Opinjoni | Tonqos il-libertà u tiżdied il-mibgħeda
Fl-era Mintuffjana, id-Deputati li jitkellmu kienu jiġu msawta, illum il-ġurnata għandhom il-ħila jġibuk titkellem waħdek...
Din Malta donnu saret imfassla b’għamla ta’ pjazza miftuħa għal dawk biss li jdoqqu d-diska favur il-Gvern. Lesti jġibu l-poplu taħt idejh. Mal-iċken mossa, kitba, jew kelma, donnu hemm grupp għassa u mqabbad apposta biex igiddeb, ifixkel u jibdel l-verżjoni ta’ dak li jingħad mid-Deputati tal-Oppożizzjoni.
Jaraw kif ser jonfħu dak li jgħidu, bl-iskop li jgħadduhom biż-żmien u joskurawhom mal-poplu, bil-għan li tintilef kull fiduċja. Fost din il-folla, issib il-vuċi għolja, li hu biss ġugarell f’ idejn dawk li jridu jkabbru l-pożizzjoni setgħana tagħhom.
Jgħawġu bis-sħiħ it-tifsira ta’ Malta ħielsa u demokratika. Aqraw fost oħrajn il-ġurnal indipendenti ta’ kuljum, l-Orizzont... il-ġurnal lokali li nippremjah għal mod żbilanċjat kif jirrapporta l-istejjer kontra l-oppożizzjoni u favur il-Gvern. Dan il-ġurnal partikolari jfuħ u premjat talli jaħbi l-għawwar tal-partit Laburista, filwaqt li jipprova jbaxxi r-reputazzjoni tad-Deputati fl-Oppożizzjoni.
Probabli għalihom il-kelma Onorevoli tixraq lil dawk li għandhom kontijiet fil-Panama, jew inkella jekk jieħdu d-direct orders. Allaħares kellhom il-ħila jkunu bojja, għax inkella rasi maqsuma fi 13-il biċċa
Assassinju tal-karattru, b’tali mod li jpinġu lid-Deputati fl-Oppożizzjoni bħala xewwiexa, qarrieqa u dejjem lesti jgħawġu l-fatti, boloh, u dak kollu li jista jbiegħed lil qarrejja minnha d-Deputati. L-istess u bħalhom jagħmlu tas-Super One.
Ninsabu fl-agħar żminijiet tad-dlam. Fl-era Mintuffjana, id-Deputati li jitkellmu kienu jiġu msawta, illum il-ġurnata għandhom il-ħila jġibuk titkellem waħdek, billi jgidbu kull kelma li toħroġ minn fommok. L-istess il-ġurnalisti... fi żmien Mintoff kienu jisssawtu, illum il-ġurnalisti jinqatlu.
Dak li hu verità jostruh. Din hi l-akbar sfortuna u daqqa ta’ħarta lil Malta tagħna. Mhux qed nagħti tort, lill-ġurnalisti tagħhom. Dawn qed jagħmlu xogħolhom, u jkollhom jimxu fuq il-linji gwida u l-aġenda tad-Diriġenti, inkella l-paga fl-aħħar tax-xahar tkun imdendla.
Nifhem li kull ġurnal u stazzjon, speċjalment jekk ikun politiku, bilfors ikollu jwassal l-aġenda tiegħu, iżda ma nifhimx li twassal il-qerq u mhux il-verità.
Kittieb mhux magħruf, fl-ewwel seklu qabel Kristu jgħid:“Mhux l-imġienen biss ifittxu l-għerien u l-imkejjen kwieti, iżda dawk ukoll li, mixtiqin mis-sejba tas-sliem ta’ qalbhom, jaslu biex imaqdru l-ħwejjeġ tal-bnedmin.”
Nitkellmu dwar il-libertà tal-espressjoni, u l-istess nies li jippridkawha huma l-istess nies li joħonquha u jifgawha, meta jingħaqdu fi grupp.
Imbagħad esponenti magħrufa, arhom ixerddu sentenza jew xi PQ ta’ xi Deputat, bis-segwaċi tagħhom joħorġu l-ħdura mill-istonku. L-istess erba’ tużżani, uħud minnhom biddlu l-Partit minħabba li skont huma ma nqdewx.
