Editorjal | Ivvutajtlek...mela trid taqdini
'Mela l-messaġġ huwa li meta l-partit tiegħek jew xi ministru ma jtikx xogħol li inti temmen li obbligat itik, tmur fuq il-midja tal-partit l-ieħor biex tpattihielu u forsi fil-proċess u bħala grazzi, il-partit tal-istazzjon li fuqu mort, itik xogħol hu'
F’pajjiż normali n-norma tkun li persuna tmur l-iskola, tistudja, titħabat, tagħmel ċerti sagrifiċċji, tikteb teżijiet twal u tgħaddi mill-eżamijiet. F’pajjiż normali, in-norma tkun li min ma jagħmilx hekk għax mhux akkademiku, jitħarreġ, jaħdem sigħat twal u jagħmel sagrifiċċji li jwassluh biex jikseb promozzjoni, avvanz jew inkella żieda fil-paga. F’pajjiż normali li ministru jew politiku jgħinek biex issib xogħol hija l-eċċezzjoni. F’pajjiż normali l-politiku qiegħed hemm biex jiffaċilità l-andament ekonomiku, joħloq ambjent li jippermetti t-tkattir tal-ġid u jsostni xibka soċjali biex jgħin lil dawk li jitlfu xogħolhom jew inkella li ma jistgħux isibu xogħol minħabba diżabilità partikolari, pereżempju.
Imma dan il-pajjiż mhux normali. Mhux neċessarjament għax hemm il-Labour fil-Gvern, bħalma jgħid il-PN, imma għax għandna sistema li titħaddem miż-żewġ partiti b’miżura differenti li tippermetti lill-politiku li jkun hu li direttament ‘jagħti’ jew isib xogħol lil xi ħadd. U jekk allaħares qatt dak il-Ministru jew politiku ma jtikx xogħol, preferibbilment wieħed bla wisq tbatija, mela allura ħoll xagħrek u ġib iż-żejt.
Il-ġimgħa l-oħra l-midja tal-PN ħasset li kienet aħbar vera importanti dik li raġel, b’tatoo tal-arma tal-Labour, ma jridx jibqa’ jivvota lill-Partit Laburista għax filwaqt li fil-passat, flimkien ma’ missieru, kien jieħu ħsieb il-‘pom pom girls’ tal-Labour, illum il-Ministru Josè Herrera ma jistax isiblu xogħol.
Tajjeb. Mela ħa naraw hux qed nifhmu sew. Mela l-messaġġ huwa li meta l-partit tiegħek jew xi ministru ma jtikx xogħol li inti temmen li obbligat itik, tmur fuq il-midja tal-partit l-ieħor biex tpattihielu u forsi fil-proċess u bħala grazzi, il-partit tal-istazzjon li fuqu mort, itik xogħol hu.
l-politiku qiegħed hemm biex jippremja l-bżulija mhux l-għażż. Jippremja lil dawk li huma kapaċi, f’sistema meritokratika, mhux waħda li tippremja lil tal-‘partit’ biss.
U min jaħti għall-fatt li dan il-ħsieb għadu daqstant prevalenti? Jaħtu ż-żewġ partiti l-kbar. It-tnejn meta kienu fil-Gvern, anke jekk nistgħu ngħidu u nargumentaw min għamilha l-aktar, użaw bl-aktar mod sfaċċat postijiet bħat-Tarzna, ix-Shipbuilding, il-Freeport, l-Airmalta, Wasteserv u postijiet oħrajn biex idaħħlu lin-‘nies tagħhom’. It-tnejn indukraw din l-idea ta’ ‘tini u nivvutalek’ biex f’dan il-pajjiż għad għandna settur tal-popolazzjoni li għadha tinħass bħala kbira li l-vot ma jarawhx bħala mod kif itejjeb lill-pajjiż, jew mod kif tagħżel lil min kapaċi jieħu lil Malta ’l quddiem. Imma bħala għodda ta’ rikatt biex wara ħames snin jidhru fil-fillieri ta’ quddiem ixejru l-maktur, taparsi jħobbu lill-partit, jittamaw li jekk jitla’ l-partit tagħhom fil-Gvern jieħdu xi ħaġa. Qisu l-attiviżmu ta’ dawn in-nies mal-partit ‘tagħhom’ mhuwiex sforz ir-rieda għall-bidla, jew il-prinċipji politiċi sodi imma biss mezz ta’ kif jilħqu l-għan tagħhom.
