Opinjoni | Ħames snin ta’ suċċessi

Owen Bonnici jagħti ħarsa lejn il-ħames snin ta' Gvern Laburista u l-kontroversja dwar il-warrants ta' żewġ avukati

Illum pajjiżna huwa ħafna aħjar minn kif kien ħames snin ilu.

Ħames snin ilu l-ekonomija kienet iġġammjata. Kien hawn instabbilità politika ma’ kullimkien.  L-għajta għal iktar drittijiet ċivili fi żmien GonziPN kienet tintlaqa’ b’argumenti konfessjonali li ma kinux jagħmlu iktar sens għal pajjiżna.

Illum pajjiżna huwa aħjar, ħafna aħjar tħares minn fejn tħares.  Naturalment, bħal kull amministrazzjoni, ikun hemm dejjem x’wieħed itejjeb u deċiżjonijiet li setgħu ttieħdu aħjar. Imma żgur li ma hemmx dubju li meta titfa’ kollox fil-miżien il-ġid li sar jirbaħ bil-kbir.

Il-mertu ta’ dan kollu huwa tal-Prim Ministru Joseph Muscat.  Waħdu, naturalment, ma seta’ jagħmel xejn u nsellem minn qalbi lis-Sinjura tiegħu Michelle u lill-familja kollha tiegħu li m’għandix dubju kienu ta’ sostenn enormi.  Ir-ringrazzjament tiegħi bħala ċittadin Malti jmur lejhom kollha.

Għaxar snin fil-Parlament

It-8 ta’ Marzu hi data speċjali għalija għax fiha sirt missier ta’ binti Ema li għalqet proprju għaxar snin. Bħalissa Ema hija fis-seba’ sema għaliex, fi kliemha, daħlet fid-double digits!

Waqt li nifhem u napprezza li kull parti jkollha l-fehma tagħha, irrid nammetti li tnikkitt nara fl-aħbarijiet il-Kamra tal-Avukati u l-Assoċjazzjoni tal-Ġudikanti jikkritikaw lil xulxin fil-pubbliku b’dan il-mod

Fl-istess żmien li kont sirt missier, kont sirt ukoll membru Parlamentari u allura għalaqt għaxar snin ukoll fil-Parlament. Li tingħata l-privileġġ li sservi bħala membru Parlamentari hu unur kbir li jimlik b’responsabbiltà u umiltà.

Inħares lura f’dawn l-għaxar snin ngħid kemm inbdilt u għaddejt minn ġrajjiet li jimmaturawk u jibdluk għall-aħjar kemm fit-tlugħ u kemm fl-inżul.  Imma żgur hu li l-ħeġġa li kelli għaxar snin ilu biex nikkontribwixxi dak kollu li naf għall-ġid tal-pajjiż b’mod onest u ġenwin mhux talli għadha hemm imma talli, misqija mit-tagħlim li ttik biss l-esperjenza, kibret iktar.

Grazzi minn qalbi lil kull votant li fada fija biex nirrappreżentah fil-Parlament.

EPPO

Ilbieraħ kellna l-laqgħa tal-Ministri tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.  F’parti informali tal-laqgħa tkellimna dwar il-Prosekutur Pubbliku Ewropew fejn il-Kummissarju tal-Ġustizzja Vera Jourova’ tat spjega tax-xogħol amministrattiv li qed isir biex dan l-Uffiċċju – li twieled fi żmien il-Presidenza Maltija u kkoperajna kemm flaħna biex dan isir – jitlaq jimxi malajr kemm jista’ jkun.

Fid-dibatittu li segwa wara, jiena informajt lil sħabi li ninsabu sodisfatti bil-mod kif imxew ’il quddiem l-affarijiet fejn jidħol dan l-Uffiċċju u allura ninsabu f’pożizzjoni li fix-xhur li ġejjin nidħlu fl-EPPO.

Bħal ħafna pajjiżi oħrajn aħna ħadna passi meqjusa u maturi ħafna fejn jidħol dan l-Uffiċċju.  Konna fuq quddiem biex naraw li jitfassal bl-aħjar mod u ma ddejjaqniex ngħidu le meta l-affarijiet m’għoġbuniex.  Din l-esperjenza serviet biex l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew huwa aħjar minn kif kien qed jiġi ideat fil-bidu nett. Rajna wkoll li l-passi li ttieħdu fl-aħħar xhur kienu pożittivi u tajbin.

Għaldaqstant pajjiżna se jkun qiegħed jifforma parti mill-EPPO.

Żewġ warrants

Bħalissa għaddejja kontroversja dwar jekk żewġ studenti għandhomx dritt li jingħataw il-warrant biex jipprattikaw bħala Avukati minħabba li snin qabel meta kienu għadhom fl-hekk imsejħa “bluha taż-żgħożija” kienu kkommettew reat li tiegħu ngħataw sentenza ta’ libertà kundizzjonata.

Erba’ mħallfin li skont il-liġi jeżaminaw lill-istudenti qalu li għandhom dritt għall-warrant u magħhom ingħaqdet l-Assoċjazzjoni tal-Ġudikanti u anke d-Dekan tal-Fakultà tal-Liġi l-Professur Kevin Aquilina. Il-Prim Imħallef u l-Kamra tal-Avukati, però qalu li ma jaqblux.

Id-deċiżjoni finali finalment tispetta lili.

