Opinjoni | Carter mhux Trump
Dun Anġ Seychell jqabbel lil Carter u lil Trump iżda ftit jara xebħ
Ma nafx kif, f’dawn il-jiem ftakart fil-President Carter, id-39 mexxej tal-Amerka. Ftakart fih mhux għax il-President Trump jixbhu, imma għax ma jixbhux.
Għandi ħafna tifkiriet sbieħ tal-President Carter. Fil-bidu tal-Presidenza tiegħu, niftakru jistqarr pubblikament: “Aqraw xuftejja: jien m’iniex se ngħid gidba waħda”
Il-Presidenza tiegħu bdiet tajjeb imma spiċċat ħażin. Ftit qabel it-tmiem l-ambaxxata Amerikana f’Teheran, il-belt kapitali tal-Iran sfat invaduta mill-Iranjani. Ġiet l-elezzjoni u Carter baqa’ l-art, tela’ darba biss, mhux bħal diversi qablu.
Premju Nobel
Imma l-President Carter jibqa’ msemmi mhux għal dak li kiseb tul il-presidenza tiegħu, imma għal dak li għamel wara li spiċċa mis-setgħa, b’risq ħafna mill-popli tad-dinja u li għal li għamel ingħata l-Premju Nobel għall-paċi. Se jibqa’ msemmi għall-isforzi tiegħu biex itemm il-ħafna konflitti f’diversi naħiet tad-dinja kif ukoll għat-taħbit tiegħu b’risq il-pajjiżi mhux żviluppati.
Flok mar jistrieħ wara li spiċċa minn President, Carter iddeċieda li jintefa b’ruħu u ġismu għall-avvanz tal-popli tad-dinja. Flok qagħad jedha bl-għelieqi tal-karawett li jippossiedi, fetaħ ċentru bil-kollaborazzjioni tal-Università Emory. Bħala Nisrani konvint reġa’ beda jmur jgħallem id-duttrina kull nhar ta’ Ħadd u baqa’ jikteb il-kotba, fosthom tlieta li għandi jien fil-librerija tiegħi – ktieb ta’ riflessjonijiet, waħda għal kull jum tas-sena; ieħor jirrakkonta l-esperjenzi tiegħu fost il-popli li għadhom jiżviluppaw; u ieħor pjuttost awtobijografiku.
Ċentru Carter
Flimkien ma’ martu Rosalynn, fl-1983 fetaħ iċ-ċentru Carter u fih issieħeb miegħu grupp imdaqqas ta’ ħassieba organizzati madwar Dayle Spencer. Fl-istess okkażjoni tliet organizzazzjonijiet separati, waħda terfa’ responsabbiltà għas-saħħa tat-tfal, oħra jisimha Global 2000 Inc, u ċ-ċentru għall-Jeddijiet tal-Bniedem.
Carter intalab kemm-il darba biex jidħol medjatur meta jinqalgħu l-konflitti. U f’dan il-qasam Carter huwa tabilħaqq espert. Jirrakonta sieħbu Pastor: “Carter kapaċi jidħol f’kamra, jgħarbel il-karattri tan-nies imdaħħla fil-konflitt u jsib tarfhom.”
Mhix se taqa’ d-dinja
“Bil-flus li id-dinja tonfoq fl-armamenti, f’sitt jew seba’ sigħat inkunu nistgħu nagħtu titqiba lit-tfal kollha tad-dinja!”
Darba minnhom Carter kien mitlub jindaħal mis-Sandinistas fin-Nikaragwa meta Ortega kien president. Ortega kellu fiduċja sħiħa f’Carter imma ħadd ma kien jaf sa fejn tasal dil-fiduċja.
Inzerta li kien hemm indikazzjonijiet ċari li fl-elezzjoni li kellha ssir il-kandidat tal-Oppożizzjoni, Violetta Ghamorro kienet se toħroġ rebbieħa u Ortega kien se joħroġ tellief.
Carter fetaħ konversazzjoni ma’ Ortega b’dan il-mod: “Jiena rbaħt elezzjoni presidenzjali. Jiena tlift elezzjoni presidenzjali. Għalhekk naħseb li nifhem kif tħossok int. Mhux se taqa’ d-dinja! Intom żgħażagħ, intom għandkom it-talenti u se jkollkom ċans ieħor. U meta Ortega aċċetta t-telfa, Carter qallu li l-akbar suċċess tiegħu kien li tilef l-elezzjoni għax dak kien l-aħjar mod li tagħti garanzija ta’ demokrazija lin-Nikaragwa!”
Imma martu Rosalynn ammettiet:“Għalija meta tlifna l-elezzjoni ħassejtni kont fl-aħħar tad-dinja!”
Iċ-ċentru Carter joffri s-servizz ta’ divesi medjaturi meta jinqala’ xi konflitt. Fost il-medjaturi hemm l-Arċisqof Desmond Tutu tal-Afrika t’isfel, Oscar Arias, ta’ Costa Rica, Gro Harlem Brundtland, eks Prim Ministru tan-Norveġja, Shridath eks Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth, il-Ġeneral Olusegun tan-Nigerja u Lisbet Palme, il-Kummissarju Żvediż għall-UNICEF.
Fost il-progammi ambizzjużi taċ-ċentru Carter hemm il-pjan li t-tfal kollha tad-dinja jingħataw titqiba kontra l-mardiet ewlenin li hawn imxerrda fid-dinja. Il-bniedem responsabbli mill-qasam tat-tfal, William Foege, jgħid: “Bil-flus li id-dinja tonfoq fl-armamenti, f’6 jew 7 sigħat inkunu nistgħu intaqqbu lit-tfal kollha tad-dinja!”