Opinjoni | Relax fis-Sajf għal tal-qalba
'għad fadallek ħafna x’taqdef qabel ma tkun kuntent bil-livell ta’ servizz fiċ-ċivil li tmexxi' - Joe Ellis lil Mario Cutajar
Kien hemm żmien meta dak li jgħammar il-Granmastru jew il-Gvernatur ikun liġi. U kulħadd irid ibaxxi rasu u ħadd ma jitniffes.
Illum m’għandniex granmastri u gvernaturi imma gvern elett mill-poplu. Imma xorta .l-poplu jrid ibaxxi rasu quddiem l-għamar tal-potenti ta’ din l-art illi qajla jagħtu każ dak li jixtieq. Illum il-politiku jipprova jagħti l-impressjoni illi qed jiddjaloga mal-poplu u jisma’ leħen iċ-ċittadin. Imma wara l-kwinti dejjem issib il-viżir illi qajla jimportah mir-rieda populari imma aktar ħsiebu fil-ġid tal-kasta li jappartjeni għaliha.
Dan kien il-ħsieb li għaddieli minn moħħi meta qrajt il-kummenti illi għadda dan l-aħħar il-kap taċ-Ċivil, Mario Cutajar dwar in-nofs ta’ nhari fis-settur pubbliku. Is-sur Cutajar iddekreta illi mhu ser ikun hemm l-ebda tibdil fin-nofstanhari illi jgawdu l-ħaddiema tas-settur pubbliku min-nofs Ġunju sal-aħħar ta’ Settembru ta’ kull sena. Meta kien qed jidher illi s-settur pubbliku bil-mod il-mod kien qed jiċċaqlaq sabiex jabbanduna dina l-prattika kolonjali, is-sur Cutajar daqq l-irtirata reazzjonarja u farrak it-tamiet kollha ta’ servizz pubbliku aktar rispettuż tal-ħtiġijiet taċ-ċittadini komuni li ma jgawdux dawn il-privileġġi.
Fl-ewwel lok, wieħed irid isaqsi għala kellu jkun il-kap taċ-Ċivil illi jagħti din l-aħbar illi verament ma kinetx daqshekk mhux mistennija. Huwa evidenti illi f’dawn l-aħħar snin, il-Gvern tilef l-impetu kollu sabiex iwettaq riforma fiċ-ċivil. Il-Gvern reġa’ qajjem il-ħares tal-impjieg pubbliku u llum għal ħafna nies l-aqwa premju illi jista’ jkollok hu dak ta’ mpjieg fis-settur pubbliku. Fil-leġislatura preċedenti, il-Gvern Laburista kien ħoloq aktar burokrazija fil-forma tal-Kummissarju għas-Simplifikazzjoni tal-Burokrazija li ma damitx ma mietet mewta naturali u ma twettaq xejn ta’ sustanza. Huwa ovvju x’kien l-iskop ta’ dan il-Kummissarju.
Meta kont qed nipprepara għal dan l-artiklu, dort l-istatistika uffiċjali u ġbart din it-tabella. Jidher illi bejn l-2013 u l-2017, is-settur pubbliku żdied minn 42,000 għal 46,000, żieda ta’ kważi 10%. Dan ma jinkludix il-mijiet, jekk mhux eluf illi qed jaħdmu indirettament mal-gvern billi jiġu mpjegati minn xi kuntrattur b’xi kuntratt, spiss permezz ta’ ‘direct order’, sabiex iwettqu servizz li qabel kien jingħata mill-impjegati pubbliċi. U l-anqas ma tinkludi l-mijiet f’xi skema illi qed ifaqqsu minn żmien għal żmien. Huwa minnu illi minn din it-tabella jidher illi ż-żieda ta’ mpjiegi fis-settur privat illi ġġenerat l-ekonomija kienet ferm superjuri għal dik tas-settur pubbliku. Imma wieħed bilfors irid isaqsi xi ħtieġa kien hemm illi s-settur pubbliku jiżdied b’dan il-mod. Kieku l-pubbliku qed jinqeda aħjar, kieku wieħed jiġġustifika din iż-żieda sostanzjali imma frankament, dan ma jidhirx li kien il-każ.
