Opinjoni | Saħħa fiżika u mentali
Wieħed minn kull erbgħa jgħaddu minn problemi ta’ saħħa mentali...iżda tliet kwarti minnhom ma jfittxux għajnuna
Meta grupp ta’ żgħażagħ telgħu l-famuż Karnival tan-Nadur “bit-taxi taʾ Monte Karmeli”, aktarx ftit li xejn ħasbu dwar kemm b’għemilhom setgħu jweġġgħu nies. Qam dibattitu fuq diversi livelli. Min tkellem dwar satira u aktar importanti minn hekk min iffoka fuq kemm fir-realtà din kienet mossa insensittiva, li tweġġa’ lil min għandu problemi taʾ saħħa mentali u l-qraba tagħhom.
Kien hemm min sostna li l-kwistjoni ta’ saħħa mentali tirrikjedi diskussjoni ferm aktar wiesgħa u serja, lil hinn minn mossa karnivaleska li ħolqot diskussjoni tal-mument. Minkejja li ninsabu fl-2018 bʾavvanzi soċjali kbar, xorta waħda għada teżisti stigma kbira fil-qasam tas-saħħa mentali. Għadna ngħixu f’soċjetà fejn ftit nirrealizzaw li int min int u ġej minn fejn ġej xorta xi darba jew oħra tista’ tgħaddi minn mument diffiċli li jsibek f’mument vulnerabbli u tista’ tkun int fuq in-naħa l-oħra. Il-persuna li taqla’ l-ħars ikrah għax għaddej minn mument diffiċli. Il-persuna li ħadd ma jista’ jifhem.
Bħala Chair tal-Koalizzjoni Ewropea tas-Saħħa Mentali kelli bosta okkażjonijiet, anke f’Malta flimkien mar-Richmond Foundation, biex inħarsu lejn is-saħħa mentali u l-istigma li għada teżisti. Fil-ġurnata tal-lum huwa aċċettabbli li kull parti ta’ ġisimna tista’ timrad imma mhux faċli naċċettaw li anke moħħna jista’ jimrad. Il-problemi ta’ saħħa mentali mhumiex viżibbli u għalhekk aktar diffiċli biex tispjega lil dawk ta’ madwarek minn xiex tkun għaddej.
Il-ħtieġa li l-Isptar Monte Carmeli u s-servizzi tas-saħħa mentali f’pajjiżna jitjiebu huwa bżonn li l-Gvern innifsu jagħraf. Huwa l-pjan tal-Gvern li sal-2023 l-isptar Monte Karmeli jkun ta’ livell għoli
Qed ngħixu fʾdinja fejn wieħed minn kull erbgħa jgħaddu minn problemi ta’ saħħa mentali tul ħajjithom. Iżda tliet kwarti minnhom ma jfittxux għajnuna.
L-aħħar rapport maħruġ mill-Kummissarju għas-Saħħa Mentali juri kif aktar minn nofs tal-pazjenti li ddaħħlu l-iSptar Monte Karmeli għandhom anqas minn 45 sena. 30% minnhom huma adoloxxenti u żgħażagħ sa 30 sena. Forsi ftit nistaqsu għaliex iż-żgħażagħ u l-adoloxxenti qed jaffaċċjaw problemi ta’ saħħa mentali. Qed ikollhom wisq stress li forsi ftit jifilħu għalih? X’inhuma r-ragunijiet li qed iwasslu biex persuni żgħar fl-età qed isofru minn problemi ta’ saħħa mentali. Għaliex ħafna għadhom iħossuhom sal-ġurnata tal-lum li jridu jgħixu din ir-realtà fil-moħbi?
Il-verità hi li kemm-il darba tkellimna dwar il-ħtieġa li nindirizzaw il-kwistjonijiet marbuta mas-saħħa mentali, mhux biss b’mod leġislattiv imma wkoll strutturali u fuq livell ta’ komunità.
Skont l-istess rapport tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali, saru 86 talba għal trattament fil-komunità filwaqt li kien hemm 507 talba għall-ammissjoni involontarja matul l-2016. Il-mistoqsija ewlenija hija jekk dawn il-figuri jibqgħux l-istess jekk ikollna sistema adegwata u li taħdem kif suppost ta’ early intervention. Imma biex persuni jersqu ’l quddiem iridu jħossu li jekk jagħmlu dan ma jkunux iġġudikati jew imżebilħa. Biex naslu f’dan il-punt irridu ngħarfu li kundizzjonijiet bħal anxiety disorders jeżistu u mhumiex xi ħaġa li nieħdu b’inqas serjetà minn problemi fiżiċi.
