Opinjoni | Ir-rabta bejn il-familja u l-faqar
Skont Duncan Smith hija li hemm rabta mill-qrib bejn il-faqar u t-tkissir tal-familji
Ian Duncan Smith huwa Politiku Kattoliku prominenti. Kien Ministru fil-gvern ta’ David Cameron imma rriżenja għax huwa favur it-tluq tal-Ingilterra mill-Ewropa (Brexit). Huwa l-kap taċ-ċentru għall-Ġustizzja Soċjali, li huwa osservatorju importanti dwar il-familja.
It-teżi ta’ Duncan Smith hija li hemm rabta mill-qrib bejn il-faqar u t-tkissir tal-familji.
Il-fatti ta’ Duncan Smith.
F’kitba tiegħu fil-gazzetta Sunday Times, Duncan Smith ġieb dawn il-fatti:-
- 60% tat-tfal Ingliżi li jitwieldu minn ġenituri mhux miżżewġa jġarrbu t-tkissir tal-familja qabel ma jagħlqu t-tlettax-il sena;
- Meta l-ministri ta’ Cameron fittxew x’qed iwassal għal faqar fost it-tfal, sabu li dawk li jikbru ġo familja mkissra għandhom ċans doppju li jsibu rwieħhom fil-faqar;
- Meta jagħlqu 5 snin nofs it-tfal li jgħixu ġo familji fqar ma jkunux qed joqogħdu iżjed biż-żewġ ġenituri li wellduhom, waqt li fost il-familji bi dħul akbar huma biss wieħed minn kull 6 li jġarrbu l-istess tkissir;
- Fl-Ingilterra dawk il-ġenituri li jikkoabitaw għax mhux miżżewġa għandhom 94% ċans akbar li jinfirdu qabel ma’ wliedhom jagħlqu 12 il-sena;
- It-tfal li jsibu rwieħhom f’dan it-tkissir tal-familji għandhom ferm ikbar ċans li jmorru ħażin fl-iskola, li jaqgħu f’xi vizzju u jiddependu mill-benefiċċji tal-Istat.
Fi kliem ieħor l-istabilità tal-familji qed issir monopolju tal-klassi tan-nofs.
Oqsma oħra
Barra mit-tfal hemm oqsma oħra li qed iġarrbu l-effetti tat-tkissir tal-familji. Ħabsin li ġejjin minn familji stabbli għandhom ċans akbar ta’ riabilitazzjoni u sogru inqas li jerġgħu jduqu l-ħabs minn ħabsin oħrajn.
Hu magħruf ukoll li l-għeruq tal-problemi ta’ saħħa mentali ħafna drabi qed jinstabu fi ħdan il-familji.
Dawk li jikbru f’familja mkissra għandhom ċans doppju li jsibu rwieħhom fil-faqar
Għall-Gvern Ingliż it-tkissir fil-familji qed iqum lill-Kaxxa finanzjarja tal-Ingilterra s-somma ta’ iżjed minn 48 elf miljun lira sterlina. Skont Duncan Smith kieku dan jiġri f’xi qasam ieħor tal-gvern, kieku min jaf kemm jitfasslu pjanijiet urġenti biex isibu tarf tiegħu.
Twissija
Imma Duncan Smith jagħmel twissija importanti li qed tidwi anke fil-qasam tal-familja hawn Malta; iċ-ċifri juru li l-koabitazzjoni saret l-għamla ta’ familja li l-iżjed qed tikber fl-Ingilterra. Bejn l-1996 u l-2012 il-proporzjon ta’ tfal taħt l-età fi ħdan familji li jikkoabitaw irdoppja. Waħda minn kull 5 koppji bi tfal taħt l-età qed jikkoabitaw, imma huma n-nofs tal-familji li qed iġarrbu tkissir.
Dit-twissija tgħodd għalina hawn Malta wkoll. Jiena sikwit qed niltaqa’ ma’ nies li jgħiduli li fil-familja tagħhom hemm waħda jew wieħed jew iżjed li qed jgħixu bħala partners.
Il-ħassieba tax-xellug
U hawn Duncan Smith joħroġ b’akkuża kontra l-ħassieba tax-xellug. Qed jakkużahom li qed jipprattikaw id-drawwa li fid-dokumenti pubbliċi jridu li ma jibqax ikun hemm miktub jekk wieħed jew waħda humiex miżżewġa. U jsemmi b’isimha li Harriet Harman, persuna prominenti tax-Xellug li ħarġet bl-idea li l-politiċi għandhom ikunu ipprojbiti li jitkellmu fuq iż-żwieġ jew fuq il-ħsara li jġib miegħu t-tkissir tal-familja.
Hemm maġġoranza li jridu b’saħħa li l-gvernijiet isaħħu l-familja, u 8 minn kull 10 qalu li fil-fehma tagħhom it-tkissir tal-familja kienet problema serja
Araw fejn wasal il-Liberaliżmu.
Il-poplu ma jaqbilx
Però Duncan Smith iżid jgħid li l-poplu Ingliż mhux jaqbel ma’ din l-attitudni. Meta ċ-Ċentru għall-Ġustizzja Soċjali staqsa lil adulti żgħażagħ għaliex qed jaspiraw fil-ġejjieni ta’ ħajjithom, tliet kwarti minnhom wieġbu li huma jridu jiżżewġu. U kien hemm maġġoranza li jridu b’saħħa li l-gvernijiet isaħħu l-familja, u 8 minn kull 10 qalu li fil-fehma tagħhom it-tkissir tal-familja kienet problema serja. U 80% tal-ġenituri mill-ifqar familji jidhrilhom li l-gvern għandu jistqarr li l-istabilità hi importanti għat-tfal. U iżjed minn nofs l-ommijiet weħidhom stqarrew li hu importanti għat-tfal li jitrabbew maż-żewġ ġenituri.
L-Ingilterra tgħallimna.