Opinjoni | Ján Kuciak
Immanuel Mifsud jitħasseb dwar ir-reazzjoni tal-Maltin wara l-aħbar tal-qtil tal-ġurnalist Ján Kuciak u s-sieħba tiegħu Martina Kusnirova
Ikolli ngħid li ddiżappuntajt ruħi mhux ftit meta rajt l-ewwel reazzjonijiet fuq il-mezzi soċjali Maltin ftit tal-ħin wara li tfaċċat hawnhekk l-aħbar tal-qtil brutali tal-ġurnalist investigattiv Ján Kuciak u s-sieħba tiegħu Martina Kusnirova. Immedjatament sar paralelliżmu bejn dan il-qtil u dak ta’ Daphne Caruana Galizia; u bir-raġun għaliex hemm ħafna xebh bejn iż-żewġ każi.
Imma fost l-ewwel reazzjonijiet kien hemm attitudni ċinika li “kontra dak li ġara hawn”, kien maħsub li fis-Slovakkja ma kienx se jkunu hemm furur; ma kienx se jkun hemm purċissjonijiet fil-kapitali bix-xemgħat u lanqas ma kien se jkun hemm reazzjoni mill-membri parlamentari fil-Parlament Ewropew. Fir-realtà, għall-kuntrarju, kien hemm furur kbir ħafna u kien hemm numru kbir ta’ manifestazzjonijiet popolari (inklużi mal-monumenti nazzjonali) ta’ għadab u xokk għal dak li ġara. U kienu ħafna l-ġurnali (serji) internazzjonali li baqgħu jġibu rappurtaġġi fuq il-każ.
Iddispjaċieni għal daċ-ċiniżmu mhux daqstant għax, għal raġunijiet familjari, is-Slovakkja saret it-tieni pajjiż tiegħi, imma għax intbaħt li mqar il-mewt, jew aħjar il-qtil, tista’ sservi ta’ sawt.
Fost il-ħafna artikli li nkitbu b’reazzjoni għall-qtil tal-ġurnalist Slovakk, laqatni ħafna dak ta’ Samuel Abraham, ir-rettur tal-Iskola Internazzjonali tal-Art Liberali fi Bratislava. F’artiklu li ħareġ il-Ħamis li għadda fil-ġurnal ta’ kuljum SME, bit-titlu “In-niket u l-opportunità tal-2018 fis-Slovakkja”, Abraham jieħu l-każ terribbli ta’ Kuciak bħala opportunità għal eżami tal-kuxjenza mhux tal-politiċi (ħafna minnhom ta’ karattru dubbjuż) iżda tas-soċjetà Slovakka fl-interità tagħha.
Anki jekk jinqabdu l-qattiela ta’ dawn it-tnejn min-nies innoċenti; anki jekk jiġu arrestati dawk li ordnaw il-qtil u jitneħħew xi uffiċjali tal-gvern, is-soċjetà nfisha mhijiex se titnaddaf
Jikteb Abraham: “Anki jekk jinqabdu l-qattiela ta’ dawn it-tnejn min-nies innoċenti; anki jekk jiġu arrestati dawk li ordnaw il-qtil u jitneħħew xi uffiċjali tal-gvern, is-soċjetà nfisha mhijiex se titnaddaf. Sa mill-1989, fis-Slovakkja ma kienx hemm każ wieħed ta’ korruzzjoni marbuta mal-poter politiku li wassal biex xi ħadd jitressaq il-qorti u jinstab ħati. Sirna,” ikompli Abraham, “post fejn il-ġustizzja tevapora, u nħossu li ma nistgħu nagħmlu xejn, bħal meta noqogħdu nħarsu lejn it-trakkijiet tal-injam li qegħdin ineżżgħu l-foresti tagħna. Hija xi ħaġa inġusta u tal-mistħija, iżda sadattant sanzjonata legalment, jew sempliċiment injorata.” U jikkonkludi, “Ninsabu rrabjati imma fl-istess waqt apatetiċi għax qed nitilfu t-tama li s-Slovakkja tista’ tinbidel.”
