Opinjoni | Lezzjonijiet mir-Renju Unit
Adottajna diversi istituzzjonijiet matul dawn l-aħħar snin illi jidhru li ħadnihom direttament mir-Renju Unit
Xi kultant qajla tinduna li aħna pajjiż indipendenti u ilna kważi 55 sena illi nftamna mit-tmexxija tar-Renju Unit. Hu l-Prim Ministru tagħna illi qatt ma jitlef opportunità illi jidher ħdejn il-Prim Ministru tar-Renju Unit fis-‘summits’ Ewropej kemm meta kien hemm Cameron u issa illi hemm May.
Daħal ukoll, bħall-Gvern Nazzjonalista ta’ qablu, għall-organizzazzjoni tas-‘summit’ tal-Commonwealth li llum ħadd ma jrid iżomm. Il-preżenza ta’ membri tal-familja Irjali żgur li ma dejqitx lill-mexxejja tagħna illi jħobbu jidhru fil-presenza tagħhom.
Imbagħad tara kif tevolvi l-infrastruttura politika tagħna. Adottajna diversi istituzzjonijiet matul dawn l-aħħar snin illi jidhru li ħadnihom direttament mir-Renju Unit: biex insemmu tnejn għandek il-Public Accounts Committee u n-National Audit Office fejn żammejna l-istess nomenklatura ta’ istituzzjonijiet simili fir-Renju Unit.
U l-istess fis-settur pubbliku fejn id-Dipartiment tal-Mużew sar Heritage Malta u l-Korporazzjoni tat-Taħriġ u Żvilupp, l-E.T.C., f’daqqa waħda saret Jobsplus. Fir-Renju Unit għandhom il-JobsCentrePlus b’’logo’ simili għal dak ta’ Jobsplus li teżisti ukoll fl-Irlanda.
Huwa ċar illi l-klassi politika tagħna spiss tispiċċa spirata minn dak li jiġri fir-Renju Unit f’dak li jagħmel. U ma setgħax jonqos illi l-Gvern Laburista illi jimita tant lin-New Labour ta’ Tony Blair u Gordon Brown jispiċċa jimita ukoll lill-Gvern Ingliż fil-mod kif jiffinanzja l-proġetti pubbliċi.
Il-Vitals suppost ġiet magħżula ħalli twettaq investiment ta’ €200 miljun illi l-Gvern kien qed jikkalkula illi kellu jagħmel fit-tlett sptarijiet inkwistjoni. Joe Ellis
Verament kien il-Gvern ta’ Major illi beda jagħti kuntratti lill-privat sabiex imexxu dak li qabel kien jitwettaq mis-settur pubbliku. Imma kien il-Gvern ta’ Blair u Brown illi ta spinta lil dak li beda jissejjaħ il-Private Finance Initiative. Il-Gvern tan-New Labour ried iwettaq il-wegħdiet elettorali tiegħu illi jinvesti fl-infrastruttura, fl-iskejjel, fit-toroq u fl-isptarijiet imma fl-istess ħin, ma riedx jaqbeż il-limiti tan-nefqa pubblika illi l-Gvern Konservattiv kien intrabat illi jirrispetta qabel l-elezzjoni. Blair u Brown riedu juru illi Gvern Laburista wkoll kapaċi jżomm ir-riedni tal-ispiża pubblika bħal dawk konservattivi u mhux kif kienu jaġixxu il-gvernijiet laburisti ta’ qabel.
Għaldaqstant, il-gvern ta’ Blair beda jagħti kuntratti lis-settur privat sabiex jiffinanzja u jibni proġetti infrastrutturali. L-operaturi privati mbagħad jitħallsu matul is-snin għas-servizzi illi s-settur pubbliku jkunu ntrabat illi jixtri mingħandhom matul numru ta’ snin. B’hekk, is-settur privat ikun iġġustifika l-ispiża kapitali tiegħu filwaqt illi s-settur pubblika ma jżidx mad-dejn pubbliku bi spiża kapitali għalkemm l-ispiża rikorrenti kienet se tiżdied fil-futur.
