoll dwar il-futur tal-Belt Valletta u l-legat li rridu nħallu u nkomplu nibnu fuqu għas-snin li ġejjin.

Diġà għidna li dak il-ħafna ġid li ksibna b'ħidmet il-Fondazzjoni 2018 ma għandux jisparpalja fl-erbat irjieħ imma jrid jikkonsolida ruħu f'entità ġdida li fi tmiem il-Valletta 2018 tkompli twettaq u tibni fuq il-ħafna xogħol tajjeb li sar fl-aħħar snin. Din tkun ukoll opportunità biex il-Kunsill għall-Arti, waqt li jkompli jtejjeb dak il-ħafna tajjeb li diġà jagħmel il-Belt, jimrah iktar fit-triqat u l-bankini tal-irħula u l-kommunitajiet ta' pajjiżna ħalli l-poplu Malti u Għawdxi kollu jiġi mdakkar mis-sbuħija tal-kultura.

Il-ħaddiema li jaħdmu f'Fondazzjoni Valletta 2018 huma nies tajbin immens b'ħiliet u kapaċitajiet impressjonanti.  Ħadt gost ħafna l-mod kif it-team ingħaqad qaqoċċa u ħadem tant tajjeb fl-aħħar snin taħt il-gwida għaqlija ta' Jason Micallef u Catherine Tabone. Konvint li nkun qed nitkellem ukoll f'isem sieħbi Deo Debattista meta ngħid li nies bħal dawn huma ġojjell li rridu bħala pajjiż nibżgħu għalihom u nkomplu nibnu fuq il-ħafna tajjeb li kapaċi joffru.

Proġetti ta' restawr

Fl-aħħar ġimghat inawgurajna għadd ta' proġetti ta' restawr fil-ħin għat-tnedija ta' Valletta 2018. Proġett wieħed wara l-ieħor li litteralmentqata' nifs il-pubbliku li baqa' impressjonat bis-sens tremend ta' tmexxija u effiċjenza li wrejna biex kollox tlesta fil-ħin u sad-dati miftehma.

L-ewwel bdejna bir-restawr tal-faċċata ta' Palazzo Ferreria li hu l-ewwel palazz li jilqgħek hekk kif tidħol il-Belt Valletta.  Imbagħad komplejna bir-restawr tat-Teatru Manoel (b'fondi Ewropej).  Imbagħad ir-restawr tal-eks Cafè Premier li ngħata lill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta. Imbagħad bir-restawr tal-faċċata ta' Palazzo Verdelin li hu l-ewwel ħaġa li tara fi Pjazza San Ġorġ. Imbagħad ir-restawr tas-swar tal-Waterfront fil-Floriana li huma l-ewwel ħaġa li jaraw it-turisti hekk kif jidħlu bil-cruiseliners.  Imbagħad ir-restwr ta' Palazzo Castellania li jikkumplimenta r-restawr li sar f'Kastilja u l-faċċata tal-Auberge d'Italie iktar kmieni.  Finalment forsi l-iktar restawr li hu għal qalbi, dak tal-Knisja tal-Ġiżwiti fejn irrestawrajna l-esterjur b'mod komplet bis-soqfa b'kollox u ggarantejna futur għal din il-ġawhra tant sabiħa li forsi għad irridu niskopruha u ngħożżuha iktar bħala poplu Malti u Għawdxi.

Tara kif kienu u tara kif ġew illum – tgħid ill aħwa x'differenza.  Xi ġmiel.

Ma' dawn ma rridux ninsew ir-restawr tat-Tritoni li fih aħna tajna assistenza lill-Ministeri l-oħra li ħadu ħsieb dan il-proġett.  Xogħol eċċezzjonali li jagħmel unur lil kull min ħadem

Sintendi ma rridux lanqas ninsew ir-restawr estensiv li għamilna matul il-legiżlatura li għaddiet f'postijiet ikonici fil-Belt Valletta, mhux l-inqas il-Forti Sant'Iermu.

Grazzi ħafna lill-periti, ħaddiema u kuntratturi tad-Direttorat tar-Restawr għax-xogħol eċċezzjonali li sar.

Kull ġurnata fl-aħħar jiem kienet aħbar oħra pożittiva għall-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Dan għadu mhux kollox!

L-aħbar it-tajba hi li dan għadu mhux kollox.  Issa li tlesta r-restawr fuq dawn il-postijiet kollha l-ħsieb hu li matul is-sena, bħala parti mill-festeġġjamenti, inkomplu ninawguraw proġetti essenzjali għas-settur kulturali. Ewlieni fosthom il-MUŻA.  Dan se jkun mużew għall-arti (b'fondi Ewropej) innovattiv għall-aħħar li se joffri esperjenza eċċezzjonali għal kull min iżuru.

Kollox qiegħed on track u minn dak li orewni hemm affarijiet litteralment iħalluk bla kliem.  M'għandix dubju li l-poplu Malti se jieħu gost ħafna b'dak li għandna lest għalih.  Però kollox f'ħinu u f'waqtu!

Apparti l-MUŻA, matul din is-sena se nagħtu togħmiet tajba ħafna għal dak li għandna lest għall-pubbliku Malti u Għawdxi u għat-turisti li jżuruna f'dak li għandu x'jaqsam erba' proġetti oħra maġġuri fis-settur kulturali l-ispazju għall-arti kontemporanja (MICAS) li se jkun ġmiel ta' proġett b'fondi Ewropej fil-Furjana li jien eċitat ħafna ħafna dwaru, id-Design Cluster li se jirriġenera ż-żona tal-Mandraġġ b'fondi Ewropej ukoll, l-esperjenza tal-Karnival u r-Rock Hub b'dawn tal-aħħar ikunu barra mill-konfini tal-Belt u l-Furjana imma xorta waħda viċin iż-żona tal-Port.  Il-poplu se jieħu gost immens b'dawn l-erba' proġetti oħra li se jkunu parti mil-legat straordinarju li se jħalli warajh Valletta 2018.

Ma' dawn irridu nżidu l-proġett tar-Restawr tal-Palazz tal-President li hu restawr long-term, b'fondi Ewropej, li se jagħti lura lill-poplu l-Palazz kif qatt ma rajnieh qabel.  Fuq dan il-proġett qed jaħdmu Heritage Malta u d-Direttorat tar-Restawr flimkien.  Dan se jkun rigal stupend lill-poplu fis-snin li ġejjin matul din il-legiżlatura stess.

In-naħa t'isfel tal-Belt

Il-Gvern hu kommess ukoll li jirriġenera n-naħa t'isfel tal-Belt li hija prijorità.  Hemm potenzjal tremend biex din il-parti terġa' tieħu l-ħajja.

Mhux il-Belt biss

Sintendi l-kultura mhijiex il-Belt biss… u hu proprju għalhekk li nidejna fl-aħħar jiem il-programm ta' Teatru Malta (l-ewwel wieħed fl-istorja) fit-teatru Pandora fiż-Żejtun.  Minn dawn irridu ħafna iktar.  Hemm programm ta' restawr estensiv fid-diversi kommunitajiet u kif ukoll proġetti kulturali eċitanti – minn għajnuna għall-baned għal għajnuna lill-piroteknika għal proġetti flimkien mal-entitajiet kulturali fl-irħula.  Dawn huma kollha affarijiet li se jgħinu biex il-kultura tixxerred iktar fil-pori tat-toroq u d-djar tagħna.

Kemm hi sabiħa l-kultura hux veru?  Kemm jien kburi li jien Malti u kburi b'dak kollu li rnexxielna niksbu flimkien.

More in Blogs