Barra minn hekk, illum il-ġurnata l-isptar Monte Karmeli qiegħed f`kundizzjoni li la tgħin lill-pazjenti, u lanqas lill-ħaddiema. L-istat ta’ Monte Carmeli ma marx lura fl-aħħar snin. Għal snin sħaħ, l-Isptar Monte Carmeli tħalla miltuq bi swali ma jkollhomx biżżejjed ħaddiema u swali oħra fejn il-ħaddiema ma jistgħux ilaħħqu.
Fi kliem il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali stess, hemm nuqqas ta` sigurtà filwaqt li l-ambjent innifsu jinstab fi ħtieġa urġenti ta’ titjib. Huwa ferm inkwetanti meta nisma’ l-Kummissarju jgħid li l-għan ta’ kura dinjituża f’ambjent sigur u adattat mhux qed jintlaħaq. Il-ħtieġa li l-Isptar Monte Carmeli u s-servizzi tas-saħħa mentali f’pajjiżna jitjiebu huwa bżonn li l-Gvern innifsu jagħraf. Huwa l-pjan tal-Gvern li sal-2023 l-isptar Monte Karmeli jkun ta’ livell għoli bħal dak tal-isptar Mater Dei permezz ukoll ta’ żieda fil-fondi nazzjonali allokati, flimkien ma’ strateġija long-term dwar is-saħħa mentali.
Hemm bżonn aktar ħidma fil-komunità biex il-pazjenti jintegraw aktar fis-socjetà tagħna. Il-ħidma li tagħmel ir-Richmond Foundation f´dan il-qasam huwa eżempju ċar ta’ x’għandha ssir in-norma
Apparti dan l-investiment, illum il-ġurnata aktar minn qatt qabel hemm bżonn li pajjiżna jimxi lejn investiment favur kura fil-komunità fejn il-persuni jingħataw id-dinjità u l-possibilità li jgħixu ħajja kemm jista’ jkun normali, fejn jikkontribwixxu u l-potenzjal tagħhom ikun apprezzat u utilizzat. Hemm bżonn aktar ħidma fil-komunità biex il-pazjenti jintegraw aktar fis-socjetà tagħna. Il-ħidma li tagħmel ir-Richmond Foundation f´dan il-qasam huwa eżempju ċar ta’ x’għandha ssir in-norma. Il-mudell tal-fondazzjoni jaħdem għax jassigura li l-persuni qedgħin jintegraw fis-soċjetà u mhux jinqatgħu għalihom.
Il-ħidma fuq livell ta’ trattament mediku iżda trid timxi id f’id mal-kunċett ta’ kura primarja għas-saħħa mentali. Naqbel ħafna mal-istudenti tal-mediċina li qed jipproponu li jkun hemm counselling u support groups. Għaliex m’għandux ikun hawn aktar postijiet tax-xogħol li joffru servizz ta’ għajnuna psikoloġika lill-ħaddiema tagħhom? Dan ma japplikax biss għal dawk il-ħaddiema li n-natura tax-xogħol tagħhom ilaqqgħahhom ma’ każijiet diffiċli u problemi ta’ ħaddieħor imma anke għal kwalità tal-ħajja tal-ħaddiem b’mod ġenerali. Min iħaddem għandu jgħaraf li jekk jinvesti f’għajnuna psikoloġika lill-ħaddiem tiegħu din mhijiex spiża żejda imma huwa investiment f’ħajja ahjar għall-haddiema tieghu. Ħaddiem mentalment b’saħħtu jagħti xoghol aħjar u jaħdem aktar.
Il-ħaddiem mhux magna. Għandna ħaddiema li jaħdmu ħafna. Bl-istess mod għandhom dritt għall-ħin mal-familja tagħhom, ħin liberu u kwalità ta’ ħajja aħjar. Opportunità li jgħaddu ħin mal-familja tagħhom f’ambjent miftuħ u arja nadifa.
Meta aċċettajt l-istedina tar-Richmond Foundation biex inkun ambaxxatriċi għas-saħħa mentali, għamilt dan bl-impenn li nagħti l-massimu tiegħi biex ngħin biex tiżdied aktar il-kuxjenza filwaqt li bħala politiku nimbotta ʾl quddiem bidliet għal aħjar f´termini ta’ policy.
Bħalma kkommettejt ruħi dakinhar nerġa’ nikkommetti ruħi llum. Aktar ma nirrealizzaw malajr li kulħadd jista’ jkun suxxettibli ghal kwistjonijiet taʾ saħħa mentali, aktar nagħmluha faċli biex nindirizzaw it-tibdil fʾdan il-qasam illum qabel għada.