Illum il-ġurnata, ara ma jfettillekx iżżurhom f’darhom, għax minn wara l-bieb b’vuċi demonika, jibdew jgħidulek li ma tixraqlekx il-kelma Onoroveli. Probabli għalihom il-kelma Onorevoli tixraq lil dawk li għandhom kontijiet fil-Panama, jew inkella jekk jieħdu d-direct orders. Allaħares kellhom il-ħila jkunu bojja, għax inkella rasi maqsuma fi 13-il biċċa. Naf x’jien ngħid, għax għassa u lesti biex mal-iċken mossa jew kelma, tarahom jaqlawlek u jikkundannawk għall-mewt.
Assassinju tal-karattru u lesti jġibu fix-xejn l-identità tal-persuna, avolja jissejħu pijunieri tad-drittijiet ta’ min hu divers u differenti. Jaġixxu bħal Korea. Huma jistgħu jaqilbu l-opinjoni tagħhom, imma allaħares qatt ifettillek taqleb mal-Partit Nazzjonalista. Isejħulek mijiet ta’ aġġettivi, fosthom pinnur, lagħqi, u anki saħansitra opportunist. Ma nafx jekk jafux xi tfisser il-kelma “opportunist”.
Sa fejn naf jien, din tixraq lil kull min gawda għal ħamsa u għoxrin sena ta’ Gvern Nazzjonalista u mnieħru twil biżżejjed li xamm żewġ telfiet infila. Imma, l-opportunista huwa jien! Kapaċi jaqilbu kollox ta’taħt fuq, allura ma neħodhiex bi kbira li t-tajjeb saru jsejħulu ħażin u l-ħażin tajjeb. Dan kollu jfakkarni f’ Malta Koreana.
Mal-iċken mossa, kitba, jew kelma, donnu hemm grupp għassa u mqabbad apposta biex igiddeb, ifixkel u jibdel l-verżjoni ta’ dak li jingħad mid-Deputati tal-Oppożizzjoni
Illum aktar minn qatt qabel, għandna fuq nett, il-mezzi tal-media soċjali. Kulħadd jikteb u jitfa’ dak li jħoss. Jekk tidgħi bis-sagru, qisek m’int tgħid xejn, anzi bi dritt li tagħmel dan, għax illum kulħadd għandu dritt tal-espressjoni tal-kelma, anzi pjuttost tidher moħħok miftuħ u b’IQ għolja. Mhux l-istess jiġrilek, jekk ifettillek tikkummenta fuq Joseph Muscat u xi ftit Ministri minn tiegħek. Arahom iqumu l-irwiefen għalik u jgħajruk b’ dak kollu li jiġi għal ilsienhom.
L-iskop huwa biss li jiddemoralizzawk, u tidħol f’qoxortok. Personalment, aktar isaħħuni biex inkompli nwassal il-verità. Ma tistax titkellem jew tesprimi opinjoni.
Sirna qisna l-Korea. Dan kollu huwa inġust. Danakollu għax ma kontx lest nintefa’ f’ kaxxa u ngħid li kollox huwa tajjeb fil-Partit li kbirt fih. M’għoġobtx lil dawk li jaraw aħmar biss, u għax f’ għajnejhom rawni dgħajjef, is-Segretarju Ġenerali ta’dak iż-żmien iddikjara li ma ndumx ma negħreq. Għall-kuntrarju spiċċa għereq hu. Hu u sħabu rieduni nogħsfor mix-xena, rieduni ndawwar wiċċi, u ma nċaqlaqx ilmijiet. Rieduni nitfa’ l-pinna fil-kexxun.
Marru żmerċ ... u ħlift li ma nħalli lil ħadd u lil xejn jaqtali qalbi billi nkompli naħdem ma’ sħabi d-Deputati taħt it-tmexxija ta’Adrian Delia, għal Malta li rat serħan il-moħħ taħt Ġorġ Borġ Olivier, taħt Eddie Fenech Adami u Lawrence Gonzi. Iva nkomplu naħdmu.... għax meta tonqos il-libertà tiżdied il-mibgħeda. Sfortunatament dawn saru jemmnu li Malta hija huma u huma biss. Sfortunatament Malta tagħna saret qisha Koreana.