Ovvjament, f’Malta ma stajniex ma nimitawx dan il-mudell ta’ kif niffinanzjaw l-ispiża kapitali pubblika tagħna. Il-Gvern Laburista, bħal dak tat-tmeninijiet, hu ossessjonat bi tlett parametri ekonomiċi: id-defiċit tal-Gvern u d-dejn pubbliku, l-inflazzjoni u l-qagħad. Kif għedna drabi oħra, dwar l-inflazzjoni, ftit kellu għalfejn iħabbel moħħu għax darba li waqa’ l-prezz taż-żejt, l-inflazzjoni niżlet sew mad-dinja kollha. Anzi l-problema għal banek ċentrali saret il-periklu ta’ deflazzjoni, illi l-ħajja torħos.
Dwar il-qagħad, m’hemm xejn aktar politikament konvenjenti milli terġa tqajjem l-iħirsa tal-impjieg fis-settur pubbliku u b’xi mod jew ieħor iddaħħal in-nies jaħdmu mal-Gvern, anke dawk illi kellhom diġa xogħol fis-settur privat.
Dawn l-impjiegi jiswew il-flus u biex il-Gvern ma jaqbiżx il-limiti imposti mit-trattati Ewropej, kellu bilfors inaqqas mill-ispiża kapitali tiegħu. U kif se jagħmel il-Gvern biex jiffinanzja l-ispiża kapitali tiegħu? sempliċi. Jgħaddiha f’idejn il-privat kif għamel, kif għadda tlett sptarijiet lil Vitals Global Healthcare, kumpanija b’kapital ta’ €1,200 u bla ebda esperjenza fil-qasam mediku u kif qabbad lill-konsorzju tal-Electrogas sabiex jibni ‘power station’ ġdida.
F’dawn iż-żewġ każijiet ma damx ma deher kemm l-kumpaniji magħżula ma kienux f’pożizzjoni illi jwettqu dak mitlub minnhom. Il-Vitals suppost ġiet magħżula ħalli twettaq investiment ta’ €200 miljun illi l-Gvern kien qed jikkalkula illi kellu jagħmel fit-tlett sptarijiet inkwistjoni. Il-ġimgħa l-oħra Muscat iġġustifika it-€80 miljun illi s-Sunday Times żvela illi l-Gvern ikollu jħallas sabiex jittermina ċ-ċens ta’ dawn l-isptarijiet wara 30 sena (ħaġa illi dejjem baqgħet mistura mill-Gvern) minħabba dan l-investiment li suppost kellha twettaq il-Vitals.
Madankollu, s’issa kważi ma rajna xejn minn dan il-famuż investiment tant illi l-iskola medika f’Għawdex illi l-Gvern qabbad lil Vitals jibni meta faċilment setgħa jibniha hu għadha fuq il-pjanti meta suppost ilha lesta. Intant, il-kuntratturi u fornituri qed jilmentaw minn dewmien kbir fil-ħlas. Jidher issa illi Vitals qatgħu qalbhom u ttrasferew il-konċessjoni lil Steward Healthcare. Dan minkejja illi l-Gvern kien assigurahom ħlasijiet ta’ mijiet ta’ miljuni ta’ ewro fis-sena matul il-konċessjoni.
Fir-rigward ta’ Electrogas, mill-ewwel ukoll dehru l-problemi finanzjarji: waħda mill-komponenti prinċipali, Gasol p.l.c. kienet prattikament falluta u meta l-konsorzju nnegozja self mill-banek, telqet ‘l barra, probabbilment wara li daħlet xi kemxa. Biex il-konsorzju rnexxielu jakkwista self mill-bank, il-Gvern kellu jagħti garanzija, l-istess kif kien jagħmel kieku dan il-proġett twettaq mill-Enemalta.
Din il-garanzija tneħħiet biss meta l-Gvern intrabat illi għal tmintax-il sena jixtri l-enerġija kollha illi l-Electrogas tipproduċi u illi l-Enemalta ma jkollhiex bżonn. B’hekk, l-Electrogas serħu rashom illi l-investiment li wettqu se jirrendilhom żgur anke jekk intant l-Enemalta tkun tista’ tixtri enerġija b’rati irħas minn bnadi oħra.
