Opinjoni | Faqar moħbi

Id-Deputat Ivan Batolo jgħid li l-foqra vera jibqgħu lura tant li ħadd ma jinduna bihom sakemm...

Bnedmin foqra jagħmlu minn kollox sabiex ma jidhrux li huma foqra. Għall-kuntrarju ssib bnedmin għażżenin jew abbużivi, lesti u attenti kif ser jisolħu lil dawk ta’ qalbhom tajba, u jgawdu xi ħaġa minn fuqhom. Hemm minnhom, iqumu filgħodu u jaħsbu f’min jista’ jkun il-vittma tal-ġurnata. Lista ppreparata ta’ bnedmin magħrufa għat-tjubija tagħhom, dejjem tagħqad f’moħħhom. Lesti jaqilgħu minn żniedhom kull forma ta’ esperjenza bħal mard, funeral, isofru l-ġuħ u elf skuża oħra.

Dan huwa vizzju inuman, li jibqa’ jirrepeti ruħu matul iż-żmien. Trid toqgħod b’seba’ mitt għajn, jekk tasal tgħin lil xi ħadd. Jekk ma tafx lil min qed tgħin, trid tirriċerka l-każ sew, għax mhux talli tkun qed tingidem, talli tkun qed tagħmel aktar ħsara milli ġid lil min tkun qed tipprova tgħin. Fil-mument qed jitfaċċaw minn kullimkien nies bil-problema ta’ logħob, fejn fil-bidu jitolbuk elf ewro friski friski. Meta jaraw li ma twassalx jinżlu għal €500, imbagħad jinżlu għal €100, jekk ikunu qatgħu qalbhom li se ċċedi.

Il-biża’ hi, li tant nisimgħu li hawn il-ġid f’pajjiżna li ħadd ma jibqa’ jiġi emmnut jew inkella tiġi magħdud mal-oppożizzjoni u li qiegħed tesaġera, jew inkella li qed tagħmel ħsara lill-Gvern

L-iskuża komuni hi, li lil min għandhom jagħtu qed jheddidhom. Minn parir professjonali, qaluli li lanqas €10, m’għandek tagħtihom, għax anki dik tmur għal-logħob. Dawn il-bnedmin jeħtieġu biss l-għajnuna minn entitajiet li joffru l-għajnuna, bħalma hi l-Caritas.

Madanakollu mal-ħażin m’għandux jeħel it-tajjeb. Normalment bnedmin il-veru foqra jibqgħu lura, tant li ħadd ma jinduna bihom, sakemm xi ruħ tajba ma tmurx titkellem ma’ xi politiku jew kappillan għan-nom tagħhom, jew minn wara daharhom.

Id-dinamika tal-faqar hija kumplessa, u għandha tħejji aħjar lill-politiċi, kappillani, għalliema, tobba u professjonisti oħra qrib in-nies, sabiex bnedmin f’faqar relattiv jiġu xprunati ’l quddiem u ħadd ma jibqa’ lura. Is-servizzi soċjali jridu jkunu flessibli biżżejjed sabiex imorru għand dawk il-persuni li verament jeħtieġuhom u jgħinhom fil-veru sens tal-kelma u jkunu reżiljenti biżżejjed.  

Iweġġgħek il-fatt li tisma’ b’xi stejjer ta’ bnedmin magħrufa, dejjem igawdu fl-Aqwa Żmien. Bir-raġun jaqlgħulek it-tamal jekk ifettillek tikkritika lill-Gvern u lill-mexxejja tiegħu. Għassa kontinwament, ma tmurx tlissen kelma fuq is-social media jew xi mkien li b’xi mod tista’ tinfluwenza  fin-negattiv. L-Aqwa Żmien, kollox miexi fuq ir-rubini...

Iddur fejn iddur, anki l-politika tal-akkomodazzjoni soċjali, trid tistudja sew, (kif qiegħda tgħid li qed tagħmel) u tidħol fil-kċejjen tan-nies, u jekk hemm bżonn tiftaħ il-cupboards u l-friġġ, sabiex tara b’għajnejha faqar moħbi. Żmien Gvern Nazzjonalista, segwejna prattiċi ġodda, fejn professjonisti mill-akkomodazzjoni soċjali, ma kinux jakkomodaw lil kull minn għandu l-istess sfida, fl-istess blokk jew lokalità.   

Meta kont Sindku fil-Mosta, kont daħħalt prattika oħra fejn studenti/għalliema jew inkella għalliema rtirati kienu jgħinu fil-homework ta’ wlied li qegħdin jgħixu fil-faqar moħbi. Li ma jkunux dawn il-prattiċi żgħar, dawn it-tfal partikolari ma jiżviluppawx aħjar fl-edukazzjoni tagħhom, u ċ-ċiklu jerġa’ jirrepeti ruħu. L-istat jeħtieġ u bis-serjetà jiggarantixxi r-riġenerazzjoni ta’ dawn iż-żoni sabiex jinħoloq ix-xogħol u titjieb il-kwalità tal-ħajja.

