Opinjoni | Kollox inbidel biex…
Michael Grech jagħti ħarsa lejn il-kritika li pajjiżi barranin jgħaddu fuq Malta....
Jekk hemm ħaġa li ddejjaqni hi l-attitudni li għandhom uħud minna li xi ħadd li mhux Malti ma jistax jikkumenta jew jikkritika lil pajjiżna jew xi aspett tal-mod li bih ngħixu u naġixxu. Hi attitudni ħażina għax l-ewwel nett turi immaturità fuq min iħaddanna. It-tieni turi mod imnellaħ ta’ kif wieħed jifhem kritika, bħallikieku din bil-fors hi xi ħaġa ‘kontra’.
Il-kritika tista’ tkun att ta’ mħabba; tħeġġiġ biex xi ħaġa li tapprezza ssir aħjar. Naf bosta barranin li jew għexu jew ġew Malta li jikkritikaw aspetti ta’ kif ngħixu u naġixxu għax tassew jixtiqulna ġid. Uħud minnhom jippruvaw jiftħulna għajnejna dwar affarijiet li ġraw f’pajjiżi li minnhom ġejjin u li aktarx ser jiġru f’pajjiżna jekk ma noqogħdux attenti, bħall-booms ekonomiċi li mbagħad jinfaqgħu f’daqqa waħda, bini bla rażan li meta tispiċċa r-rebbiegħa jispiċċaw katavri vojta, u affarijiet negativvi, li ġa ġraw f’postijiet bħal Ċipru u Spanja.
Hu stupidu li ma tismax u ma tweżinx kritika bħal din. Turi fl-aħħar mill-aħħar nuqqas ta’ sigurtà u fiduċja fina nfusna. Dan in-nuqqas jista’ jkollu bosta għeruq. Wieħed minnhom żgur hu l-wirt kolonjali li baqa’ f’moħħna.
The Empire Strikes Back...
Bħalma hi stupida l-idea li kull kritika li ġejja minn barra hi ndħil, hi bla sens l-idea li kulma jingħad dwarna minn (ċerti) għejjun lil hinn minn xtutna hu vanġelu. Ċerta kritika u analiżi li saret fuq fatti reċenti f’pajjiżna ngħidu aħna, uriet traskuraġni u xi drabi diżonesta. Ibda minn xi ħadd li sa ftit ilu kont nammira, il-kittieb Taljan Roberto Saviano, li saħansitra fl-ewwel siltiet tal-biċċa tal-20 ta’ Diċembru 2017 fuq il-gazzetta Republica fejn jinnomina lil Daphne Caruana Galiza ġurnalista tas-sena, jieħu falza stikka meta jgħid li din il-ġurnalista ġiegħlet lill-Gvern Malti jirriżenja.
Mhux talli għad hemm min jemmen fl-orakli. Talli bħalma daqs sittin sena ilu kien hemm min iħobb jugża u jirraporta Ruma jew Londra, illum hemm min iħobb jgħajjat lill-mamà tal-Belġju. L-idea ta’ diskussjoni serja u matura denja ta’ poplu sovran donnha ma tgħaddi minn moħħ ħadd
Ma jafx li f’pajjiżna li gvern isejjaħ elezzjoni ma jfissirx neċessarjament li l-gvern ikun irriżennja, ħaġa li anke l-aktar riċerkatur dilettant kien ifttex biex ma jgħatix impressjonijiet żbaljati. (Nispera li ma jużax l-istess ‘traskuraġni’ fir-riċerka meta jitkellem fuq il-Kamorra). U ibqa’ sejjer għall-pastażati bħal programm tal-BBC fejn jaqsam lil Malta fi tnejn; Nazzjonalisti, jitkellmu b’Ingliż tajjeb u jħobbu l-ġustizzja u l-governanza, u Laburisti jitkellmu Ingliż ħażin u jemmnu li ġurnalista li titkellem wisq b’xi mod tistidinha jekk tispiċċa maqtula.
Biex ma nsemmux it-ton paternalista ta’ bosta interventi u delegazzjonijiet tal-UE. (Sfortunatament fil-kontinent Ewropew ukoll ġieli mietu ġurnalisti, u f’uħud mill-każi l-qattiela ma nqabdux minkejja li d-delitti seħħew snin u mhux xhur ilu. Ma jidhirlix imma li minn Brussell joqogħdu jibagħtu d-delegazzjonijet jaraw kif sejrin l-inkjesti.)