B’sens ta’ prudenza u għaqal kont ħadt id-deċiżjoni li biex ma nittardjax lill-kandidati l-oħrajn (li f’din is-sena hemm żewġ korsijiet li se jieħdu l-warrant f’daqqa) milli jieħdu l-warrant, nagħti l-warrant f’data viċina (li hija għada) b’dana li dawn iż-żewġ kandidati jekk ikun il-każ jingħataw il-warrant iktar tard wara li wieħed jikkonsulta ulterjorment. Wara kollox dejjem ikun hemm it-tieni sessjoni ta’ għoti ta’ warrants għaliex dejjem ikun hemm grupp imdaqqas ta’ studenti li minħabba safar, mard jew raġunijiet oħrajn ma jiħdux il-warrant mal-ewwel grupp.

Ħames snin ilu l-ekonomija kienet iġġammjata. Kien hawn instabbilità politika ma’ kullimkien. L-għajta għal iktar drittijiet ċivili fi żmien GonziPN kienet tintlaqa’ b’argumenti konfessjonali li ma kinux jagħmlu iktar sens għal pajjiżna

Waqt li nifhem u napprezza li kull parti jkollha l-fehma tagħha, irrid nammetti li tnikkitt nara fl-aħbarijiet il-Kamra tal-Avukati u l-Assoċjazzjoni tal-Ġudikanti jikkritikaw lil xulxin fil-pubbliku b’dan il-mod. Minn dan kollu l-ikbar tellief huwa l-qasam tal-Ġustizzja għaliex il-bniedem tat-triq meta jara hekk ma ttihx tort jitlef il-fiduċja fis-sistema u konsegwentement jkomplu jissaħħu l-preġudizzji li tant jagħmlu ħsara.

Nemmen li d-dover tiegħi hu li nipprova nibni kunsens fuq din il-materja bejn il-partijiet kollha għall-ġid ta’ kulħadd, mhux l-inqas tal-qasam tal-Ġustizzja.  Jekk dan ma jkunx possibbli, nieħu d-deċiżjonijiet tiegħi kif għandi d-dover li nagħmel fejn jidħlu dawn iż-żewġ warrants.

F’din id-deċiżjoni naturalment jien nobdi l-prinċipju tar-rule of law, kif dejjem għamilt konsistentement.

Protezzjoni tad-data

F’dawn il-jiem tqanqlet kwistjoni dwar il-protezzjoni tad-data u s-sentenzi tal-Qorti li jitqiegħdu online.

Tajjeb li niċċara l-fatti.

L-ewwel fatt: aħna għandna liġi li tirregola l-protezzjoni tad-data u allura jitwieldu drittijiet u obbligi minn din il-liġi bħal kull liġi oħra.

It-tieni fatt: li tagħmel disponibbli data personali online jikkostitwixxi proċessar ta’ data personali. Għalhekk meta l-Amministrazzjoni tal-Qorti tqiegħed online data personali permezz ta’ sentenzi dwar nies, tkun qiegħda tipproċessa data personali.

It-tielet fatt: kull suġġett tad-data, jiġifieri kull persuna milquta, għandu d-dritt mogħti mil-liġi li tirregola l-protezzjoni tad-data li jitlob lill-kontrollur tad-data (f’dan il-każ l-Amministrazzjoni tal-Qorti) li jeżerċita d-dritt tiegħu li jkun minsi.     

Ir-raba’ fatt: id-dritt li jkun minsi ssaħħaħ ħafna matul is-snin b’deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Unjoni Ewropea u naturalment sar iktar relevanti pari passu ma’ kemm sar iktar u iktar relevanti l-internet fl-aħħar snin.  Mod titkellem dwar l-internet illum u mod titkellem ma’ kif kien l-internet 10 snin ilu.

Il-ħames fatt: huwa l-kontrollur tad-data (f’dan il-każ d-Direttur Ġenerali tal-Qorti) li skont il-liġi għandu jiddetermina jekk jilqax it-talba tal-persuna milquta jew le. Dan jiġi determinat wara li wieħed jevalwa d-dannu li jiġi kkawżat lill-persuna milquta minħabba li għandu d-data personali tiegħu online u fatturi oħra bħal kemm ikun għadda żmien.

Is-sitt fatt: il-liġi tal-protezzjoni tad-data tipprovdi x’rimedju għandu l-persuna milquta jekk it-talba tiegħu tiġi miċħuda.

Is-seba’ fatt: id-dritt li tkun minsi jestendi wkoll għat-tqegħid tas-sentenzi online, iżda dan ma jfissirx li s-sentenzi jitħassru mir-records uffiċjali tal-Qorti jew li l-professjoni legali ma jkollhiex aċċess għas-sentenzi kollha bis-sistema li tintuża mill-professjoni legali (il-LECAM).

It-tmien fatt: hemm referenza speċifika u iktar imsaħha għad-dritt li tkun minsi fir-Regolament il-ġdid dwar il-protezzjoni tad-data li se jidħol fis-seħħ fil-25 ta’ Mejju li ġej.

Naturalment jien dejjem miftuħ biex insaħħu kull proċess, anke jekk hemm bżonn b’linji gwidi, iżda nippretendi li meta wieħed jitkellem ikun korrett u leali lejn il-fatti u l-liġijiet ta’ pajjiżna.

More in Blogs