Jekk nerġgħu mmorru għar-Renju Unit, żewġ aħbarijiet din il-ġimgħa poġġew f’dubju kemm hu sostenibbli u kemm jagħmel sens finanzjarju dan il-mudell tal-P.F.I. Fl-ewwel lok, falliet ditta kbira li jisimha Carillion u li għal ħafna Maltin ma tfisser xejn. Imma jekk issemmi illi din id-ditta li tħaddem 45,000 ruħ madwar id-dinja, 19,000 minnhom fir-Renju Unit inbniet fuq il-qafas ta’ ditti bħal Tarmac, Wimpey u Mowlem li kellhom anke konnessjonijiet ma’ Malta, wieħed jifhem għaliex din kienet it-tieni l-akbar kumpanija tal-bini fir-Renju Unit.
Jekk għandna nimitaw lir-Renju Unit, għandna anke nitgħallmu mill-esperjenza ta’ dan il-pajjiż. Tajjeb li wieħed inaqqas il-pressjoni fiskali fuq iċ-ċittadini tal-lum imma wieħed irid joqgħod attent illi ma jispustahiex fuq il-ġenerazzjonijiet futuri Joe Ellis
Meta falliet nhar it-Tnejn b’dejn ta’ £900 miljun, din il-kumpanija kienet qed tibni żewġ sptarijiet pubbliċi illi issa għandhom futur inċert u kellha ħafna kuntratti fis-servizz pubbliku bħall-manutenzjoni ta’ ħabsijiet u skejjel. Minkejja illi l-Gvern Ingliż baqa’ jagħtiha kuntratti pubbliċi wara illi wissiet fis-sajf li għadda illi l-qliegħ tagħha kien mhedded, il-kumpanija ma rnexxilhiex tevita l-falliment. B’hekk, eluf ta’ fornituri u kuntratturi illi kienu jaħdmu għal din il-kumpanija enormi qed jiffaċjaw futur ferm inċert.
Aktar minn hekk, hu l-istess mudell li l-Gvern jħalli f’idejn is-settur privat sabiex jiġġestixxi servizzi illi normalment kien jagħti hu stess illi llum huwa mhedded. Aktar u aktar nies fir-Renju Unit qed jaħsbu illi ħafna servizzi aħjar jitmexxew mis-settur pubbliku milli minn dak privat.
Dan minkejja illi fil-passat il-livell ta’ servizz mogħti mis-settur pubbliku ma kien xejn ta’ min jiftaħar bih. Madankollu, meta wieħed jiġi biex jagħżel bejn monopolju privat u monopolju pubbliku, probabilment dak ta’ l-aħħar ikun aħjar.
Fl-istess waqt, l-N.A.O. Brittaniku ħareġ rapport dwar dawn il-P.F.I.’s u kkonkluda illi l-pubbliku mhu qed igawdi xejn minnhom. Skond l-N.A.O. Brittaniku, l-ispiża biex il-privat jiffinanzja dawn l-inizjattivi hu 40% aktar milli kieku twettqu mis-settur pubbliku. Ikkalkula ukoll illi madwar 700 proġett bejn is-settur pubbliku u privat ser jiswew lill-kontribwent brittaniku s-somma ta’ £200 biljun fil-ħamsa u għoxrin sena li jmiss.
L-N.A.O. tagħna ukoll kien riċentement wettaq analiżi tal-kuntratt tal-konsorzju li jieħu ħsieb il-ġonna u r-‘roundabouts’ u ukoll sab illi dan il-kuntratt qed jiġi jiswa l-Gvern iz-zalza u mhux ġustifikat. Imma r-rapport sar u ma smajna xejn aktar dwaru.
Jekk għandna nimitaw lir-Renju Unit, għandna anke nitgħallmu mill-esperjenza ta’ dan il-pajjiż. Tajjeb li wieħed inaqqas il-pressjoni fiskali fuq iċ-ċittadini tal-lum imma wieħed irid joqgħod attent illi ma jispustahiex fuq il-ġenerazzjonijiet futuri kemm permezz ta’ self esaġerat kif ukoll permezz ta’ ħlasijiet li jridu jitwettqu bilfors bħalma hu l-każ ta’ Vitals/Steward u Electrogas.
L-għaqal hu meħtieġ anke fit-tmexxija tal-affarijiet pubbliċi imma sfortunatament, mhux dejjem jidher illi dan hu l-każ.