Bħal fi żmien l-Imperu imma, hemm min hawn Malta jekk joħroġ xi ħoss dwarna minn xi mkien li jidealizza, jistma dan il-ħoss bħala l-vuċi t’oraklu. Jekk qabel dan l-oraklu kien il-Vatikan u/jew Londra, għal uħud illum sar (ukoll) Brussell. U mhux talli għad hemm min jemmen fl-orakli. Talli bħalma daqs sittin sena ilu kien hemm min iħobb jugża u jirraporta Ruma jew Londra, illum hemm min iħobb jgħajjat lill-mamà tal-Belġju. L-idea ta’ diskussjoni serja u matura denja ta’ poplu sovran donnha ma tgħaddi minn moħħ ħadd. Jekk jirnixxieli nikkonvinċi lil Big Brother jgħid li int ġurdien, probabbli nibda nemmen li tassew int hekk. Dan jirrifletti nuqqas ta’ stima lejna nfusna li wkoll, uħud mill-għeruq tagħha jinsabu fil-kolonja li baqet f’moħħna u qalbna.
Biex ma nsemmux dak li ġara lill-Prim Ministru wara d-delitt tal-Bidnija. Sa ftit qabel dan donnu kien il-fessud ta’ bosta mill-medja Ewropea meta din kienet tirreferi għal Malta u gћal bosta fi Brussel. L-aktar fejn tidħol l-ekonomija, anke għaliex f’dak li għandu x’jaqsam ma’ numri (u mhux neċessarjament ma’ nies), f’pajjiżna l-politika ekonomika li s-setgħana tal-kontinent Ewropew u mhux biss irewħu kienet qed twassal għal tkabbir. Muscat ukoll, f’dik li hi politika barranija ħa probabli l-aktar linja favur il-Punent li kellu Prim Ministru Malti mill-Inidpendenza ’l hawn.
Muscat ukoll, f’dik li hi politika barranija ħa probabli l-aktar linja favur il-Punent li kellu Prim Ministru Malti mill-Inidpendenza ’l hawn
L-istess dwar l-UE, bil-qofol ikun il-mea culpa li għamel pubblikament fil-medja internazzjonali qabel ir-referendum tar-Renju Unit. Bħal pedina taċ-ċess li mhix ewlenija, madankollu wara li ġara l-inċident Muscat spiċċa mniżżel mill-pedestal mill-istess medja u istituzzjoni Ewropej li sa ftit qabel kienu jfaħħruh. Anke dan imma hu sintomu tal-imperu; ta’ wlied Alla tal-ewwel diviżjoni u wlied Alla tat-tieni.
Qabbel il-mod li bih il-medja internazzjonali u l-Unjoni Ewropea titratta lil Tony Blair li wkoll għandu konessjoni mill-qrib mal-Ażerbajġan; u li bħala Prim Ministru mhux sar delitt f’pajjiżu ta’ ġurnalist bħalma ġara fil-każ ta’ Muscat, imma hu responsabbli ta’ bosta demm imxerred l-Iraq; mal-mod li bih din qed titratta bħal issa lil Muscat.
Għal min ma indunanx dan l-artiklu ma kienx dwar Muscat, id-delitt u l-bqija, imma dwar il-kolonjaliżmu.
Tal-aħħar
Din aktarx m’għandhiex x’taqsam, imma forsi għandha wkoll. Kif ma staħax David Casa itella’ l-qorti lil xiħ li (b’mod kundannabbli) parla fil-vojt fuq il-medja soċjali, u fl-istess ħin għaddej fuq quddiem fil-kanonizzazzjoni ta’ xi ħadd li fil-blogg tagħha kienet tuża frażijiet ħelwin bħal ‘they should be lined up and shot at dawn’ (Running Commentary, 3 ta’ Ġunju 2017)? Jew forsi għax il-qarrejja tal-blogg edukati, jifmhu l-Ingliż u jimxu mal-liġi, u kliem bħal dan ma jistax ikebbes fihom ħerqa għall-vjolenza? Jifmuha b’mod metaforiku? Jekk jagħmlu l-premju tal-ipokrita tas-sena naf li min ninnomina.