Sena |
Settur |
Settur |
Total |
Żieda |
Żieda |
Żieda |
Żieda |
Żieda |
Żieda |
|
Pubbliku |
Privat |
Impj. |
Impj |
Impj. |
Impj. |
Impj. Settur |
Impj. Settur |
Numru |
|
|
|
|
|
Settur |
Settur |
Pubbl.Rel. |
Pubbliku. |
Mpjiegi |
|
|
|
|
|
Pubbl. |
Privat |
Nru Impj. |
|
|
|
|
|
|
|
|
|
(%) |
|
(%) |
Medja 2013 |
41917 |
115565 |
157482 |
|
|
|
|
|
|
Medja 2014 |
43964 |
119617 |
163581 |
6099 |
2047 |
4052 |
33.56% |
4.88% |
3.87% |
Medja 2015 |
44239 |
127866 |
172105 |
8524 |
275 |
8249 |
3.23% |
0.63% |
5.21% |
Medja 2016 |
44632 |
136720 |
181352 |
9247 |
393 |
8854 |
4.25% |
0.89% |
5.37% |
Sett.2017 |
46020 |
147822 |
193842 |
12490 |
1388 |
11102 |
11.11% |
3.11% |
6.89% |
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Żieda |
4103 |
32257 |
36360 |
|
|
|
|
9.51% |
21.34% |
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Sors : Uff. Nazz. Stat. |
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Imma nerġgħu niġu għas-sur Cutajar. Iċ-ċivil, mhux f’Malta biss, qiegħed hemm biex jimplimenta l-liġijiet li jgħaddi l-Parlament u l-politika illi joħloq il-gvern. Iċ-ċivil għandu jkun anonimu u newtrali kemm jista’ jkun, għas-servizz tal-poplu kollu mingħajr favur lejn ħadd. Iċ-ċivil għandu jkun il-kolla li żżomm is-soċjetà flimkien u illi tiżgura illi l-ekonomija taħdem għall-ġid ta’ kulħadd.
Jidhirli illi kap taċ-ċivil għandu joqgħod lura milli jippronunzja ruħu fuq materji li essenzjalment huwa kwistjoni ta’ politika governattiva. U għalhekk wieħed għandu jistaqsi - u l-poplu li jħallas it-taxxi, għandu d-dritt ikun jaf - jekk din il-kwistjoni kienetx diskussa fil-kabinett u li dwarha ttieħdet deċiżjoni fir-rigward. Jekk din il-materja ma ġietx diskussa u deċiża fil-Kabinett, allura l-intervent tas-sur Cutajar huwa aktar gravi u inaċċettabli.
L-aktar ħaġa li stunat fil-kummenti tas-sur Cutajar kienet il-ġustifikazzjoni illi ta sabiex ma jitneħħews in-nofs ta’ nhari fis-settur pubbliku. Verament aktar ta l-impressjoni illi kien qiegħed jitkellem bħala trejdunjonista milli bħala kap taċ-ċivil. Skond is-sur Cutajar, ma jidhierx illi n-nofstanhari qed ixekklu t-tkabbir ekonomiku u l-ebda prova ta’ sustanza qatt ma ġiet ippreżentata lill-Gvern fir-rigward.
Is-sur Cutajar messu jaf illi matul is-snin l-ekonomija kibret jew ma kibritx minkejja n-nofstanhari. Li messu jagħmel iċ-Ċivil hu illi jikkummisjona studju sabiex jevalwa l-impatt ekonomiku tan-nofstanhari fuq il-pajjiż. Ilkoll nafu illi ċertu setturi bħal dak marittimu jagħmlu suċċess għaliex ir-Reġistru Marittimu hu miftuħ il-ħin kollu. Jekk tali studju ekonemetriku ma sarx, u jekk sar ma jidhirlix illi tpoġġa fid-dominju pubbliku, allura r-rimarki tas-sur Cutajar huma għalkollox azzardati u bla bażi ta’ xejn.
Imma barra hekk dina l-ġustifikazzjoni fija element ta’ arroganza. Għas-sur Cutajar li jgħodd hu l-ġustifikazzjoni ekonomika jew pjuttost il-fatt illi minkejja din il-prattika, l-ekonomija sejra sew. Is-sur Cutajar ma jinteressah xejn il-ġid jew il-konvenjenza ta’ min suppost qiegħed jaqdi bħala qaddej pubbliku. Ma jimpurtahx illi l-poplu ta’ Malta għal tlett xhur u nofs fis-sena ma jistax jinqeda wara nofsinhar.
