Opinjoni | Il-Festa tal-Bżar fl-għajnejn
Xi ġmiel ta’ festa kellna, jirrepetu l-ħomor, filwaqt li l-bluni ser jaraw kollox infieq ta’ flus.
Donnu s-soċjeta’ tagħti isem tajjeb u tilqgħu b’uliedha lil dawk li jissieħbu maċ-ċorma, bħan nagħaġ ta’ Bendu. Ma nagħtix tort lil min jissieħeb maċ-ċorma.
“L-avviż biex tattendi jħajrek, u la sejjer kulħadd immur jien!” Bl-iskuża li missieri ħoloq din il-festa, allura bid-dmir li nattendi.
Bl-iskuża li ma nidhirx negattiv. Bl-iskuża li rrid l-għaqda fost ħuti Maltin.
Nidħol bir-ras fl-istrutturi tas-soċjeta; għax inkella nitwarrab u ma nissejjaħx aktar kampjun tat-tjubija. U n-nagħaġ ta’ Bendu jibla s-sunnara sa griżmejh u jattendi bi ħġaru għaċ-ċerimonja tal-bżar fl-għajnejn li minnha gawdew il-ħbieb tal-ħbieb.
Ħażin għalik, jekk titniffes u tgħid kontra l-festa tal-bżar fl-għajnejn, avolja l-organizzatur ħadem kemm felaħ kontra l-għeruq ta’ dil-festa. Saħansitra remieni l-barra minn familtu, għax qbilt bis-sħiħ ma’ pajjiżi Membru sħiħ fl-Unjoni Ewropea.
Illum li għaddew is-snin, nirringrazzjah u nroddlu ħajr li ħadem kontrija u sabbatli rasi mal-blat.
Imbgħad maż-żmien fittixt familja oħra, fejn il-merħba u l-fiduċja hi bla qies.
Ma ħallejtx id-drawwiet tal-familja joħħonquni.
Ħallejt il-ħila tikber fija u ġibt ruħi kif imiss, mimli qawwa.
Ġibt fix-xejn lil min remieni. Imma flok tkabbart, neħħejt minn fuqi l-qxur ta’ l-injoranza minn quddiem għajnejja u komplejt nitħeġġeġ, biex insir naf aktar.
Li hu żgur, li ma ridtx inkun kompliċi maċ-ċorma belha, tgħajjat bi ħġarha li l-“Partnership kienet l-aqwa għażla.” U minkejja li l-kotra ratni differenti u sejħiltli “miġnun” għax ma kontx qed naqbel mad-djuq ta’ moħħom kburi li ruħi rebħet fuq ir-raġuni, minkejja li kbirt idduttrinat b’ kotba ħomor nar dejjem f’ idi bħal “Martirju ta’ Poplu”, “Kliem ir-riħ” u l-“Mixja tal-ħaddiem lejn il-ħelsien” fost oħrajn.
U dawk li kienu jissejħu sħabi ma damux ma dewquni ilsienhom. U hawn tikkonferma li kont fit-triq is-sewwa, u tikber tassew meta tiddeċiedi li twarrab il-ħażin u tmexxi lilek innifsek mill-għixien ta’ bnedmin bla moħħ, liema bnedmin li jaraw kollox aħmar jew kollox blu.
L-istess bħal festa tal-bżar. Xi ġmiel ta’ festa kellna, jirrepetu l-ħomor, filwaqt li l-bluni ser jaraw kollox infieq ta’ flus.
Jien divers u differenti, allura nara kollox minn nuċċali tal-fqar, taż-żgħar, ta’ l-emarġinati.
Għax filwaqt li ċċelebrajna l-festa tal-bżar fl-għajnejn, mijiet ta’ postijiet tal-housing fil-Belt Valletta baqgħu fi stat tat-tielet dinja u mhux xierqa lejn il-Belt kapitali tal-kultura. Frugħa tal-frugħat u kollox frugħa.
Għax filwaqt li n-numru ta’ parkeġġi riżervati għal-Ministeri u d-Dipartimenti tal-Gvern dejjem ifaqqsu u jieħdu mill-ftit li kien għad fadal għar-residenti Beltin.
Basta niċċelebraw il-festa tal-bżar fl-għajnejn!!! Għax l-aqwa li l-passaġġi ta’ ħafna toroq inbelgħu mir-ristoranti u l-ħwienet mingħajr kontroll ta’ xejn u l-ebda proporzjoni raġjonevoli.
Għax filwaqt li nfaqna l-miljuni għal festa tal-bżar fl-għajnejn, pero mbgħad m’ għandniex biex insewwu l-bankini fiż-żoni residenzjali li lanqas għal bhejjem m’huma tajbin aħseb u ara għar-residenti Beltin.
Għaliex ċerti siti fil-Belt Kapitali Ewropeja agħar minn miżbla u tħalla jiddeterjora f’ siti tal-mistħija.
U wara l-festa tal-bżar fl-għajnejn, kollox reġa għal li kien.
Tfejna l-ispotlights, żarmajna l-iscaffoldings, neħħejna t-tined u l-konki fejn ir-residenti iridu jiffaċċjaw il-konsegwenzi ta’ strateġija li warrbet kull sens ta’ bilanċ bejn dak li hu kummerċjali u dak li hu tal-komunita’. Alla biss jaf x’ għad irridu nisimgħu fuq din il-festa tal-bżar fl-għajnejn!!!
Ħasra li l-kultura nbidlet f’festa tal-bżar fl-għajnejn.
U l-fqir baqa ġewwa fl-umdita, jgħodd it-truf tas-sigaretti. Il-fqir sema mill-bogħod il-festa tal-bżar fl-għajnejn, jaħseb u jisma radju malta jittkellem waħdu. Jistaqsi lilu nniffsu u jikkonferma li hu mhu ħadd u xejn, għax filwaqt li l-massa tiċċelebra l-festa tal-bżar fl-għajnejn, hu baqa waħdu fid-dawl ta’ bozza tal-ħmistax taħt saqaf abbandunat f’ nofs il-Belt Kapitali tal-Kultura.
Jien kont mistieden għal festa tal-bżar fl-għajnejn, imma ma ċedejtx quddiem l-aljenazzjoni at taparsi kulturali.
Filwaqt li ma rajt xejn, m’ għandix dubju mill-professjonalita ta’ l-artisti Maltin.