U jekk ma jirnexxilhomx, dejjem hemm tal-partit l-ieħor li jilqgħuk, jinkurunawk ‘switcher’ u malli jitilgħu fil-Gvern tieħu dak li kont ilek titlob.
Ħafna ma jaraw xejn ħażin f’dan kollu. Anzi jarawha bħala norma bżonjuża biex il-partit ‘tagħhom’ jibqa’ fil-Gvern.
Dan l-editorjal ma jaqbilx. Il-politiku qiegħed hemm biex jippremja l-bżulija mhux l-għażż. Jippremja lil dawk li huma kapaċi, f’sistema meritokratika, mhux waħda li tippremja lil tal-‘partit’ biss. Il-politiku u l-Gvern qiegħed hemm biex jara li l-ekonomija tikber, li meta l-ekonomija tikber il-ħaddiem jieħu dak li huwa ġustament tiegħu bi dritt, skont il-liġi tax-xogħol. Il-Gvern qiegħed hemm biex jara li jinħoloq xogħol u xogħol ta’ kwalità u fejn ikun hemm nies li waqgħu lura jgħin b’mod attiv finanzjarjament, imma wkoll permezz ta’ taħriġ rigoruż.
Din il-gazzetta ppubblikat diversi stejjer, uħud minnhom xokkanti. Fosthom fiċ-Ċitadella biss kienu qed jaħdmu 90 ħaddiem. Iktar minn fabbrika ta’ daqs medju (lokalment). F’Għawdex ukoll konna ħriġna stejjer dwar kemm il-privat qed isibha diffiċli jsib Maltin biex jaħdmu magħhom, għax “kulħadd” dieħel mal-Gvern. U dak f’Għawdex biss!
U dawk l-eluf kbar li qatt ma kellhom bżonn għajnuna mill-Gvern u li qatt ma kellhom bżonn joqogħdu jibagħtu emails lill-Prim Ministru jew xi Ministru jew isabbtu saqajhom biex jaslu u biex jgħixu komdi, jibqgħu mbellħin. Iħarsu lejn din l-orġja politika
U l-istorja tkompli, kemm qabel taħt Gvern Nazzjonalista u anke issa. Telefonati biex jaraw ‘għandekx bżonn xi ħaġa’ u sistema sħiħa li tkun lesta biex malli tissaffar is-suffara tal-elezzjoni d-diżillużi li ma nqdewx, jinqdew kollha f’ħakka t’għajn kif jgħidu ‘jiġri x’jiġri’.
U dawk l-eluf kbar li qatt ma kellhom bżonn għajnuna mill-Gvern u li qatt ma kellhom bżonn joqogħdu jibagħtu emails lill-Prim Ministru jew xi Ministru jew isabbtu saqajhom biex jaslu u biex jgħixu komdi, jibqgħu mbellħin. Iħarsu lejn din l-orġja politika jistaqsu lilhom infushom għandhomx jibdew isabbtu saqajhom huma wkoll.
U hekk iċ-ċirku jibda jikber u jikber. U l-mostru tal-klijenteliżmu jibqa’ jeħxien u jikber u jiqliel. U l-opportuniżmu jgħolli rasu u nkomplu għaddejjin bl-istess diska. Terġa’ tiġi l-elezzjoni u nerġgħu nibdew, pjaċiri bħall-pastizzi. U jekk Gvern, ikun min ikun, jaħsel ibiddel ir-rotta araha ġejja l-Oppożizzjoni biex tirbaħ punt.
Meta se jitkisser u min se jkisser dan iċ-ċirku vizzjuż?