Editorjal | Immaġina kull filgħodu...
Tqum filgħodu u tisma dik il-vuċi tfesfes 'int m'int kapaċi għalxejn', 'int bla valur'...editorjal iddedikat lil dawk kollha li għaddejjin minn problemi ta' saħħa mentali
Immaġina tqum filgħodu u l-ewwel ħaġa li tisma’ ma tkunx l-għajta ta’ xi ħadd iferrħek, jew il-kitla tagħli lesta biex tagħmel kafè, jew xi għasfur jgħanni jew il-ħoss tat-tfal sejrin l-iskola, imma vuċi partikolari. Vuċi li tgħidlek li m’intix kapaċi, li llum se tfalli. Vuċi illi tgħidlek li tajjeb daqs ħaddieħor ma tista’ qatt tkun, li ma tista’ qatt tasal u li se tqum mis-sodda biex terġa’ tiftakar li l-eżistenza tiegħek hija waħda miżerabbli.
Din hija realtà moħbija li mijiet u eluf f’Malta u miljuni oħrajn madwar id-dinja jqumu għaliha kull filgħodu. Mhux għax jixtiequ jew għax iridu imma għax bħal dudu qed jikolhom minn ġewwa, għandhom vuċi li qed tkissirhom u tifnihom u li qed iġġegħelhom jaħsbu li ma jiswew għal xejn.
Is-saħħa mentali reġgħet telgħet fuq l-aġenda politika u soċjali tal-pajjiż wara vann fil-karnival spontanju tan-Nadur bil-kliem ‘Monte Carmeli’ u li fuqu kien hemm miktub ‘Mount Carmel Taxi- Crazy, sick people’. Ladarba huwa spontanju dan il-karnival, din l-ispontanjetà qed turi illi għadna lura biex nifhmu din it-tebgħa, lura ħafna biex nifhmu t-tbatijiet li jgħaddu minnhom eluf ta’ nies li jew jgħaddu minn perjodu, jew iqattgħu ħajjithom, ibatu minn kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali.
Vuċi li tgħidlek li m’intix kapaċi, li llum se tfalli. Vuċi illi tgħidlek li tajjeb daqs ħaddieħor ma tista’ qatt tkun, li ma tista’ qatt tasal
Jekk xejn, l-espressjoni spontanja fin-Nadur ġegħlitna naħsbu jekk aħniex qed nagħmlu biżżejjed. Uriena li lanqas il-bażiku għadna ma bnejna biżżejjed.
Qabel biss niddiskutu l-qasam tas-saħħa mentali fuq binarju politiku, jeħtieġ li nfakkru u nedukaw dwar is-saħħa mentali. Jeħtieġ nifhmu u nfehmu li bħalma ammont kbir ta’ ikel ta’ ċertu tip iwassal għall-obeżità u bħalma s-sigaretti jistgħu jwasslu għall-kanċer, problema u sfida fuq oħra f’ħajjitna jistgħu jwasslu għal dipressjoni, ħafifa jew akuta. Irridu naċċettaw li xi kultant ma nkunux nifilħu għall-piż, li xi kultant l-għuda tas-salib li nkunu qed inġorru tkun tqila wisq, jeħtieġ li fejn ma nifilħux nistaqsu għall-għajnuna. Għax li tfittex l-għajnuna hija l-ikbar kisba li qatt tista’ tagħmel f’ħajtek. Li tfittex l-għajnuna mhux sinjal ta’ dgħufija imma sinjal ta’ saħħa u kuraġġ.
Minn hawn irridu nibdew jekk irridu nuru illi l-ispontanjetà tal-kliem fuq dak il-vann mhux dak li vera jirrappreżenta ħsiebna u l-preġudizzji tagħna.
Is-saħħa mentali hija kumplessa ħafna u għax hija hekk u għax hija xi ħaġa li ħafna jippreferu jaħbu milli jitkellmu dwarha neħtieġu li ninnormalizzaw il-kura.
Għax li tfittex l-għajnuna hija l-ikbar kisba li qatt tista’ tagħmel f’ħajtek. Li tfittex l-għajnuna mhux sinjal ta’ dgħufija imma sinjal ta’ saħħa u kuraġġ.
Għalhekk dan l-editorjal jaqbel perfettament mal-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Richmond Stephania Dimech Sant, li qed tinsisti illi l-Isptar għas-Saħħa mentali għandu jkun f’Mater Dei u ma jibqax f’Monte Carmeli. Huwa pass pożittiv li jinnormalizza pazjenti bi problemi ta’ saħħa mentali, li jista’ jkun kulħadd. Tista’ tkun int, nistgħu nkunu aħna, jista’ jkun ibnek, bintek jew in-neputija tiegħek. L-Isptar Monte Carmeli, u minn hawn insellmu lill-ħaddiema kollha ta’ dan l-isptar li tant huma dedikati, huwa post li joħloq segregazzjoni inġusta u li llum m’għadx hemm raġuni valida għaliha. Ma ninsewx li din hija wegħda elettorali, u hija waħda li jeħtieġ tkun implimentata kemm jista’ jkun malajr, għax ġurnata taf tfisser ħajja.
Li tmur għand psikjatra jew psikoloġista ma jagħmlekx ‘crazy person’ imma rebbieħ fuq il-problemi li tiffaċċja f’ħajtek u eroj żgħir li kont kapaċi tqum, tasserixxi min inti, tammetti li tinsab f’fondoq u taċċerta li terġa’ tikseb ħajtek.
Kemm hawn min ma wasalx s’hawn. Kemm hawn min ixxabbat ma’ sur jew ma’ ċint, jew rabat mażżra fatali m’għonqu. Kemm hawn min ra lil ommu, missieru jew saħansitra lil uliedu, mal-art mejtin jew imdendlin bla ħajja. Anke taħseb fuqha, taħsadlek l-enerġija minn ġo fik, aħseb u ara taraha quddiem għajnejk.
Kemm kien ikun isbaħ kieku nkunu spontanji, mhux fl-injoranza tat-tbatijiet u r-realtajiet ta’ ħaddieħor, imma fl-għerf u l-għarfien
Kemm kien ikun isbaħ kieku nkunu spontanji, mhux fl-injoranza tat-tbatijiet u r-realtajiet ta’ ħaddieħor, imma fl-għerf u l-għarfien ta’ dak li nistgħu nagħmlu biex ngħinu lil min jinsab f’ħabs ta’ miżerja.
Għalhekk qed niddedikaw dan l-editorjal lil dawk kollha li wara daqqa ta’ ponn, qamu minn mal-art, imxew u sabu l-kuraġġ.
U la l-ispontanjetà ħarġet bl-Ingliż, hekk ukoll se ntemmu dan l-editorjal. Bi kliem l-eks President Amerikan Bill Clinton; ‘Mental illness is nothing to be ashamed of, but stigma and bias shame us all.’