Opinjoni | Qed jonfoħ ir-riħ tal-bidla fl-Għarabja Sawdita

Dun Anġ Seychell jagħti ħarsa lejn dak li r-Re u l-eredi tiegħu qed iwettqu għal dan il-pajjiż 

Qed jinstema’ riħ ta’ bidla fl-Għarabja Sawdita. Dar-riħ qed jonfħu r-re l-ġdid Salman, imnebbaħ mill-prinċep eredi Mohammed bin Salman.

Se nibda b’aħbar tajba li tferraħ ħafna Nsara: il-Patrijarka tal-Maroniti Kattoliċi fil-Lebanon, Bekara Raj, imsieħeb minn għadd ta’ isqfijiet ltaqa’ mar-Re Salman fil-Palazz tiegħu f’Riyadh u l-aħbar taż-żjara tiegħu ngħatat prominenza kbira mill-aġenzija Sawdita tal-aħbarijiet. Qabel iż-żjajjar ta’ awtoritajiet reliġjużi mhux Musulmani kienu jingħataw importanza siekta u sekondarja u jidhru biss bħala parti minn delegazzjoni mhux reliġjuża. Did-darba ż-żjara tal-patrijarka Maronita ngħatat importanza kbira u ritratti taż-żjara tiegħu.

Il-moħħ wara r-riefnu

Ir-riħ tal-bidla jsir riefnu. Il-werriet tat-tronn u Ministru tad-Difiża, huwa l-moħħ wara dan ir-riefnu. F’sensiela ta’ digrieti li ħarġu mill-Palazz Irjali, ir-Re keċċa l-ogħla kmandanti militari fosthom liċ-Chief of Staff. Il-kapijiet militari tal-art u tad-difiża tal-ajru spiċċaw ukoll. Ebda raġuni ma ngħatat għal dawn il-passi kbar imma jidher li hemm rabta mal-gwerra fil-Jemen fejn il-qawwiet militari taħt it-tmexxija tal-qawwiet Sawditi diġà ilhom tliet snin jikkumbattu lir-ribelli.

Fil-lukanda Ritz Carlton

Is-sena l-oħra għexieren ta’ personaġġi prominenti, fosthom prinċpijiet u ministri sfaw maqtula fil-lukanda Ritz Carlton wara li l-prinċep Mohammed mexxa kampanja kontra l-korruzzjoni u l-abbuż tal-poter. F’din il-lukanda hemm miżmuma arrestati diversi kbarat – fosthom kbarat tal-industrija, kbarat tas-servizz pubbliku u nies politiċi, kollha akkużati b’korruzzjoni wara li tul dawn l-aħħar tliet xhur saret sikwit talba biex fl-Għarabja Sawdita jinħoloq ambjent għal kummerċ iżjed trasparenti. Biex il-kummerċ isir iżjed trasparenti beda eżami ta’ dak li baqa’ minn għexieren ta’ snin ta’ korruzzjoni industrijali u għassa kontinwa fuq dawk li jitqiesu r-rivali tal-prinċep Mohammed.

Tliet kunflitti.

L-Għarabja Sawdita tinsab imdaħħla fi tliet konflitti reġjonali. Hemm l-Għarabja Sawdita ilha s-snin imdaħħla fi tliet konflitti ma’ pajjiżi Għarab oħrajn. Ilha s-snin tmexxi koalizzjoni militari kontra r-ribelli fil-Jemen.Tinsab f’konflitt mal-Qatar. U tinsab f’konflitt mal-mexxej Libaniż Saad Hariri. Tliet konflitti li kollha jafu bħala prim aġent lill-prinċep tal-kuruna.

Iżda fi ħdan l-Għarabja Sawdita qed isseħħ rivoluzzjoni li qed tiġbed is-simpatija ta’ ħafna mill-poplu Sawdita.

In-nisa qed jinfetħulhom il-bibien.

In-nisa qed jinfetħulhom ħafna bibien. F’Ġunju li ġej in-nisa se jistgħu jsuqu mingħajr ma jkollhom xi ħadd jikkumpanjahom kif jinsabu bħalissa. L-ilbies tan-nisa ma għadux obbligatorju li kien sal-bieraħ mimli restrizzjonijiet.

In-nisa jistgħu issa jidħlu fil-korpi militari u fis-servizz sigriet. Jistgħu jkunu preżenti fl-areni sportivi u fis-swali tal-films. In-nisa dehru preżenti għall-ewwel festival tal-Jazz li sar fil-pajjiż. L-attenzjoni tal-pubbliku, b’mod speċjali l-istudenti qed tinġibed għall-ewwel darba lejn l-imgħoddi tal-pajjiż meta l-art ma kienx jisimha Għarabja Sawdita u r-reliġjon tal-maġġoranza ma kinitx ir-reliġjon ta’ Mohammed. Saħansitra saret wirja kbira dwar l-identità storika tal-poplu Sawdita li tmur lura lejn iż-żmenijiet pre-Musulmani.

Mistoqsija

Il-mistoqsija l-kbira qed tkun – dawn ir-riformi għandhom ċans jirnexxu u jibqgħu jgħoddu, anzi jibqgħu  mexjin ’l quddiem?

Jidher li hemm rabta bejn ir-riformi radikali li inbdew isiru u l-qagħda ekonomika. Kien hawn min diġà innota li f’dawn l-aħħar 9 xhur il-prezzijiet ta’ diversi bżonnijiet irduppjaw.

Barra minn hekk, dawk il-mexxejja li nqalgħu minn posthom jew jisabu mixlija b’korruzzjoni, x’qed tkun jew x’għad tkun ir-reazzjoni tagħhom? L-Għarabja Sawdita għandha ħafna għedewwa, anke fost il-pajjiżi Għarab, b’mod partikulari l-Iran, li għandu d-dixxipli tiegħu l-Hezbollah u partiti oħrajn fil-Lvant Nofsani  u naħiet oħra tad-dinja Għarbija...

Fost l-aħbarijiet pessimisti dwar il-preżenza Nisranija fil-Lvant Nofsani jista’ jkun li r-riħ tal-bidla jonfoħ favur l-Insara fl-Għarabja Sawdita?

More in Blogs