Sfortunatament, bnedmin li għaddejjin minn faqar moħbi, niżlu s-shutter.  Għejjew jissieltu ma’ ħajjithom. Bir ta’ skieken, fejn id-dħul huwa limitat.  Li jaqilgħu jagħdduh lis-sid tal-kera. Il-futur tagħhom jarawh imċajpar.

Bla dubju ta’ xejn, il-bniedem minn dejjem iħoss il-bżonn u l-ħtieġa tas-sigurtà ekonomika. Bnedmin li għaddejjin minn faqar, iħossuhom aktar sikuri minn għajnuniet u benefiċċji soċjali milli jfittxu xogħol li jkunu mħallsin għalih bil-ftit u faċli jitilfuh, għax jindunaw ukoll li jkunu qed jiġu użati.    

Id-differenza bejn paga minima u għajnuna soċjali hija minima, allura ma ttihomx tort jagħżlu li jintefgħu fuq għajnuniet soċjali. Il-Gvern jeħtieġ li jkejjel bis-serjetà dan ir-rigward

Sfortunatament, bosta bnedmin li huma relatati ma’ faqar moħbi għandhom dħul baxx ħafna, però rridu nsemmu wkoll li għandhom ħiliet baxxi wkoll. Id-differenza bejn paga minima u għajnuna soċjali hija minima, allura ma ttihomx tort jagħżlu li jintefgħu fuq għajnuniet soċjali. Il-Gvern jeħtieġ li jkejjel  bis-serjetà dan ir-rigward.

Bla dubju ta’ xejn, hemm bnedmin jgħixu weħidhom f’dar enormi, minħabba sitwazzjonijiet ta’ mard, separazzjoni jew minħabba sfida oħra relatata.   Hemm min jinsab waħdu, u lanqas jaf jaqli bajda.  Xi wħud tarhom jixtrulek ikel xejn tajjeb. Ta’ darba kultant nifimha, imma ta’ kuljum, xi darba jew oħra ser tikkrolla. Dan huwa faqar ieħor moħbi. Il-ġimgħa l-oħra dħalt f’dar u sibt missier imbikkem, bi tliet ulied.  Dan il-missier stqarr miegħi li martu mietet ftit tax-xhur ilu, u li l-Milied u l-Ewwel tas-Sena għall-ewwel darba esperjenza festi tant sbieħ waħdu. Spjegali kif b’qalbu sewda għadda l-ġurnata quddiem it-televiżjoni b’te u toast.  Lanqas telefonata mingħand it-tliet uliedu.    Bħal dan il-missier jien naf ħafna u tinħass ċar li s-solitudni hija tip ta’ faqar mifrux.

 

Ħafna Maltin isofru minn stress finanzjarju, allura jekk kemm-il darba, wieħed joqgħod lura milli jixtri ikel essenzjali, u joqgħod jikkalkula kif ser jonfoq l-aħħar ftit ċenteżmi li jibqagħlu, kif wieħed jista’ jissoċjalizza jew imur attivitajiet komunitarji li għalihom iridu jħallsu, xejn ta’ barra minn hawn, ħlief ftit tal-ewro?

Jidher ċar in-nuqqas ta’ vuċijiet dwar il-faqar qiegħed dejjem jonqos. Il-biża’ hi, li tant nisimgħu li hawn il-ġid f’pajjiżna li ħadd ma jibqa’ jiġi emmnut jew inkella tiġi magħdud mal-oppożizzjoni u li qiegħed tesaġera, jew inkella li qed tagħmel ħsara lill-Gvern. Tal-mistħija! Din hi xi ħaġa serja. Libertà tal-espressjoni mhedda wkoll! 

Kulħadd jibża’ minn kulħadd, u jekk ifettillek titkellem arahom in-nagħaġ ta’ Bendu, jiktbu fuqek u jagħmlulek assassinju tal-karattru fuq il-mezzi tal-media soċjali. Għassa fuqek, għall-iċken mossa jew kelma. Skont huma l-faqar ġie fi tmiemu u jekk ifettillek turilhom bl-iswed fuq l-abjad li l-faqar żdied, jiżolqulek minnha u jgħidulek li r-realtà tal-lum hi differenti minn dik ta’ sitt snin ilu.

Li hu żgur li l-gideb jipproteġik, però jżommok ’il bogħod mill-verità. Li hu żgur li meta tkun inviżibli, il-bnedmin ma jarawkx, aħseb u ara int, mit-torri tal-avorju kemm ser tara lil ħutna Maltin jgħixu fil-faqar moħbi.  

More in Blogs