Il-kumment ta’ Abraham huwa interessanti għax fil-każ ta’ dak li ġara f’pajjiżu, il-qtil kellu jservi biex is-soċjetà Slovakka, hija wkoll batuta minħabba kultura ta’ omnipotenza tal-politiċi u korruzzjoni rampanti, tqum min-ngħas li għandha u ma tibqax taċċetta kollox qisu xejn mhu xejn. Qabel dan il-każ, is-Slovakkja ma kellhiex wisq kultura ta’ riżenji, għax l-istess bħal f’ċerti pajjiżi oħrajn, il-politiċi jħossuhom ħafna akbar milli fil-fatt huma.
Jekk il-qtil ta’ Kuciak u Kusnirova jwassal għat-tiġdid tas-soċjetà, allura t-traġedja, ironikament, ikollha eżitu inkoraġġanti u l-vittmi jsiru martri. Ikun ifisser ukoll li s-soċjetà tkun għarfet tkun matura biżżejjed biex tħares ħarsa madwarha imma wkoll fil-fond tagħha nfisha, u tieħu l-miżuri meħtieġa għat-tiġdid jew għall-bidla.
Fuq dan il-punt tqum is-soltu dilemma: jekk is-soċjetà teleġġix il-gvern li jistħoqqilha (bħalma jgħid dak il-graffit li hemm ħdejn il-kampus ta’ Tal-Qroqq) jew inkella jekk l-eletti għandhomx il-poter jagħmu lill-poplu u, bażikament, jagħmlu li jridu bih. Fil-marċi ta’ protesti li qegħdin isiru ta’ kuljum fi bliet differenti fis-Slovakkja qegħdin jinstemgħu għajtiet għal aktar riżenji minn membri tal-gvern, jekk mhux ukoll mill-gvern kollu kemm hu. Ma rridux ninsew li dan huwa pajjiż li għandu jiftakar sew it-tattiċi tar-rivoluzzjoni u l-qawmien kontra r-reġim: kif ġara bil-Qawmien Nazzjonali kontra t-tmexxija faxxista fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija, u kif seħħ fl-1989 meta sar il-qawmien kontra r-reġim skadut komunista.
Meta nħares lejn l-istorja ta’ Malta, kważi nibda nemmen li dan il-poplu twieled taħt stilla ħażina u li l-firda li ilha taqsamna m’hemm xejn li jista’ jeradikaha
Fil-każ lokali, il-qtil tal-ġurnalista, kontra dak li seħħ f’pajjiżi oħrajn fejn saru attakki terroristi u assassinji bħal dak fis-Slovakkja l-ġimgħa l-oħra, minflok għarafna li għandna ningħaqdu, komplejna fit-triq tas-soltu: infridna aktar. M'iniex xi wieħed li jemmen wisq fid-destin, imma meta nħares lejn l-istorja ta’ Malta, kważi nibda nemmen li dan il-poplu twieled taħt stilla ħażina u li l-firda li ilha taqsamna m’hemm xejn li jista’ jeradikaha.
Wied Għomor
Biex ma nkunx negattiv għal kollox, kien ta’ sodisfazzjon u ta’ nifs qawwi r-rifjut li jsir il-bini propost f’Wied Għomor, li bħal inħawi oħra huwa żona suppost ’il barra mill-pjanijiet ta’ żvilupp. Konna se nerġgħu ngħaxxquha kif ormaj ilna ngħaxxquha għal żmien twil ħafna. Iżda kien interessanti l-fatt li f’diversi rappurtaġġi ta’ din l-aħbar tassew tajba, żdiedet il-kelma “għalissa”, donnu li qalbna diġà qiegħda teħbirna li ma ndumux wisq ma naraw xi applikazzjoni oħra għal żvilupp f’dan il-wied.
It-tama hi li l-meded art lejn Bulebel jeħilsu huma wkoll id-daqqa tal-minġel li l-bojja għandu fil-ħatfa ta’ idejh, minġel li ilu ħafna jqattar id-demm aħdar tal-kampanja Maltija.