Semmielna wkoll illi dalqwaqt ser jinbeda proġett pilota sabiex jevalwa l-effetti tal-estensjoni tal-ħinijiet tas-servizz lill-pubbliku. Wieħed ma jafx jekk is-sur Cutajar kienx qed jitkellem bis-serjetà jew kienx qed jipprova jgħatti x-xemx bl-għarbiel. Possibli s-sur Cutajar ma jafx illi l-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern ilu s-snin jipprattika ħin uniku s-sena kollha u hu miftuħ għall-pubbliku kuljum bejn is-7.30 am u t-3 pm? Naħseb illi kieku dan l-orarju jiġi estiż għal ħafna oqsma fis-settur pubbliku, kieku kulħadd ikun kuntent. Għax x’jiswa illi jkollok ħinijiet twal fix-xitwa meta qajla jkun hemm bżonn biex imbagħad għandek tliet xhur u nofs fejn kollox irid isir sa nofsinhar jekk mhux qabel ?
Wasal iż-żmien illi l-ħinijiet taċ-ċivil jiġu riveduti. X’jiswa illi wieħed jibda daqshekk kmieni filgħodu ? U għala d-dipartimenti ijqattgħu daqshekk ħin magħluqin għall-pubbliku? Dan l-aħħar kont qed nitkellem ma’ wieħed u qalli illi jqum fit-8 a.m. Staqseju kif jista’ jkun meta jaħdem f’entità pubblika. Qalli illi l-importanti li jkun fil-ħin meta jiftħu għall-pubbliku u qabel ma jmur għax-xogħol jilħaq jieħu t-tfal l-iskola wkoll.
Jekk is-sur Cutajar hu kuntent biċ-ċivil li jmexxi, nassigurah illi l-poplu mhuwiex. Sfortunatament, ħafna huma dawk illi huma rrassenjati quddiem l-episodji ta’ kuljum ta’ arroganza u nuqqas ta’ għajnuna illi wieħed jiltaqa’ magħhom fis-settur pubbliku. U hawnhekk irrid noqgħod ferm attent illi ma niġġeneralizzax għaliex hemm bosta u bosta impjegati fis-settur pubbliku illi jagħtu servizz impekkabbli u li ħaqqhom il-gratitudini tal-poplu. Imma dawn l-individwi mhux dejjem huma rikonoxxuti u spiss jispiċċaw iridu jerfgħu l-piż ta’ ħaddieħor.
Jekk dan il-pajjiż irid jassigura l-futur tiegħu, irid jerġa’ jibda jieħu ħsieb ir-riforma taċ-ċivil bis-serjetà. Irid fuq kollox jestendi s-servizzi diġitali fis-settur pubbliku u barra minn hekk, jiżgura illi l-istess ċivil jużahom. Din il-ġimgħa ktibt lill-segretarju ta’ Kunsill Lokali sabiex insaqsih għala ma rrilaxxax garanzija li kienet infetħet sabiex jinħareġ permess tal-bini. Barra r-ritratti tat-triq li bagħat il-perit, dan is-segretarju talab kopja tal-permess u l-pjanta tas-sit. Dina l-informazzjoni kienet kollha disponibbli fuq is-sit tal-Awtorità tal-Ippjanar li dana s-segretarju seta’ faċilment jikkonsulta. Imma l-aktar ħaġa faċli għalih kien illi jitlobha mingħand iċ-ċittadin.
L-istess jista’ jingħad fuq bosta affarijiet oħra. Wieħed jistaqsi għala l-pubbliku jintalab jippreżenta ċertifikat tat-twelid jew tal-mewt meta l-amministrazzjoni pubblika għandha l-informazzjoni kollha fuq il-Common Database u kulm’hu meħtieġ hu n-numru tal-karta tal-identità tal-mejjet jew tal-ġenituri?
Sur Cutajar, għad fadallek ħafna x’taqdef qabel ma tkun kuntent bil-livell ta’ servizz fiċ-ċivil li tmexxi. F’idejk kif ser twettaq dmirek imma l-poplu xaba’ jkollu jbaxxi rasu għall-kasta li inti tmexxi u f’xi ħin jew ieħor ser jgħid kif xi ħadd li taf sew darba kien qal: “Issa daqshekk”.